Wirja ta' Statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira
 -Frans Cachia u Joseph Dalli -

Meta joqrob żmien ir-Randan, kulħadd jibda jidħol fl-ispirtu tal-ġurnata fejn Ġesu Kristu elfejn sena ilu miet għalina biex isalvana. Maż-żmien fil-gzejjer tagħna daħlu ħafna drawwiet marbutin ma' dawn il-jiem li jwasslu għall-Passjoni u l-Mewt tal-Messija, biex imbagħad wara, il-Knisja tiċċelebra l-ikbar festa tagħha, jiġifieri l-Qawmien mill-mewt ta’ Kristu, il-festa tal-Għid il-Kbir.

Forsi waħda mit-tradizzjonijiet li hi l-iktar għal qalbna hawn Malta hija l-purċissjoni bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, li ssir f’numru ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex. Jidher li din il-purċissjoni f’Malta bdiet fir-Rabat, f'Malta fis-sbatax-il seklu. Minn dak iż-żmien dawn il-purċissjonijiet kibru bil-kbir, u llum apparti l-istatwi tradizzjonali li kienu jinħarġu (dawk tal-Ort, tal-Marbut, l-Ecce Homo, il-Veronika, ir-Redentur, il-Vara l-Kbira, il-Monument u d-Duluri) żdiedu ammont ta’ statwi li juru xeni oħra tal-passjoni ngħidu aħna bħaċ-Ċenaklu, il-Bewsa ta’ Ġuda u l-laqgħa ta’ Kristu man-nisa ta’ Ġerusalemm fost l-oħrajn. Dan l-aħħar ma’ dawn żdiedu wkoll nies imlibbsin ta’ karattri bibbliċi fil-purċissjonijiet u għalhekk dawn ħadu x-xejra ta’ spettakklu, aktar milli pellegrinaġġ, xi ftit jew wisq imbiegħed mill-ambjent ta’ purċissjoni devota u penitenzjali. Mill-banda l-oħra dan juri nteress ġdid f’din it-tradizzjoni li setgħet intilfet li kieku d-dilettanti jiefqu jagħtuha l-ħajja.

DSCN0645

DSCN0648

Quddiem Pilatu

L-Ecce Homo




Din it-tradizzjoni tal-vari tal-Ġimgha l-Kbira għenet biex jiżviluppaw passatempi ġodda f’dawn l-aħħar snin. Waħda minn dawn hi l-wirjiet ta’ mudelli ta’ knejjes bil-vari tal-Ġimgha l-Kbira li naraw, nistgħu ngħidu, f’kull belt u raħal fil-gzejjer tagħna f’dan iż-żmien. Aħna ħadna l-opportunita biex din is-sena nintervistaw żewg dilettanti li ta’ kull sena flimkien jorganizzaw wirja ta’ dawn l-istatwetti li jfakkruna fil-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu.

Pics 102Ta’ min isemmi li għalkemm dan il-passatemp mhux strettament marbut mas-sit tagħna fuq il-kappelli, aħna iddeċidejna li ninkluduh ma’ dawk li diġa għandna, għax bla dubju hu passatemp li daħal ħafna fil-gżejjer tagħna, u ta’ kull sena hawn min ikun jistenna biex jasal dan iż-żmien biex iżur uħud minn dawn il-wirjiet.

Francis Cachia ta’ 35–il sena minn Haż Żabbar u Joseph Dalli ta’ 64–il sena mill-Gudja, llum joqghod il-Fgura huma żewg dilettanti kbar ta’ dawn il-wirjiet. Jien kelli l-opportunita niltaqa' magħhom u nitkellmu ftit fuq dan il-passatemp, u x’jinvolvi biex wara xhur ta’ ħidma fl-aħħar ġimgħa tar-Randan naraw din l-wirja armata.

Minn fejn bdiet l-imhabba tagħhom għal dawn il-wirjiet....

Bdejt biex insaqsihom minn fejn bdiet din l-imħabba tagħhom għal dawn il-wirjiet. Francis qalli li minn meta kien għadu tifel dejjem kien joħlom u jittama li xi darba jibda jtella' xi wirja ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. B’xorti tajba d-destin laqqgħu ma’ missier il-mara tiegħu li kellu sett ta’ vari li kien jarma d-dar. Dan ħeġġiġhom biex flimkien bdew iżidu bosta affarijiet ma’ din il-wirja bażika li kellhom. Ix-xewqa tagħhom kienet li l-wirja li s’issa kienet titgawda biss minn membri tal-familja tagħhom tkun tista' titgawda minn kemm jista' jkun nies, billi tiġi armata f’post fejn ikunu jistgħu iżuruha n-nies.

MOSE

KAJFAS

NIKODEMU

MELKISEDEK

Mose

Kajfa

Nikodemu

Melkisedek




X’jinvolvi dan id-delizzju.....

Kif wieħed jista' jobsor bħal kull passatemp ieħor dan id-delizzju jirrikjedi dedikazzjoni u determinazzjoni sħiħa. Lil din il-wirja Francis u Joseph tawha l-isem “Lejn il-Golgota”. Staqsejthom kemm ilhom jarmaw din il-wirja għal pubbliku. Qaluli li issa ilhom jesebixxu dan is-sett ta’ vari għal dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-bidu l-ammont ta’ statwetti li kienu jintramaw kienu inqas imma minn sena għal sena jieħdu gost izidu affarjiet ġodda. L-istatwetti li jittellgħu għal wirja kienu maħduma minn wieħed li kien joqgħod Ħal-Lija magħruf bħala ta’ “Bambini ” u li llum il-ġurnata sfortunatment m’għadux magħna. L-istatwetti li jintramaw mhumiex kopja ta’ l-ebda vari li joħorġu fil-purċissjonijiet tal-Ġimgha l-Kbira f’Malta, imma tista' tgħid huma oriġinali, għax ċertu minnhom għandhom iktar personaġġi minn dawk li ssoltu naraw.

Pics 023

Pics 019

DSCN0649

L-Ort

Iċ-Ċena

Il-Marbut




Imma fiex tikkonsisti eżatt din il-wirja...

F’din il-wirja jiġu armati tmintax-il vara fosthom: iċ-Ċena, id-Daħla f’Ġerusalemm, Kristu quddiem Pilatu, il-Kruċifissjoni, il-Golgota (l-għolja fejn ġie mislub Sidna Ġesu’ Kristu), id-Depożizzjoni (l-inżul tal-korp ta’ Kristu minn fuq is-salib), u diversi oħrajn. Jiġi armat ukoll Sepulkru, bħal dak li jintrama' fil-knejjes f’Ħamis ix-Xirka biex jinżamm fiħ is-sagrament. Is-Sepulkru jiġi armat ġo mudell tal-Kappella Sistina u mgħammar bl-artal maġġur u imdawwar bil-pittura barokka ta' Mikelanġelo. Fis-saqaf insibu l-imaġini tal-Missier Etern u Ġesu’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt. F’kull ġenb wieħed jista’ jara l-pittura tas-Sagra Familja u ta’ l-Arkanġlu San Mikiel.


DSCN0639

Pics 073

DSCN0638

 

Is-Sepulkru

 




F’din il-kappella nsibu l-armar kollu daqs li kieku knisja reali, jiġifieri l-istandardi tas-Sagrament u dak tal-Passjoni, fratelli, bankuni bil-lanterni u slaleb tal-purċissjoni kif ukoll żewġ anġli tal-kor bil-brazzi f’idejhom. Quddiem is-sagrament hemm il-lampier li jisimboliżża l-preżenża tas-Sagrament. Barra minn hekk hemm ukoll statwetti li jirrapreżentaw xi nies Bibbliċi bħalma huma profeti, fosthom Mose’, Elija, Abraham u Iżakk, kif ukoll persunaġġi oħrajn bħal Nikodemu, ir-Re David, Kajfas, Annas, Melkisedek, Barabba, Ġwanni l-Battista u Ġużeppi t’Aramatea. Ma jonqsux ukoll is-simboli li huma marbuta ma’ ġrajjiet mill-Bibbja u tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu .

Ix-xogħol kollu li għadna kemm semmejna jintrama ġo mudell ta’ knisja bin-navi u l-arkati. Ix-xogħol fl-injam ta’ dan il-mudell għamlu Francis stess. Il-vari huma kollha armati fuq bradelli magħmula mill-kewkba filwaqt li s-Sebgħa Kelmiet sarulhom bankuni apposta. Ma’ l-arkati wieħed jista’ jara ukoll il-Via Sagra li hija magħmula minn metall abjad. Meta wieħed iżur din il-wirja jkun jista’ jgawdi mir-riħa tassew pjaċevoli tal-balzmu tradizzjonali li wieħed jassoċja ma' dawn il-ġranet. Din jagħmluha huma stess u hija taħlita ta’ frott u ħwawar aromatiċi, li jkomplu jdaħħlu n-nies fl-atmosfera.


Pics 065



Ix-xogħol ta’ preparazzjoni.....

Meta wieħed jidħol u jara dawn il-wirjiet mhux dejjem jintebah bix-xogħol kbir li jinvolvi biex jittellgħu wirjiet bħal dawn. Meta staqsejthom fuq dan qaluli li dan id-delizzju jinvolvi ħafna ħin ta’ preparazzjoni, paċenzja kbira u ma jistgħax jonqsu l-ispejjeż. Sabiex ittella’ wirja bħal din trid taħseb ta’ l-anqas minn xahar qabel biex tarma. Francis qalli li “nista’ nassigurakhom li moħħna s-sena kollha għaddej biex naraw x’nistgħu noħolqu ġdid” . Bħal kull passatemp qatt ma tista’ tgħid li inti lest. Dejjem jippruvaw iżidu xi ħaġa ġdida jew xi personaġġ jew inkella xi statwa ġdida.


Pics 053

2005_0320EXHIBITION_FGURA_20011

Pics 046

Id-Depożizzjoni

Il-Vara l-Kbira

Il-Monument




Trid ukoll taħseb għar-reklamar sabiex tħajjar aktar lill-pubbliku jiġi jara l-wirja. Dan jagħmluh permezz ta’ flyers, fuljetti, posters u saħansitra anke bil-mezzi tal-media u gazzetti lokali. Wieħed jista’ jtaffi xi ftit minn dawn l-ispejjez bl-għajnuna ta’ xi sponsors, li minn hawn nirringrazzjhom tal-ġenerożita tagħhom.

Proġetti għall-futur....

L-akbar problema li ta’ kull sena li jkollhom jifaċċjaw hija tal-post fejn jarmaw għaliex post fiss m’għandhomx. Biex itella’ wirja bħal din trid spazju li jakkomoda dan l-armar kollu, u ta’ kull sena jiddependu ħafna mill-ġenerożita tan-nies li joffrulhom xi post. Sfortunatament din is-sena l-wirja ma setghux jarmawha għax ma kellhomx post! Wieħed jittama li s-sena d-dieħla din il-problema tiġi solvuta għax hija ħasra jekk wirja bħal din ma tittellax.

SAQAF 002

Is-Saqaf


 

Imma apparti minn hekk l-iktar ħaġa li tagħti sodisfazzjoni lil kull min itella’ dawn il-wirjiet hija l-attendenza tan-nies li jiġu jaraw dawn il-wirjiet. Fi kliem Francis stess “b’sempliċiment ‘prosit’ tħossok kburi li dak ix-xogħol li tkun għamilt intoġgħob u qed jiġi apprezzat. Għalija huwa vera ta’ sodisfazzjoni kbir meta narahom armati”.

Pics 050b

L-Irxoxt




Wieħed jieħu gost jara li wirjiet bħal dawn qegħdin jiżdiedu ta’ kull sena, u dan zgur ikompli jgħin biex wieħed jidħol fl-ispirtu ta’ dawn l-ġranet sbieħ.

BannerGimghaKbira

Intervista ta' Roderick Busuttil ma' Frans Cachia. Ritratti © Roderick Busuttil u Frans Cachia. 

Nota: Ir-ritratti tal-Banner ittieħdu mill-wirja "Life Size" fil-Każin tal-Banda ta' Sant'Elena f'Birkirkara bil-permess. Dan għamilnieħ minħabba li s-simboli tal-Passjoni tal-wirja tal-mudelli ta' Frans Cachia u Joseph Dalli kienu ċkejknin wisq biex ikun jista' jitteħdilhom ritratt sodisfaċenti.

L-aħħar tibdil sar
Mon, 25 February 2013
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small

 

 

 

Go To Page D