Glossarju - Tifsiriet ta’ Kliem

AFFRESK

Affresk3L-Affresk hija teknika qadima ta’ tpinġija fuq ħitan miksija bil-ġibs li jkun għadu ma nixifx ("intonaco"). It-tpinġija ssir b’kuluri maħlulin fl-ilma bil-ġir. Kif il-ġir u l-ġibs jinxfu, dawn jagħmlu reazzjoni kimika u jsiru ħaġa waħda bil-kulur magħqud magħhom. Id-disinn kien jiġi trasferit minn fuq karta li jkun impinġi fuqha (“cartoon”) billi kienu jtaqqbu toqob żgħar mal-linji tad-disinn u jużaw trab tal-kulur fuqhom.

Din it-tekina hija qadima ħafna iżda kienet l-aktar popolari bejn it-tlettax u s-sittax il-seklu. Affreski qodma ta’ żmien medjevali jinsabu f’Malta f’kappelli bħal dik ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ u dik tal-Lunzjata f’Ħal Millieri.




DEVOZZJONI

Devozzjoni02Xi wħud min dawn il-knejjes jitqiesu bħala tempji li fihom xi xbihat mirakolużi u matul iż-żmienijiet il-Maltin kienu jterrqu lejn dawn it-tempji mbiegħda f’Malta u Għawdex biex ifittxu l-faraġ jew xi fejqan. Dawn il-pellegrini kienu jagħmlu dan b’imħabba kbira u devozzjoni lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin. F’xi uħud minn dawn il-knejjes insibu devozzjoni kbira, tant li xi wħud minnhom saru pellegrinaġġi Nazzjonali b’solennita’ kbira. Oħrajn saru b’wegħda bħal dik ta’ Santu Rokku, tal-Belt, li saret b’wegħda mill-Universita ta’ Malta, u dik ta’ Sarria fil-Furjana li ukoll saret b’wegħda, din id-darba mill-Gran Mastru Raphael Cotoner, u l-Kunsill tiegħu.




IL-MONSINJUR PIETRO DUSINA (kitba ta’ Philip Xuereb)

IsqofPietroDusinaIl-Monsinjur Pietro Dusina kien intbagħat Malta fl-1575, jiġifieri 10 snin wara l-Assedju l-Kbir u waqt li kien għadu għaddej il-bini tal-belt Valletta, wara nkwiet li kien inqala' bejn il-Grammastru u l-Isqof kif ukoll bejn il-Grammastru u l-Kavallieri. Mons Dusina intbagħat f'Malta bil-poteri jew ħatra ta' Viżitatur Appostoliku. Minbarra li kellu s-setgħa ta' dak li llum jissejjaħ Nunzju, jew ambaxxatur tas-Santa Sede, speċjalment fil-kwistjonijiet imsemmija aktar 'l fuq huwa seta' jagħmel viżta ġenerali tad-djoċesi (illum kieku ngħidu inspection jew audit) skont ma kien stabbilixxa l-Konċilju ta' Trentu li kien intemm ftit aktar minn għaxar snin qabel. Ir-rapport li ħalla jagħtina l-ewwel stampa mill-aktar dettaljata tal-istat tal-knisja f'Malta, mhux biss fejn jidħlu strutturi (knejjes u kappelli) iżda wkoll tal-kleru u l-amministrazzjoni ġenerali, bħal tagħlim, sagramenti, finanzi u l-bqija, bit-tajjeb u n-nuqqasijiet (abbużi) li sab. Minnu 'l hawn, sakemm ma tneħħiex għal kollox minn Napuljun fl-1798, twaqqaf f'Malta t-Tribunal tal-Inkwiżizzjoni, ħaġa li qabel kienet tkun iddelegata lill-Isqof tal-post. Hekk issa l-Inkwiżitur beda jkun kemm Nunzju tal-Papa għall-Ordni ta' San Ġwann li kien imexxi Malta, kif ukoll Tribunal fejn kienu jidħlu każi ta' nuqqasijiet jew abbużi oħra dwar il-fidi.




IL-FEWDALIŻMU

EmperorCharlesVDin hija sistema fejn sultan jagħti biċċa art lil xi nobbli bħala kumpens għas-servizzi li dan ikun taħ - ħafna drabi billi jipprovdilu nies u meżżi waqt il-gwerrer. Fl-istess ħin kien jikkapparra l-lejalta tiegħu. Il-fewdatarju għalhekk kellu ċert obbligi lejn is-sultan iżda kien ukoll igawdi privileġġi fil-fewdu li jkun inagħta. Peress li jkun qed imexxi f'isem is-sultan, kien jista' jiġbor it-taxxi m'għand il-poplu u għalhekk seta' jagħmel il-qliegħ wara li jkun skonta l-obbligi li jkollu lejn is-sultan. Il-fewdu ma kienx jinkludi biss l-art iżda kollox kull ma jkun fiha inkluż il-bhejjem u r-raħħala. Ir-raħħala kienu jkunu marbutin ma' l-art li jaħdmu u meta l-fewdu jgħaddi għand ħaddieħor, kienu wkoll jgħaddu huma taħt il-ħakma ta' min ikun xtara jew wiret il-fewdu. Iżda r-raħħala ma setgħux "jinbiegħu" separatament mill-art. L-aħhar sidien fewdatarji ta' Malta kienu l-kavallieri li ġew f'Malta fl-1530 meta ngħataw il-gżira mill-Imperatur Karlu V bl-approvazzjoni tal-Papa Klement VII. Huma kienu jħallsu ħlas nominali ta' falkun fis-sena.




GRAFFITI

Graffiti02F’xi uħud mill-knejjes u kappelli tagħna naraw xi graffiti (tpinġijiet magħmulin bi brix) mal-ħitan, kemm minn barra u kemm minn ġewwa tal-knisja. Ħafna minnhom juru forom ta’ xwieni u galeri, filwaqt li oħrajn juru simboli ta’ slaleb inkluż dak tal-kavallieri, bi tmien ponot. Naraw ukoll għasafar, simboli ta’ idejn u għajnejn fost oħrajn. Dawn jingħad li kienet forma oħra ta’ “ex voto” minflok kwadri. Minn ma kienx jista’ jħallas biex jagħmel kwadru kien jagħmel dawn il-graffiti bħala sinjal ta’ ringrazzjament, tal-wegħda li tkun inqalgħet. Instabu ukoll graffiti fil-kampnari ta’ xi knejjes parrokkjali, ngħidu aħna dik ta’ Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. Jingħad li jista’ jkun ukoll li l-graffiti li nstabu fil-kampnari, setgħu saru waqt l-għassa li kienet issir waqt l-imblokk tal-Franċiżi. Waqt li n-nies kienu jkunu għassa fuq il-kampnar (l-iktar bini għoli tal-irħula, f’dak iż-żmien) kienu jgħaddu l-ħin iħażżu mal-ħitan. Iżda dan ma jeskludix li l-oħrajn li nstabu fil-knejjes kienu bħala riżultat ta’ xi “ex voto”.




IL-GRAN PRIJUR TAL-ORDNI

gran_prior117_204x150L-Uffiċċju tal-Gran Prijur tal-Ordni nħoloq fl-1181 mill-Papa Luċju III waqt il-Kruċjati. Kien jitqies bħala d-Direttur Spiritwali tal-Ordni u kellu l-kontroll tal-Knisja Konventwali tal-Ordni, li meta l-kavallieri kienu joqgħodu fil-Birgu, kienet il-knisja ta' San Lawrenz. Il-Gran Prijur kellu kariga għolja fl-Ordni u kien jitqies it-tieni wara l-Gran Mastru u l-Isqof ta' Malta, u għalhekk kien jieħu preċedenza fuq il-Balliju, Kmandanti u Prijuri tal-Lingwi tal-Ordni. Biex jitnaqqas it-tilwim bejn il-Gran Prijur u l-Isqof, ġie li kien jiġi nnominat bħala Isqof il-Gran Prijur innifsu jew wieħed mill-Kappillani Konventwali tiegħu, bħalma kien ngħidu aħna, l-Isqof Domenico Cubelles li kien Gran Prijur bejn l-1539 u l-1540. L-Ordni kien ukoll jissejjaħ bħala "il-Kunvent" u hu kien il-kap tal-Kappillani Konventwali, li flimkien kienu jiffurmaw l-Assembleja tal-Kappillani Konventwali. L-istudjuż Lorenzo Zahra jagħti din id-deskrizzjoni ta' kif kien jilbes il-Gran Prijur tal-Ordni: Kien ikun espert fil-Liġi Kanonika kif ukoll fir-regoli tal-Ordni. Kien jilbes suttana sewda infurrata bil-vjola, bħalma kienu jilbsu d-dinjitarji għoljin tal-knisja. Fuq din is-suttana kien jilbes muzzetta vjola li kien ikollha fuqha s-salib tat-tmien ponot abjad. Fil-funzjonijiet kien jilbes is-salib pettorali, il-mitra u kien juża' l-baklu. L-Isqof Bartolomeo Rull, ukoll ex-Gran Prijur, beda jilbes ukoll il-cappa magna u r-rukkett, li sa dak iż-żmien kienu jintużaw biss mill-Isqof. Il-Gran Prijur kien ukoll iqaddes il-Quddiesa Solenni fil-Knisja Konventwali in modo pontificio jiġifieri kif kien iqaddisha l-Isqof meta jqaddes il-Quddiesa Solenni fil-Katidral. Waħda mill-funzjonijiet li l-Gran Prijur tal-Ordni kellu kienet li jagħmel iż-żjajjar pastorali minflok l-Isqof lil dawk il-kappelli u knejjes li kienu jappartjenu għall-istat (jiġifieri għall-Ordni) u ma kinux ikunu tal-Knisja.




ĠUSPATRONAT

GuspatronatIl-kelma Ġuspatronat tfisser jedd legali għal xi benefiċċju. Fil-kuntest ta’ knisja jew kappella li kienet ġuspatronat, dak li kien bnieha (normalment xi qassis) kellu l-jedd fuqha u kellu s-setgħa li jinnomina hu lil min jieħu ħsiebha permezz ta’ kitba, bħal testment, wara l-mewt tiegħu. Mal-knisja kien ikun hemm marbuta xi artijiet jew għelieqi li mid-dħul tagħhom kienu jridu isiru xi obbligi. Minn jieħu ħsieb l-knisja kien ikun marbut li jaghmel dak kollu li jkun hemm fit-testment, bħal ngħidu aħna quddiesa nhar il-festa, li jinxtegħel l-lampier, il-kant tal-għasar lejlet il-festa u tqassim ta’ xi ħlewwiet lill-foqra fil-festa u xi kultant ukoll quddies għal ruh min kien bena l-knisja. Il-kumplament tal-qliegħ minn dawn l-artijiet marbuta mal-knisja kien imur għal dak li kien jieħu ħsieb l-knisja. Eżempji ta’ knejjes li kienu ġuspatronat kienu dik ta’ Santa Katerina fin-Naxxar u tad-Duluri fl-Imqabba.




GĦASAR

OrgniFilKorL-għasar huwa servizz li normalment isir fil-ġranet tal-festa u jsir billi jitkanta jew jinqara innu, tlett Salmi, isir qari qasir mill-Iskrittura Mqaddsa, invokazzjonijiet u wara tingħad it-talba tal-Magnificat. Ħafna drabi titkanta wkoll l-antifona tal-qaddis/a li tiegħu jew tagħha tkun qed issir il-festa. Dawn jingħadu bħala parti mill-liturgija tas-siegħat fl-għaxija sewwasew qabel il-kumpjeta. Il-kelma għasar li aħna l-Maltin spiss nużaw hi l-istess kelma li jgћidu il-Misilmin biex ifissru waћda mill-ћames talbiet ta’ kuljum, li tingћad wara nofsinhar.  Kelma oħra b'għeruq fil-Latin li wkoll tintuża minflok il-kelma għasar hija "il-Vespri".




ICONOSTASIS

IkonostasisDin kienet speċi ta’ grada tal-injam li kienet tifred l-artal tal-knisja, l-iktar parti devota tal-knisja, mill-kumplament tal-knisja. Eżempju ta’ dan għadna narawh fil-Kappella li hemm f’Kemmuna. Din hija grada tal-injam li saret fl-aħħar tas-seklu dsatax jew l-bidu tas-seklu għoxrin, biex tieħu post oħra antika ta’ oriġini medjevali. Fil-Knisja tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri fl-arkata ta’ quddiem l-artal u fl-art għadu jidher fejn kienet imwaħħla din il-grada. L-“Iconostasis” hija influenza oħra mir-rit Grieg li fl-imgħoddi kien jinħass ħafna fil-knejjes tagħna. Teorija oħra għal dawn il-gradi kienet li dawn kienu mezz ta’ sigurta għall-artal, fi knejjes li kienu jitħallew miftuħin.




L-INKIŻIZZJONI IsqofDomenicoCubelles

Patri Alessandru Bonniċi jiddefinixxi l-Inkiżizzjoni bħala "qorti tal-Knisja li għamlet ħilitha biex, fir-Reliġjon Nisranija, ma jidħol l-ebda tagħlim li jkun kontra l-verita". Għalhekk l-Inkiżituri ħaduha kontra dawk li tilfu l-Fidi jew waqgħu f'xi żbalji kontra l-Fidi. Kien hawn tlett għamliet ta' Inkiżizzjoni: dik Medjevali, dik Rumana u dik Spanjola. Dawn kienu differenti ħafna minn xulxin. L-agħar fosthom kienet dik Spanjola li f'Malta ma daħlet qatt.




INKURUNAZZJONI TA’ KWADRU JEW STATWA

InkurunazzjoniF'diversi knejjes u kappelli fil-gżejjer nsibu kwadri titulari li huma nkurunati. Ngħidu aħna forsi l-iktar li huma popolari hemm il-kwadru tal-Madonna ta' Pinu f'Għawdex u tal-Madonna tal-Grazzji f'Ħaż Żabbar. Apparti dawn imma nsibu kwadri oħra li huma nkurunati li jinsabu f'kappelli u knejjes żgħar f'Malta. Skont il-Kanonku Nikol Vella Apap li kiteb fuq is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara, biex tiġi nkurunata xbieha ta' Madonna jinħtieġu tlett affarjiet. L-ewwel, li l-inkwatru jew statwa li jkunu ser jiġu nkurunati jkunu antiki, bħal dawk li diġa semmejna u bħal oħrajn bħal dak li jinstab fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. It-tieni, li n-nies ikunu jmorru jżuru bi ħġarhom ix-xbieha ta' dak il-kwadru jew statwa. L-aħħar ħaġa mitluba hi li dak il-kwadru jew statwa tkun xxerdet grazzji kbar u għamlet għeġubijiet. Wara, issir it-talba formali lill-Vatikan mill-Arcisqof tad-djoċesi ta' fejn ikun hemm l-kwadru jew statwa li qed issir it-talba fuqu. Hemm hekk jiġi deċiż jekk il-kwadru jew statwa jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq. Jekk dawn jilħqu il-kriterji meħtieġa, jinħareġ digriet mill-Vatikan fejn jingħata l-jedd lil dik il-persuna li kienet għamlet it-talba biex ssir l-inkurunazzjoni. Normalment għal din l-okkażżjoni jitħejjew festi speċjali, fejn l-festi jilhqu l-qofol tagħhom waqt li l-Arċisqof jpoġġi l-kuruna fuq ras ix-xbieha tal-Madonna. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li aħna tassew ixxurtjati li għandna ħafna kwadri tal-Madonna li ġew inkurunati. Dan jixhed id-devozzjoni kbira li l-poplu tagħna kellu lejn Marija Santissima.





KAPPELLI JEW KNEJJES ŻGĦAR?

Speranza_Mosta3Aħna nirreferu għall-knejjes żgħar, kulltant, b’mod inkorrett u nsejħulhom “kappelli”. Huwa nteressanti li wieħed jagħraf id-differenza bejniethom. Skont il-Professur Dr. Mario Buhagiar, kappella hija parti minn knisja ikbar, bħal ma’ nsibu fil-kappelli jew kappelluni fil-knejjes parrokkjali tagħna bl-artali tagħhom. Kappella ma tistax tkun bini fiżikament indipendenti. L-uniku kuntest fejn kappella tista’ tkun knisja ndipendenti kien fi żminijiet medjevali meta “cappella” kienet il-parroċċa tal-lum, bħalma ngħidu aħna “Il-kappella ta’ Bir Miftuħ” li fis-seklu ħmistax kienet il-parroċċa li tinkorpora ħafna rħula tal-madwar. Ta’ min igħid li l-kelma “kapillan” ġejja mill-kelma kappella u tfisser “dak li jieħu ħsieb kappella” jiġifieri dik li llum insejjħulha knisja parrokkjali.





KARTA TAL-GLORJA

Karta GlorjaXi kultant meta knisja jew kappella tkun armata għall-festa fuq l-artal maġġur jew xi artal ieħor naraw xi gwarniċi tal-injam jew tal-fidda, li fihom ikun fihom xi talb. Normalment naraw tlieta minnhom, f'tan-nofs ikun hemm il-glorja u t-talba tal-konsagrazzjoni, fuq in-naħa tal-lemin ikun hemm it-talb tal-ħasil tal-idejn (il-"lavabo") u fuq in-naħa tax-xellug ikun hemm xi silta mill-Vanġelu. Dawn kienu jintużaw, biex waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa is-saċerdot ikun jista' jaqra minn fuqhom. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni dawn tista' tgħid li tilfu l-użu tagħhom, għax l-qassis m'għadux jagħti dahru lejn il-kongregazzjoni waqt il-quddiesa għax fuq l-artal mejda dejjem ikun hemm l-Iskrittura Mqaddsa minn fejn il-qassis ikun jista' jaqra t-talb. Iżda dawn il-karti tal-glorja jew kif xi kultant jissejħu 'kartaglorja' għadna narawhom bħala tiżjin fil-knejjes fil-ġranet tal-festa.




Knisja Pprofanata KappellaPprofanataVizitazzjoniHalMillieri

Matul ż-Żjajjar Pastorali ċertu knejjes kienu jiġu pprofanati. Meta knisja kienet tkun profanata, kienet tiġi ddikjarata li m’ghadhiex titqies bħala post sagru u ma tistax tkompli sservi bħala post fejn isir il-quddies. Dan kien jiġri speċjalment meta xi knejjes kienu jintelqu, u jispiċċaw fi stat ħazin. L-Isqof kien jagħlaq din il-knisja u jiddikjaraha pprofanata. Wieħed mill-Isqfijiet li pprofana knejjes kien l-Isqof Balaguer fiż-żjarat tiegħu lil diversi knejjes fl-1659.




KNEJJES TROGLODITIĊI

Dawn huma l-knejjes li nbnew fl-għerien. L-Għar ta’ San Pawl (St. Paul’s Grotto) u ta’ Sant’Agata, fir-Rabat u l-kappella fil-blat fil-Castrum Maris (Forti Sant’Anġlu) u l-Knisja tal-Madonna tal-Mellieħa huma eżempju ta’ knejjes mibnijin fl-għerien. Fost dawn insibu ħafna madwar l-gżejjer tagħna. Dawn il-knejjes kienu jitħaffru fil-blat u kien ikollhom l-affarjiet kollha li nsibu fi knisja li naraw llum, bħal artal, bankijiet imħaffrin fil-blat, affreski etċ. Skont Dr. Mario Buhagiar, dawn il-knejjes kienu jinbnew fl-għerien, bħala simboliżmu peress li Kristu twieled u rxoxta mill-għar. Din it-teorija tispjega għaliex f’xi knejjes medjevali oħrajn li minħabba fejn qegħdin ma setgħux jinbnew f’għerien, biex tidħol fihom trid tinżel xi taraġ, biex hekk tingħata d-dehra li inti qiegħed “f’għar”.




KOPPLA

KopplaGlossarjuKoppla hi s-saqaf għoli, ġeneralment f'forma ta' nofs sfera, li jkun mibni fuq numru ta' pilastri li fuq dawn jitilgħu erba' ħnejjiet kbar, fuq l-artal maġġur. Aktarx li aktar li nsibuhom fil-knejjes il-kbar u ta' daqs medju milli fil-knejjes żgħar. Insibu koppli ta' qisien u forom differenti, ngħidu aħna bħal dik li nsibu fil-Knisja tas-Salvatur l-Antik f'Ħal Lija fejn hemm koppla għamla ta’ plattin u bit-twieqi bit-tambur. Din kienet waħda minn tal-bidu li saru. Insibu wkoll dawk bi stil aktar magħruf, li jkunu ddisinjati bħala nofs sfera. Oħrajn ikunu jisku 'l knisja kollha u mhux l-artal maġġur biss. Fost dawn insibu żewġ eżempji ċelebri bħal dik tal-Mosta u dik tal-Knisja tal-Karmnu, fil-Belt Valletta. Din tal-aħħar għadha għamla ovali.

"Koppla" unika f'Malta hi dik li hemm fil-Katridral Matriċi ta' Santa Marija f'Għawdex. Din hi "koppla li mhix koppla" - is-saqaf hu ċatt, jiġifieri m'hemmx koppla fis-sens arkitettoniku tal-kelma. Iżda minn ġewwa, dan is-saqaf ċatt u tond hu mpitter b'pittura li tqarraq b'min ikun qed jaraha mill-korsija għax tagħti l-impressjoni li hemm koppla tredimensjonali. Din il-pittura tal-1739 saret mill-Isqalli Antonino Manuele li uża t-teknika magħrufa bħala trompe l'oeil biex jagħti impressjoni li hemm koppla u għalhekk jagħti impressjoni ta' spazju akbar.

L-għan tal-koppla hu li ddawwal l-artal maġġur, apparti biex iżżejjen l-arkittetura tal-knisja. Fi knejjes kbar parrokkjali nsibu wkoll koppletti, li huma koppli żgħar li nsibuhom fil-ġnub tal-koppla prinċipali biex idawlu l-artali laterali fil-knejjes. Eżempju ta' dawn huma dawk fil-knisja parrojakli ta' Raħal Ġdid fost l-oħrajn.





KWADRI “EX VOTO”

2007_ExVoto0618BKara4Kappelli0048F’ħafna mill-knejjes u kappelli devoti nsibu ammont kbir ta’ kwadri tal-wegħda. Dawn kienu jsiru bħala ringrazzjament lil Alla, lill-Madonna jew lill-qaddisin ta’ xi wegħda li tkun ġiet maqlugħa. Ħafna minn dawn il-kwadri huma marittimi, ta’ xi nies li nqabdu f’xi tempesta fuq il-baħar u ħelsuha mill-għarqa. Oħrajn huma bħala ringrazzjament ta’ ħlas tajjeb, jew ta’ xi ħadd li kien marid u wara fieq. Fuq dawn l-kwadri dejjem nsibu l-ittri VFGA (“Votum Fecit Gratiam Accepit") li jfissru li l-wegħda saret u l-grazzja ġiet maqlugħa. Għalkemm ħafna minn dawn m’għandhom l-ebda valur artistiku, hemm oħrajn li tpittru minn artisti tal-arti. L-knejjes tal-Madonna tal-Ħerba, tal-Ħniena, tal-Ħlas, ta’ Pinu u s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, Haż-Żabbar huma fost l-iktar li għandhom kwadri “ex voto”.





LEĠĠENDILeggendaTalIsperanza

Ma’ xi wħud minn dawn il-knejjes u kappelli nsibu xi leġġendi marbuta magħhom. Fost dawn forsi l-iktar popolari huma l-leġġendi tal-Madonna tal-Isperanza u ta’ San Pawl Eremita tal-Mosta, ta’ San Dimitri u taż-Żejt fl-Għarb, u ta’ San Kurrad fil-Qala Ghawdex. Stejjer ħelwin li missierijitna kienu jirrakontaw lil uliedhom fil-passat. Forsi mhux kollha huma veri, u ma tistax toqgħod fuqhom, imma jibqa’ l-fatt li huma leġġendi ħelwin, u jagħmlu parti mill folklor tagħna.




Non Gode L’Immunita Ecclesias

2007_0607Tal-MirakliWalk0022Mal-bieb ta’ ħafna kappelli u knejjes żgħar għadna naraw irħama b’dawn il-kelmiet. Din tfisser li dik l-knisja jew kappella ma tgawdix il-protezzjoni tal-Knisja. Fl-antik xi uhud minn dawn il-knejjes taw kenn lill-kriminali li kienu jiddaħħlu minn dawk li kienu jieħdu ħsieb l-knejjes u l-awtoritajiet ma kellhomx jedd jidħlu u jarrestaw lil dawn in-nies. Dan kien ħoloq inkwiet bejn l-Knisja u l-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-1828 il-Gvernatur Frederick Ponsonby, abolixxa d-dritt tal-immunita mill-knejjes, u twaħħlu dawn l-famużi lapidi tal-irħam li għadna naraw ma’ ħafna mill-knejjes tagħna.




L-“OCULUS” FIL-FAĊĊATA TAL-KAPPELLI

OculosL-iktar kappelli antiki ma kienx ikollhom tieqa għal barra fil-faċċata: ngħidu aħna dik ta’ Ħal Millieri m’għandiex tieqa għal barra. Jidher li t-twieqi bdew isiru wara ż-żjara ta’ Monsinjur Pietro Dusina, fejn fir-rapporti tiegħu nsibu li kien ordna li jsiru “oculi” jew kif jissejħu bl-Ingliż “deep eye”. Dawn m’huma xejn għajr twieqi fuq il-bieb prinċipali biex idawwlu l-knejjes, li sa dak iż-żmien kienu jkunu mdallmin ħafna. L-ewwel twieqi li saru kienu dawk tondi mingħajr elaborazzjoni ta’ xejn. F’kappelli inqas antiki dawn t-twieqi narawhom b’disinji differenti, bħal b’forom ta’ warda, stillel u disinji oħra.




OQBRAOqbraGlossarju

Waħda mill-forzi l-kbar li mbuttat l-bini ta’ tant kappelli kienet li kienu jservu ta’ mezz fejn jindifnu n-nies. Ngħidu ahna fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina fl-1575, hu jsemmi li f’ħafna kappelli kien hemm oqbra, u f’hafna kazi hu kien rrimarka biex id-dfin isir aħjar. F’xi kazijiet nsibu li ċertu Kappelli kienu privati u fihom kienu jindifnu biss l-membri ta’ familja wahda. Kappelli ohrajn servew bħala post fejn indifnu l-vittmi tal-pesta kemm gewwa l-knisja, kif ukoll fil-parti ta’ quddiem il-knisja għalhekk magħrufa bħala “zuntier”. Eżempju ta’ dan huma l-Kappelli ta’ San Bażilju u San Mikiel fl-Imqabba li quddiemhom ndifnu l-vittmi tal-pesta li laħqet dan ir-raħal fl-1676.




PARROĊĊA

ParroccaSMBirMiftuhJoseph Bezzina jiddefinixxi l-kelma parroċċa bħala "komunita ta' Kristjani f'lokal determinat ta' djoċesi, li l-kura tagħha hi mħollija f'idejn kappillan li jmexxiha bħala ragħaj f'isem l-isqof". L-ewwel parroċċi ta' Malta ssejħu cappelle b'rabta mal-kappella li ntgħażlet għall-kura tal-erwieħ. Il-kappelli ma kellomx rabta ma' raħal partikolari, tant li kull kappella kellha diversi rħula taħt il-kura tagħha. Mill-banda l-oħra, f'Għawdex ma ssejħux cappelle iżda parroċċi b'territorju żgħir determinat u mhux b'diversi rħula taħthom bħal f'Malta. Mhux magħruf bi preċiżjoni meta twaqqfu l-ewwel cappelle f'Malta u parroċċi f'Għawdex iżda l-indikazzjonijiet huma li dan beda' jsir lejn il-bidu tas-seklu ħmistax.




PORTIKU

StCatherineVallettaDiversi knejjes għandhom loġġa jew loġoġ quddiem l-entratura prinċipali, li tagħmel parti integrali mill-faċċata tal-knisja. Xi uhud minnhom huma ddekorati ukoll. Il-korsija kienet isservi bħala kenn għall-pellegrini li kienu jiġu jżuru dik l-knisja partikolari. Fil-fatt il-portiċi l-iktar li nsibuhom huma f'tempji Marjani li fihom kienu jsiru ħafna pellegrinaġġi. Fi żmienijiet fejn it-trasport kien biss permezz ta' xi bhima jew inkella bil-mixi, il-portiċi kienu importanti ħalli wara vjaġġ kemmxejn twil sakemm jaslu, in-nies kien ikollhom fejn jistkennu mill-qilla tax-xemx fis-sajf jew inkella minn xi ħalba xita fix-xitwa. Hemmhekk kienu jistennew sakemm tiftah il-knisja, jisimgħu il-quddiesa u jitolbu għall-bżonnijiet tagħhom. Ma kienx jonqos illi l-pellegrini kienu jġibu xi ftit ikel u xorb magħhom biex qabel ikomplu t-triq lura sad-dar jitrejqu ftit. Fost l-isbaħ portiċi li nsibu fi knejjes tagħna hemm dak tal-Knisja tal-Madonna tal-Providenza fis-Siġġiewi u dak tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena l-Qrendi. Knejjes ohrajn li għandhom devozzjoni kbira u għandhom portiku jew loġġa huma tal-Madonna tal-Ħlas bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u s-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara. Jingħad illi fil-loġoġ li hemm mas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas, kien hemm nisa li kienu jmorru jwelldu t-trabi hemmhekk minħabba d-devozzjoni li hemm marbuta ma’ din il-knisja.




PRIVILEĠĠI U INDULĠENZI 

AltarIpprivileggjatTalHerbaFil-kitbiet li għandna fis-sezzjoni “il-Kappelli” niltaqgħu ta' sikwiet mal-kliem li artal huwa "privileġġjat" jew mal-kelma "indulġenza". Indulġenza fiha nnifisha tfisser “maħfra”. Għalhekk l-indulġenza li nakkwistaw bit-talb jew b'xi għemil tajjeb ieħor hija maħfra tal-piena temporali li nkunu stqarrejna quddiem Alla. Skont il-Kanonku Nicholas Vella Apap, li kiteb fuq is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara, indulġenza tista' tkun "plenarja" jew "parzjali". Indulġenza tkun plenarja meta fil-fehma tal-knisja tkun mogħtija biex bir-rebħa tagħha dak li jkun jaqla' l-maħfra tal-piena temporali kollha. Indulġenza tkun parzjali meta tiġi mogħtija biex wieħed jaqla' l-maħfra ta' parti biss mill-piena temporali. L-indulġenza tista' tkun applikabbli jew mhux applikabbli għall-erwieħ tal-purgatorju. Għalhekk meta artal ikun ipprivileġġjat dan ikun ifisser li min jitlob quddiemu jingħata ammont ta' ġranet ta' maħfra.

Dawn il-privileġġi jistgħu jingħataw mill-Vatikan jew anki mill-Isqof tad-Djoċesi. Normalment mal-artal ipprivilleġġjat dejjem insibu kitba fuq irħama li jsemmi min kien ta dan il-privileġġ, kif ukoll x'irid isir biex tinqala din l-indulġenza. Ħafna drabi biex tinqala l-indulġenza wieħed irid jgħid xi talb bħall-Ave Maria, Pater Noster, il-Glorja, il-Kredu jew is-Salve Regina quddiem l-artal ipprivelleġġjat. Il-ġranet ta' indulġenza mirbuħa jvarjaw skont id-devozzjoni tal-artal u dawn ivarjaw minn ftit granet sa anki snin. F'każijiet oħrajn l-indulġenza tinqala' jekk t-talb jingħad f'ġurnata partikolari bħal ngħidu aħna nhar il-Lunzjata, jew jum it-twelid tal-Madonna. Dan jiddependi skont id-dedika tal-artal ipprivileġġjat. Għalkemm għadna nsibu ħafna artali ipprivileġġjati, għax fil-passat dawn kienu popolari ħafna, illum it-twaqqif ta' artali ipprivileġġjati naqas ħafna minħabba tibdil fit-twemmin ta' kif tingħata l-maħfra.




IR-ROLLO TA’ SENATORE DE MELLO TAL-1436

knisja_melliehaSenatore de Mello kien saċerdot Spanjol li jgħix f’Catania, fi Sqallija. Kien ġie nominat Isqof ta’ Malta mill-Papa Ewġenju IV fit-13 ta’ Frar, 1432. Dak iż-żmien l-isqfijiet ta’ Malta kienu jgħaddu żmien twil fi Sqallija, għaliex kienu jibżgħu mill-attakki tal-furbani, għax Malta kienet għadha nieqsa ħafna mill-protezzjoni adekwata. F’Malta kienu jħallu saċerdot Vigarju biex imexxi d-djocesi. Fl-1436 l-Isqof de Mello ġie Malta biex iwaqqaf Kummissjoni ta’ erba’ kanonċi tal-katidral biex jiġbru l-lista tal-prebendi, kanonikati u benefizzji fil-gżejjer Maltin, id-dħul finanzjarju minn kull wieħed, u l-ismijiet tas-saċerdoti li kienu jgawduhom. Dan għamlu biex tiġi solvuta darba għal dejjem kwistjoni bejn il-kleru ta’ Malta u dak ta’ Għawdex, dwar xi taxxi li kellhom jitħallsu. Hekk bis-saħħa ta’ din il-lista jew rollo (Il-'Quinterniolus pro Concordia Taxarum') għandna tagħrif interessanti fuq mija u erbgħin benefizzju. Fosthom jissemmew tnax il-cappella (l-ewwel forma ta’ parroċċi kif nafuhom illum). Inklużi ma’ dawn it-tnax kien hemm l-cappelli ta’ Castrum Maris (llum Kastell Sant’Anġlu) fil-Birgu u l-Katidral, kif ukoll l-għaxar cappelle tal-kampanja. Dawn kienu l-cappelle ta’ Birkirkara, Naxxar, Ħal Qormi, Siġġiewi, Bisqallin (Żejtun), Casal Tartarni (Ħad Dingli), Ħaż Żebbuġ, Mellieħa, Żurrieq u Bir Miftuħ. Ma jfissrix li dawn il-cappelle kollha twaqqfu fl-1436 kif jistgħu jaħsbu xi wħud: fil-fatt il-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara kienet ġiet msemmija f’kuntratt li sar fl-1402. Iżda li hu żgur hu li f’dik is-sena kienu diġa jeżistu bħala cappelle.




IS-SALIB FUQ IL-KOLONNA (jew IS-SALIB TAD-DEJMA) –

SalibRajtMaRajtx2Madwar l-gżejjer tagħna għadna naraw ammont sabiħ ta' slaleb fuq kolonna. Dawn kienu jsiru meta kien ikun hemm xi kappella jew knisja li għal xi raġuni tkun twaqqgħet kien isir dan is-salib bħala tifkira tagħha. L-iktar li nsibu minnhom huma fl-irħula l-qodma u l-iktar li nsibuhom hu fiċ-ċentru l-antik tar-raħal. Uħud minnhom spiċċaw; oħrajn ġew irrestawrati u għadna narawhom f’kundizzjoni tajba ħafna. Oħrajn jinsabu mitluqin u kważi waslu biex jiġġarfu. Wieħed minnhom li għandu storja makabra marbuta miegħu hu dak li jinsab fil-limiti ta’ Birkirkara quddiem l-entratura tal-Isptar Mater Dei, magħruf aħjar “Is-Salib ta’ rajt ma rajtx, smajt ma smajtx”. Ma' dan hemm marbuta storja li tgħallimna biex nogħqodu attenti ma' min ngħidu dak li nkunu rajna għax jaf ikollu konsegwenzi traġiċi, kif fil-fatt kellu fl-istorja li hemm marbuta ma' dan is-salib.

Dawn is-slaleb kienu magħrufin ukoll bħala "tad-Dejma", minħabba li kienu jintużaw bħala post fejn jiltaqgħu il-Maltin meta jkunu mgħajta ħalli jiddefendu Malta, jekk kien isir xi nżul mill-furbani jew pirati. Il-Maltin, maqsumin f'distretti, kellhom post fejn jiltaqgħu ħalli minn hemm kienu jingħataw l-ordnijiet preċiżi fejn kellhom imorru biex jilqgħu lill-għadu. Minħabba f'hekk li uħud minn dawn is-slaleb għadhom magħrufa bħala Is-Salib tad-Dejma.




SANTWARJU

SantwarjuFil-gżejjer tagħna nsibu għadd ġmielu ta' Santwarji, li huma postijiet ta' devozzjoni kbira u li jiġbdu fihom għadd kbir ta' devoti li jżuruhom. B'Santwarju nifhmu knisja jew post qaddis fejn għal mottiv ta' devozzjoni l-insara jmorru f'pellegrinaġġi numerużi u ta' spiss bl-approvazzjoni tal-Isqof ta' dik id-djoċesi fejn jinstab. Skont il-Kanonku Nicholas Vella Apap li kiteb fuq is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara, huma s-Santa Sede jew il-konferenza episkopali lokali tal-Isqfijiet li huma l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu l-kodiċi li jwaqqaf Santwarju u li jipprovdi r-rikonoxximent għall-kwalifika ta' Santwarju "internazzjonali" jew "nazzjonali" rispettivament. Il-kelma santwarju timplika li din il-knisja hi iktar għażiża minn knejjes oħra, u li fiha seħħew affarjiet tal-għaġeb bħal qliegħ ta' grazzji speċjali. Fis-Santwarji normalment insibu xbiehat devoti, xi kultant mirakolużi, tal-Madonna li f'diversi okkazzjonijiet jiġu nkurunati. F'uħud mis-Santwarji tagħna nsibu għadd ġmielu ta' kwadri tal-wegħda jew "ex voto" li jkomplu jixhdu d-devozzjoni li jkun hemm għal dawn it-tempji. Xi ftit eżempji ta' kappelli u knejjes żgħar li ġew mogħtija titli ta' Santwarji f'pajjizna huma dawk tal-Madonna tal-Ħlas f'Ħal Qormi, tal-Madonna tal-Ħniena l-Qrendi, tal-Madonna tal-Mellieħa u tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara.





IS-SIBI

Mediterranean_pirate_guns_and_cannon_smallIs-Sibi kien piraterija tal-baħar liċenzjat mill-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż, u għalhekk legali, fosthom il-Viċi Re Ammirall ta’ Sqallija u aktar tard, l-Ordni ta’ San Ġwann. Għalhekk kien ukoll meqjus bħala sengħa li ġġib il-qliegħ għax is-sibbien kienu jħallsu t-taxxa fuq dak li jaqbdu. Barra minn hekk, kienu wkoll iservu ta’ deterrent għall-għadu biex ma jbaħħarx lejn xtutna. Il-Maltin, imdawwrin bil-baħar, għarfu jisfruttaw din is-sengħa matul is-sekli u sa mill-għaxar seklu wara Kristu, is-sibbien Maltin kienu meqjusin fost l-aqwa fis-sengħa tagħhom. Ix-xogħol tas-sibi kien iħaddem miegħu mhux biss il-baħħara iżda wkoll il-bennejja tal-opri tal-baħar, ta’ dawk li jagħmlu l-qlugħ u l-ħbula, ta’ dawk li jagħmlu l-armi, ta’ dawk li jipprovdu l-ikel u x-xorb lill-bastimenti - insomma, ħafna snajja oħrajn li jmantnu din l-attivita. Il-Birgu kien il-port tas-sibbien Maltin. Għadd ta’ leġġendi, bħal dik tal-Għarusa tal-Mosta u ta’ Għar Ħasan huma xhieda ta’ attivita tal-furbani madwar gżiritna, kif huma wkoll devozzjonijiet bħal ħafna kwadri ex-voto u d-devozzjoni lejn San Anard. Dusina, li viżta pastorali tiegħu kien għamel xi għaxar snin wara l-assedju tal-1565, kien ipprofana għadd ta’ knejjes u kappelli mitluqin wara sakkeġġ fi żmien l-Assedju l-Kbir. Kliem ieħor li jintuża flok il-kelma “sibi” huma “pirati” (ħallelin tal-baħar) u kursari (“ġerrejja” tal-baħar, li ġejja mill-kelma “corso” li tfisser “ġirja”).



STATUS ANIMARUM

Population 1590 - 1681Fil-qedem ma kinux isiru ċensimenti preċiżi bħal ma' jsiru llum. Il-popolazzjoni fi żmien medjevali tiġi kkalkulata mill-istudjużi b'formula, per eżempju, mill-listi tad-dejma fost l-oħrajn. Iżda kalkoli bħal dawn, minn natura tagħhom, huma biss indikazzjonijiet u mhux figuri preċiżi. Aktar tard, il-Konċilju ta' Trentu ( 1545 - 1563) daħħal ħafna riformi u waħda mill-effetti kienet li kellhom jiġu rreġistrati formalment iż-żwiġijiet li kienu jsiru. Enfasiżża wkoll it-tħaris tal-preċetti, fosthom il-preċett tat-tqarbin almenu darba f'sena fi żmien il-Għid. Għal dan il-għan kien inħass il-bżonn li f'Malta jinħoloq reġistru tal-fidili kollha, l-hekk imsejjaħ "status animarum" ("il-qagħda tal-erwieħ"), sabiex iżomm kont tal-osservanza ta' dan il-preċett. L-ewwel reġistri ta' din ix-xorta kienu dawk f'Għawdex (tal-Matriċi u ta' San Ġorġ) u dak tal-Porto Salvo fil-Belt li lkoll saru fis-sena 1667.




TARAĠ FL-ENTRATURA TAL-KAPPELLI

TaragKnejjesKaratteristika nteressanti tal-Kappelli f’Malta, l-aktar dawk medjevali, hi li biex tidħol għalihom trid tinżel xi turġien. Per eżempju trid tinżel tlett tarġiet biex tidħol fil-Kappella tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri u sitt tarġiet biex tidħol f’dik ta’ Santa Sofia f’Ħal Far. Dan kien isir biex il-kappella tingħata l-impressjoni li hi ankrata mal-art, effett li hu simboliku biex ixebbaħ lil dawn il-kappelli ma’ dawk li kienu jinbnew fl-għerien, hekk imsejjħa knejjes trogloditiċi.




TIEQA FIL-BIEB TAL-KNISJA

2007_0823GozoHoliday0125F’diversi bibien ta’ kappelli nsibu bħal tieqa żgħira li minnha tkun tista' tara l-knisja minn ġewwa. Normalment din kienet issir għad-devozzjoni, biex meta jiġu xi pellegrini u jsibu l-knisja magħluqa jkunu jistgħu jitolbu waqt li jħarsu minn din it-tieqa u jaraw l-artal tal-knisja. Normalment dawn t-twieqi kienu jkunu mbarrati bil-ħadid minn ġewwa għas-sigurta. Sal-lum għadna naraw twieqi bħal dawn, l-iktar f’dawk il-kappelli li għad għandhom l-bieb oriġinali.




TIEQA MAL-FAĊĊATA TAL-KAPPELLA

Twieqi01F'diversi kappelli nsibu tieqa waħda jew tnejn mal-faċċata, normalment fuq xi naħa tal-bieb. Meta qed nsemmu dawn it-twieqi, m'aħniex qed nirreferu għall-oculus, li kien isir biex idawwal il-knisja minn ġewwa, għax dawn it-twieqi li qed insemmu insibuhom fil-baxx. L-għan ta' dawn it-twieqi, li normalment ikunu mbarrati bil-ħadid minn ġewwa għas-sigurta, jixbaħ ħafna l-għan tat-twieqi li kultant insibu mal-bieb tal-knisja, li hu li jippermetti lill-pellegrini jaraw il-knisja anki meta din tkun magħluqa. B'hekk, jekk xi pellegrin ikun irid jgħid xi talb, ikun jista' jagħmel hekk bl-iktar mod komdu.

Twieqi02Raġuni oħra li tkompli tikkonferma li dawn it-twieqi kienu jsiru għall-pellegrini, hu li xi kultant taħt it-twieqi nsibu ukoll tarġa li tippermetti lil dak li jkun jitla' fuqha u jlaħħaq sew mat-tieqa, jew saħansitra jinżel għarkubtejh u xorta jibqa' jara l-knisja minn ġewwa. Xi kultant fil-ħoġor tat-tieqa kien ikun hemm post fejn jitqiegħdu xi xemgħat jew xi tazzi biż-żejt biex l-pellegrini jħallu l-għotjiet tagħhom. Apparti minn hekk f'hafna minn dawn il-kappelli, fuq l-artal kienu jitħallew xi xemgħat mixgħula biex il-knisja jkollha xi forma ta' dawl u għalhekk l-pellegrini jkunu jistgħu jaraw anki jekk imorru meta tkun niżlet ix-xemx. B'dan wieħed jikkonferma d-devozzjoni kbira li kellhom in-nies lejn il-kappelli u li kienu jinvistawhom kemm filgħodu kif ukoll meta jkun dalam u l-knisja tkun magħluqa.






ŻjajJar Pastorali

VizitaDuzinaFl-imgħoddi l-knejjes u l-kappelli kien ikollhom viżti regolari minn Isqfijiet biex jaraw li qegħdin jinżammu f’kundizzjonijiet tajbin. L-iktar żjara msemmija kienet dik li saret minn Monsinjur Pietro Dusina li ntbagħat mill-Vatikan wara xi tilwim li kien qam bejn l-Isqof ta’ Malta u l-Gran Mastru. Fiż-żjara tiegħu Dusina fl-1575, żar il-knejjes u l-kappelli kollha li kien hawn Malta, li kienu jlaħħqu iktar minn 400. Fl-atti tiegħu nsibu rapporti dettaljati minn xiex kienu jikkonsistu u x’kien fihom l-knejjes, u fejn ħass ta rakkomandazzjonijiet biex isir tibdil u tranġar. Din iż-żjara tibqa’ mportanti ħafna storikament, għax l-atti tagħha jagħtu stampa ċara tal-istat tal-Knisja Maltija fis-sittax il-seklu.



Banner5

Affresk

Inkurunazzjoni

Portiku

Devozzjoni

Kappelli jew Knejjes

Privileġġ

Il-Mons. Pietru Dusina

Karti tal-Glorja

Ir-Rollo ta’ De Mello 1436

Il-Fewdaliżmu

Knisja pprofanata

Salib tad-Dejma

Graffiti

Knejjes Trogloditiċi

Santwarju

Il-Gran Prijur

Koppla    new8

Sibi

Ġuspatronat

Kwadri “Ex-Voto”

Status Animarum

Għasar

Leġġendi

Taraġ fl-Entratura

Ikonostasis

Non Gode l‘Immunita ...

Tieqa fil-Bieb

Indulġenzi

L-Oculus

Twieqi mal-Faċċatanew8

Inkiżizzjoni

Oqbra

Żjajjar Pastorali

 

Parroċċa

 

L-aħħar tibdil sar
11 August 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008