Il-Programm
Kull bidu għandu t-tmiem. Il-Programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar" issa ser jieqaf wara tlett skedi konsekuttivi. Kien hemm 12-il-programm fl-iskeda tal-Ħarifa tal-2007, 13-il programm fl-iskeda tax-xitwa 2007/2008 u 12-il programm ieħor fl-iskeda tar-Rebbiegħa 2008. Kien hemm programm wieħed li ħareġ live. Fl-intervisti ltqajna ma' 28-il persuna, uħud minnhom aktar minn darba. 12-il persuna qrawlna l-kitbiet li ġibnihom minn għadd ta' sorsi differenti.
Dan ix-xogħol kollu sar bl-għajnuna ta' esperti mingħajr l-ebda ħlas għajr il-pjaċir li qed jikkontribwixxu għal għan nobbli li jedukaw 'il poplu dwar wirtna u l-istorja tagħna kif ukoll biex iqajjmu interess f'dawk il-kappelli li forsi huma abbandunati u fil-periklu li jiġġarfu u jintilfu għal dejjem.
Ma nistgħux ma ngħidux grazzi mill-qalb lil kull min għena b'xi mod jew ieħor. M'aħniex ser insemmuhom hawn iżda jissemmew b'isimhom fil-paġna tar-Referenzi. Ma nistgħux ma nirringrazzjawx ukoll lill-istazzjon tar-radju Radju Marija li ġimgħa wara l-oħra tana l-faċilita u l-ħin li nitrażmettu dawn il-programmi darbtejn f'ġimgħa b'mod regolari. Fl-aħħarnett nirringrazzjaw 'il Bank APS li tana donazzjoni ċkejkna biex inkunu nistgħu inkopru xi spejjeż li għamilna matul din is-sena.
Dan is-sit oriġinarjament inħoloq biex jikkumplimenta il-programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar". Iżda sa mill-bidu ntbaħna li seta' jikseb rwol ieħor, rwol awtonomu mill-programm li kien qed jappoġġja. Dan hu r-rwol li jippreserva l-informazzjoni li tkun ħarġet ladarba jintemm il-programm, kif ukoll li jżid ma' din l-informazzjoni 'il hinn minn fejn wassal il-programm.
Hekk qed nagħmlu. Il-kitbiet dwar il-kappelli ser jibqgħu jittellgħu regolarment fuq dan is-sit. Sit elettroniku għandu vantaġġ fuq il-kelma moqrija fuq ir-radju għax jista' jinkludi stampi biex jillustra dak li jkun hemm miktub. L-intervisti ma tistax taqlibhom f'kitba migħajr ma titilfilhom l-ispontanjeta oriġinali tagħhom u għalhekk qiegħdnihom kollha fuq dan is-sit fil-format awdjo oriġinali tagħhom kif instemgħu waqt il-programm.
Nixtiequ niringrazzjaw hawn 'l dawk kollha li għenuna u għadhom qed jgħinuna biex inkomplu nespandu dan is-sit, fosthom fotografi li tawna r-ritratti tagħhom, nies li tawna kitbiet, soċjetajiet li tawna l-permess nirriproduċu artikli li jkunu dehru għall-ewwel darba fil-programmi tal-festi tagħhom, nies li tawna pariri u għamluna xi korrezzjonijiet u nies li fetħulna kappelli u qagħdu jdawwruna r-raħal tagħhom biex inkunu nistgħu niksbu materjal għall-programm u għas-sit.
Il-Programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar" li kellu Direzzjoni u Produzzjoni ta’ Joe Brincat u Roderick Busuttil, ser jieqaf. Iżda l-interess li qajjem għadu b'saħħtu u għalhekk ix-xogħol ser ikompli jittella' regolarment fuq dan is-sit sakemm nibqgħu ikollna l-inkoraġġiment u l-għajnuna tagħkom.

|
|
|
|
|
L-Ewwel Skeda: Ħarifa 2007 |
Rapport ta’ l-Istħarriġ tal-Awtorita' tax-Xandir
Maħruġ fit-22 ta' Mejju 2008 u li jkopri bejn Jannar u Marzu tal-2008
Il-ġimgħa l-oħra ġie ppublikat l-istħarriġ tal-Awtorita tax-Xandir dwar l-udjenzi tar-radjijiet u televiżjoni f'pajjiżna. Ir-Rapport juri li l-programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar" qed jinżel tajjeb ħafna mas-semmiegħa.
L-ewwel ħaga nixtiequ nifirħu lil diriġenti u lit-team kollu ta' preżentaturi u producers ta' Radju Marija 102.3FM, li għal darb'oħra reġa' żied fl-udjenza tiegħu u issa għandu 8.9% tas-share ta' dawk li jisimgħu ir-radju. Dan jikkonfermah fir-raba' post fost l-istazzjonijiet kollha f'pajjizna.
Dwar il-programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar", dan il-programm jidher li qed jintlaqa' tajjeb mas-semmiegħa numerużi tiegħu. F'paġna 77, fejn hemm l-"audience by hour", nhar ta' Tnejn bejn is-7 pm u 8 pm Radju Marija (din hi s-siegħa li nxandru l-programm tagħna) għandu 1.51% share tal-udjenza ta' dawk li jkunu qed jisimgħu r-radju. Din tittraduċi ruħha għal ftit inqas minn 6000 persuna li jkunu qed jisimgħu il-programm dak il-ħin. Dak il-ħin ikunu qed jisimgħu r-radju 7% biss ta' dawk li wieġbu jiġifieri u 93% ma jisimgħuhx. Share ta' 1.5% minn 7% allura tfisser 21% (wieħed minn kull ħamsa) ta' kull min ikun qed jisma' r-Radju dak il-ħin.
Dwar il-programm tal-Ħadd bejn 2pm-3pm, dan jisimgħuh share ta' 0.77% (kważi 3000 ruh) ta' dawk li jkunu qegħdin jisimgħu r-radju dak il-ħin.
Minn statistika oħra li ħarġet minn dan l-istħarriġ jidher li l-programm “Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar” għandu l-udjenza speċifika tiegħu, għax hemm ħafna nies li jagħżlu li jisimgħu dan il-programm, minn programmi oħra fuq stazzjonijiet tar-radju oħrajn. Dawn in-nies huma intom u għal dan nixtiequ nirringrazzjawkom tal-appoġġ li qed tagħtuna.
Aħna minn dejjem konna naħsbu li l-programm kien qed joggħobkom u dan issa hu ikkonfermat bil-fatti taċ-ċifri uffiċjali. Meta niftakru li meta sar dan l-istħarriġ sar fi żmien meta kienet għaddejja bis-saħħa kampanja elettorali, fil-hin li hemm l-aħbarjiet tal-One TV (7.30pm) u Net TV (7.45pm) fuq it-televżjoni, inħossu li dawn huma figuri tajbin ħafna.
Ir-rapport sħiħ tas-Survey tal-Awtorita tax-Xandir jista' jitniżżel minn hawn:
http://www.ba-malta.org/prdetails?id=124
Il-Programm "Mat-Tokki ta’ Qniepen Żgħar" reġa' magħna
Wara s-suċċess kbir li kellu l-programm "Mat-Tokki ta’ Qniepen Żgħar" fl-iskedi 2007-2008, id-dirigenti ta’ Radju Marija ddeċidew li jirrepetu din is-sensiela mill-ġdid fl-iskedi 2008-2009. Il-ħinijiet tar-repetizzjoni ser ikunu kull nhar ta’ Ħadd fis-1 pm u l-Erbgħa fl-4.30 am. Għalhekk, jekk tliftu xi waħda mis-sensiela, issa għandkom opportunitą biex terġgħu tisimgħuha.
Servizz tal-aħbarijiet tal-PBS ta’ Mario Micallef li xxandar nhar il-Ħadd, 4 ta’ Jannar tal-2009. Użat fuq dan is-sit bil-permess.
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
