Inkwiżituri
li servew f’Malta
Għal xi wħud, il-kelma “Inkwiżizzjoni” llum il-ġurnata saret tfisser “intolleranza reliġjuża” filwaqt li għal oħrajn tevoka xeni ta’ torturi ta’ nies imsejknin li jkunu waqgħu taħt il-madmad tal-Inkwiżitur. Iżda l-fatti juru li l-Inkwiżizzjoni ma kenitx xi ħaġa omoġenja u l-istess kemm mal-medda tas-snin kif ukoll fl-applikazzjoni tagħha f’pajjiżi differenti. Fuq kollox, meta wieħed janalizza l-istorja irid janalizza l-fatti (li dejjem jibqgħu fatti) fid-dawl u l-kejl ta’ meta seħħew u mhux janalizzahom bil-kejl tal-lum. Illum nafu li għalkemm rigoruża, l-Inkwiżizzjoni ma kinitx il-mostru li l-immaġinazzjoni tan-nies tpinġiha. Fabio Chigi Antonio Pignatelli
L-Ikwiżizzjoni kienet istituzzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana li kienet twaqqfet biex tikkumbatti u xxejjen l-ereżija. Iżda l-kelma tintuża wkoll anke b’referenza għal tribunali ekklezjastiċi li kienu attwalment iwettqu dan ix-xogħol kif ukoll għall-proċess ġudizzjarju li kien jgħaddi minnu persuna akkużata bl-ereżija.
L-istudjużi jagħrfu erba’ mewġiet ta’ Inkwiżizzjoni. L-Inkwiżizzjoni Medjevali seħħet bejn l-1184 u l-1230 (circa), dik Spanjola seħħet bejn l-1478 u l-1834, dik Portugiża li seħħet bejn l-1536 u l-1821 u dik Rumana li seħħet bejn l-1542 u l-1860. Ta’ min jgħid li f’Malta kien hawn biss l-Inkwiżizzjoni Rumana u din intemmet ħesrem fl-1798 mal-miġja tal-Franċiżi f’Malta. L-istituzzjoni tal-Inkwiżizzjoni fil-Knisja Kattolika llum ħadet postha l-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi, li għandha l-istess għan li tħares il-Fidi, għalkemm, naturalment, il-metodi biex jintlaħaq dan l-għan illum huma kompletament differenti.
L-Inkwiżizzjoni Rumana twaqqfet fl-1542 mill-Papa Pawlu III, ftit snin qabel il-Konċilju ta’ Trentu. Huwa waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sant’Uffizju tal-Inkwiżizzjoni bi skop li tiddefendi l-integrita tat-tagħlim tal-Fidi skont it-tagħlim tal-knisja filwaqt li tikkumbatti d-dutrina falza, l-aktar bit-tixrid tal-Protestanteżimu. L-Inkwiżizzjoni Rumana f’Malta daħlet fl-1561 u kienet ikkonsidrata li kienet anqas ħarxa mill-Inkwiżizzjoni Spanjola. Qabel il-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta kien hawn tribunal tal-Inkwiżizzjoni Medjevali taħt l-awtorità tal-Isqof ta’ Palermo.
Fit-tribunali tal-Inkwiżizzjoni f’Malta, it-tortura (“rigoroso esame”) qatt ma kienet tingħata bħala kastig iżda biss biex “tħeġġeġ” lill-akkużat biex jgħid il-verità u kienet l-eċċezzjoni u mhux ir-regola – dan għall-kuntrarju tat-tribunali ċivili tal-istess żmien. Mhux hekk biss. L-Inkwiżitur kien ikun irid jikseb il-permess minn Ruma biex japplika t-tortura u nies b’mard kroniku li jkunu meqjusin li ma jifilhux għat-tortura ma kinux jgħaddu minn dan il-proċess. Tortura fuq nisa u tfal ukoll kienet tiġi evitata. Kien hemm ukoll proċess meqjus ta’ kif għanda tiġi applikata t-tortura u dan il-proċess kien jiġi osservat rigorosament. Ħafna drabi, il-biża’ li l-akkużat ikun ser jinagħta tortrura kien ikun biżżejjed biex dan jikkopera ma’ min ikun qed jinvestigah. F’Malta qatt ma nħarqu nies ħajjin pubblikament kif ġieli sar f’pajjiżi oħrajn. Dak li wħud jirreferu għalih bħala “l-bir tas-skieken” fil-Palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu mhu xejn għajr bir f’forma ta’ qanpiena u li bħalu hemm madwar 12 taħt dan il-palazz. Iżda l-immaġinazzjoni tal-pubbliku dawrithu f’bir ta’ tortura – u forsi kien ikun ukoll vantaġġ tattiku tal-Inkwiżizzjoni li dawn l-għajdut ma jixxejjnux bħala gidba.
L-Inkwiżitur f’Malta kien ifittex li jikkumbatti l-ereżija, l-aktar dik Protestanta, li ħafna drabi kienet tkun imxerrda b’kotba projbiti (Index Librorum Prohibitorum). Iżda kienu jitrattaw ukoll każi ta’ maġija u superstizzjonijiet, dagħa, bigamija (li tkun miżżewweġ darbi oħrajn meta l-ewwel mara tkun għada ħajja) u l-apostasija, jiġifieri li taqleb għal reliġjon oħra. Il-miġja tal-Kavallieri f’Malta għamlet lill-pajjiż aktar kożmopolitan u għalhekk bdew jinxterdu aktar l-idejat diversi fosthom dawk Protestanti. Iżda s-superstizzjonijiet u l-maġija, hekk kif mifruxin mill-iskjavi, l-aktar dawk Misilmin, kompliet toktor u tinferex fost il-poplu Malti ukoll.
L-ewwel żewġ Inkwiżituri, Domenico Cubelles u Martino Royas da Porta Tubeo kienu wkoll l-Isfijiet ta’ Malta. Dawn kienu jagħmluha wkoll ta’ Inkwiżitur f’materji ta’ stħarriġ tal-ereżija. Wara tilwima li nqalgħet bejn il-Gran Mastru La Cassiere, il-Papa bagħat lil-Mons. Pietru Dusina bħala medjatur. Dusina kien ukoll Viżitatur Appostoliku u żar il-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex u ħalliena dokument importanti dwar l-istat tal-Knisja Maltija fl-1675. Iżda Mons. Dusina kien ukoll maħtur bħala Inkwiżitur. Minn Mons. Dusina sa ma’ spiċċat l-Inkwiżizzjoni f’Malta, l-Inkwiżitur u l-l-Isqof ta’ Malta bdew ikunu dejjem żewġ persuni differenti.
L-Inkwiżitur kien ukoll il-Legat (ambaxxatur) tal-Papa u ġeneralment kellu poter akbar kemm mill-Isqof ta’ Malta u saħansitra wkoll mill-Gran Mastru n-nifsu. Prelati ambizzjużi kienu jużaw iż-żmien tagħhom bħala Inkwiżituri f’Malta biex jiksbu l-esperjenza meħtieġa biex jimxu ‘l quddiem fil-karriera ekkleżjastika tagħhom. 28 Prelat li servew ta’ Inkwiżitur f’Malta fi żmien il-Kavallieri imbagħad saru Kardinali meta spiċċaw it–terminu tagħhom hawnhekk u tnejn minnhom, Fabio Chigi u Antonio Pignatelli, saru wkoll papiet bl-isem Alessandru VII u Innocent XII rispettivament.


L-Inkwiżituri kienu joqgħodu fil-Birgu, fil-palazz li qabel kien iservi ta’ Castellania (Il-Qorti tal-Kavallieri). Meta l-Kavallieri bnew u marru jogħqodu fil-Belt Valletta, dan il-palazz safa battal u inagħta lill-Inkwiżitur bħala r-residenza tiegħu kif ukoll bħala lok fejn isiru l-proċessi tal-Inkwiżizzjoni. Saru ħafna tibdiliet f’dan il-palazz matul il-ħatriet ta’ Inkwiżituri differenti. Aktar tard, fis-seklu sbatax, inbena l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Girgenti bħala r-residenza tas-Sajf tal-Inkwiżitur.
|
Inkwiżituri li servew f’Mata - Lista miġbura minn għadd ta’ sorsi |
|
|
Domenico Cubelles, Isqof ta’ Malta bejn l-1541 u l-1566 |
1562 – 1566 |
|
Martino Royas de Portalrubeo, Isqof ta’ Malta bejn l-1566 u l-1577 |
1572 – 1574 |
|
Pietro Dusina, il-Viżitatur Appostoliku |
1574 – 1575 |
|
Pietro Sant'Umano |
1575 – 1577 |
|
Rinaldo Corso |
1577 – 1579 |
|
Domenico Petrucci |
1579 – 1580 |
|
Federico Cefalotto |
1580 – 1583 |
|
Pietro Francesco Costa |
1583 – 1585 |
|
Ascanio Libertano |
1585 – 1587 |
|
Gio Batta Petralata |
1587 |
|
Paolo Bellardito |
1587 – 1591 |
|
Angelo Gemmario |
1591 |
|
Paolo Bellardito |
1592 - 1592 |
|
Giovanni Ludovico dell’Armi |
1592 - 1595 |
|
Innocenzio del Bufalo de’ Cancellieri (wara sar Kardinal) |
1595 - 1598 |
|
Antonio Ortensio |
1598 - 1600 |
|
Fabrizio Verallo (wara sar Kardinal) |
1600 – 1605 |
|
Ettore Diotallevi |
1605 – 1607 |
|
Leonetto della Corbara |
1607 - 1608 |
|
Evangelista Carbonese |
1608 – 1614 |
|
Fabio della Lagonessa |
1614 - 1619 |
|
Antonio Tonielli |
1619 - 1621 |
|
Paolo Torello (wara sar Kardinal) |
1621 - 1623 |
|
Carlo Bovio |
1623 - 1624 |
|
Onorato Visconti |
1624 - 1627 |
|
Niccolo Errera |
1627 - 1630 |
|
Ludovico Serristori |
1630 - 1631 |
|
Martino Alfieri |
1631 -1634 |
|
Fabio Chigi (wara sar Kardinal u mbagħad sar Papa bl-isem Alexander VII bejn is-snin 1655 u l-1667) |
1634 - 1639 |
|
Gio Batta Gori Pannellini |
1639 - 1646 |
|
Antonio Pignatelli (wara sar Kardinal u mbagħad sar Papa bl-isem Innocent XII bejn is-snin 1691 u l-1700) |
1646 - 1649 |
|
Carlo Cavalletti |
1649 - 1652 |
|
Federico Borromeo (wara sar Kardinal) |
1653 - 1654 |
|
Giulio degli Oddi |
1655 – 1658 |
|
Gerolamo Casanate (wara sar Kardinal) |
1658 - 1663 |
|
Galiazzo Marescotti (wara sar Kardinal) |
1663 - 1666 |
|
Angelo Maria Ranuzzi (wara sar Kardinal) |
1667 - 1668 |
|
Carlo Bichi (wara sar Kardinal) |
1668 - 1670 |
|
Giovanni Tempi |
1670 - 1672 |
|
Ranuccio Pallavicini (wara sar Kardinal) |
1672 – 1676 |
|
Ercole Visconti |
1677 – 1678 |
|
Giacomo Cantelmo (wara sar Kardinal) |
1678 – 1683 |
|
Innico Caracciolo (wara sar Kardinal) |
1683 - 1686 |
|
Tomaso Vidoni |
1686 - 1690 |
|
Francesco Aquaviva d’Aragona (wara sar Kardinal) |
1691 - 1694 |
|
Tomaso Ruffo (wara sar Kardinal) |
1694 - 1698 |
|
Giacinto Filiberto Ferrero di Messerano |
1698 - 1703 |
|
Giorgio Spinola (wara sar Kardinal) |
1703 - 1706 |
|
Giacomo Caracciolo |
1706 - 1710 |
|
Rainero d’Elci (wara sar Kardinal) |
1711 – 1715 |
|
Lazzaro Pallavicino |
1718 – 1719 |
|
Antonio Ruffo (wara sar Kardinal) |
1720 - 1728 |
|
Fabrizio Serbelloni (wara sar Kardinal) |
1728 – 1730 |
|
Giovanni Francesco Stoppani (wara sar Kardinal) |
1731 - 1735 |
|
Carlo Francesco Durini (wara sar Kardinal) |
1735 – 1739 |
|
Lodovico Gualtiero Gualtieri (wara sar Kardinal) |
1739 – 1743 |
|
Paolo Passionei |
1743 - 1754 |
|
Gregorio Salviati (wara sar Kardinal) |
1754 – 1759 |
|
Angelo Maria Durini (wara sar Kardinal) |
1760 - 1766 |
|
Giovanni Ottavio Manciforte Sperelli (wara sar Kardinal) |
1767 - 1771 |
|
Antonio Lante (wara sar Kardinal) |
1771 – 1777 |
|
Antonio Felice Zondadari (wara sar Kardinal) |
1777 – 1785 |
|
Gio. Filippo Gallarati Scotti (wara sar Kardinal) |
1785 - 1793 |
|
Giulio Carpegna (wara sar Kardinal) |
1793 - 1798 |
|
Carpegna mar Ruma f’Mejju tal-1798. Ħalla warajħ lir-Reverendu Giovanni Battista Gatt bħala Pro Inkwiżitur li, xahrejn wara f’Ġunju tal-istess sena, kellu hu wkoll iħalli Malta fuq ordni ta’ Napuljun Bonaparte li kien ħa lil Malta taħt idejħ. |
|

Kitba: Noel Ciantar
Illustrazzjonijiet: mill-Internet
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
