Ir-Rollo ta’ l-Isqof Senatore de Mello
- 1436 -
Sorsi mportanti tal-istorja Maltija huma d-dokumenti bħalma huma l-atti notarili, kotba, korrespondenza ufficjali u dokumenti ta’ entitajiet oħrajn bħalma huma l-Knisja. Aktar ma mmorru lura fis-snin, dawn aktar isiru rari minħabba n-natura fraġli tagħhom.
Wieħed mill-eqdem dokumenti mportanti ta’ din ix-xorta li għandna huwa l-“Quinterniolus pro Concordia Taxarum”, jew kif nafuh aħjar “Ir-Rollo tal-1436”. L-isem sħiħ tad-dokument hu “Anno Domini MCCCCXXXVI: Ordinus fuit, et est preasens quinterniolus pro concordia taxarum, praecipiente et mandante Reverendissimo Domino Episcopo Senatore” – jiġifieri “fis-sena tal-Mulej 1436, ġie ordnat li jinġabru dawn il-ħames folji mir-Reverendissimu Sinjur Isqof Senatore, u fil-fatt inġabru ħalli jkun hawn ftehim paċifiku dwar il-ħlas tat-taxxi”. Dan id-dokument jitfa’ dawl fuq l-istat tal-Knisja f’Malta f’dik is-sena.
Ma nafux meta eżattamet twaqqfu l-ewwel Parroċċi f’Malta. Li nafu hu li dawn bdew fiż-żminijiet tan-nofs wara li reġgħet bdiet ir-rikristjanizzazzjoni ta’ Malta. Ir-Rollo ta’ de Mello isemmi li kien hemm għaxar parroċċi rurali imma dan ma jfissirx li waqqafhom hu. F’dawn iż-żminijiet, l-Isqfijiet ta’ Malta kienu maħturin fi Sqallija u qajla kienu jiġu hawn Malta minħabba l-perikli tal-vjaġġ innifsu kif ukoll il-perikli ta’ ħbit dirett fuq il-gżira mill-furbani. Fl-1436, l-Isqof Senatore de Mello ta’ Noto (1432–1445), fi żmien il-Papa Eugenio IV, ordna li jsir elenku (ir-“Rollo”) tad-dħul kollu ekkleżjastiku (“benefizzji”) li kienu jeżistu f’Malta. Benefiżju kien dħul li jkollu l-benefiċjarju bħala ħlas għal servizzi ekkleżjastiċi li kien obbligat jagħmel. Ir-Rollo jsemmi wkoll dħul minn “animagi” li kien dħul assoċċjat ma’ ġuspatronat.
L-Isqof de Mello kien sar Isqof ta’ Malta fit-3 ta’ Frar tal-1432. Ittra tal-1433 turi li d-djoċesi ta’ Malta kienet diġà f’idejh. Fl-1436 Senatore ordna li ssir din il-lista f’Malta biex jara x’taxxi kellhom jitħallsu mill-Kanonċi tal-Katidral u minn dawk li kellhom f’idejhom xi benefiċċji jew xi ġid tal-Knisja.
Din il-lista ta’ benefiċji kellha ssir permezz ta' erba' Kummissarji mill-Kapitlu tal-Katidral sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni twila bejn il-kleru f'Malta u dak ta' Għawdex dwar it-taxxi ekkleżjastiċi li wieħed kellu jħallas. Il-kleru Għawdxi talab li sehmu kellu jkun wieħed minn ħamsa tal-ħlas totali iżda l-Isqof De Mello ddeċieda li jkun kemmxejn aktar, jiġifieri 2 minn kull disa’ ishma. Dan ifisser li kien hemm ukoll lista tad-dħulijiet minn Għawdex, iżda din il-lista llum m’għadiex teżisti. Jista’ jkun li din inqerdet waqt xi wieħed mill-attakki, bħal dak tal-1551, li l-furbani kienu jagħmlu fuq Għawdex.
Dawn l-erba’ Kummissarji kienu Dun Mattew Zammit, Dun Indri De Turri, Dun Nikol Lombardo u Dun Anton de Astis. Il-benefiċjarji msemmija f'din il-lista kienu arċidjakni, dekan, kantur, teżorier, tnax-il kanonku tal-Katidral tal-Imdina, tlettax-il 'presbiter', u żewġ benefiċjarji. Ir-Rollo jagħti lista ta' 144 benefiċċju, fosthom id-dħul minn tnax-il kappella li 10 minnhom kienu rurali. Fl-oriġinal kien hemm imniżżel il-kontribut li kellu jagħti kull min kellu xi benefiċċju f’idejh iżda meta r-Rollo ġie ppublikat fl-1647, dawn il-kontributi ma tniżżlux.
Il-Monsinjur Arthur Bonnici, fil-ktieb tiegħu “History of the Church in Malta” jagħti t-total ta’ 144 benefiċju u jgħid li kienu hekk: Dħul minn 14-il prebenda tal-Kanonċi tal-Katedral, dħul minn 12-il parroċċa (cappelle – dawn huma dawk li jidhru hawn taħt f’din il-lista), 79 patrimonju (animagi) u 37 benefiċju ieħor. Dawn iżda flimkien jagħmlu 142 benefiċċju u mhux 144. Jista’ jkun li jew tħallew barra żewġ benefiċji bi żball jew inkella n-numru ta’ 144 hu żbaljat. Il-Monsinjur Bonnici kien qed jikkwota ‘l Abela-Ciantar.
Ta’ min jgħid li dan ir-Rollo jelenka l-lista ta’ parroċċi iżda dan bl-ebda mod ma jindika li waqqafhom de Mello n-nifsu jew li twaqqfu f’dik is-sena. Il-kelma “parroċċa” qatt ma tintuża iżda tintuża minflok il-kelma “cappella” li għandha tiftiehem bħala knisja b’ħidma parrokkjali. Dokumenti oħrajn aktar antiki diġà jindikaw l-eżistena ta’ ċerti parroċċi. Fost l-oħrajn, dokument tal-1402 jaħtar lis-saċerdot Bernardus de Janer bħala Dekan tal-Kapitlu Malti. Hu kellu jieħu post Simon de Sciacca billi dan kien miet iżda minħabba wkoll li de Sciacca kien Dekan fl-istess waqt li kien rettur tal-Cappella Sancte Helene alias Sancte Marie ta’ Birkirkara, ħaġa li kienet tmur kontra l-ordni tal-Papa Ġwanni XXII fil-Bolla Execrabilis. Mela wieħed jista’ jikkonkludi li almenu sa mill-1402, Birkirkara kienet diġà parroċċa.
Wieħed jista’ jasal għall-istess konklużjoni peress li diġà sa minn qabel din id-data tal-1436 kien ukoll jista’ jiltaqa’ ma’ listi ta’ qsim ta’ Malta għal skopijiet ta’ natura ċivili u ta’ difiża, fejn kienu jintużaw terminoloġiji ekkleżjastiċi bħal “cappella” jew “parrocchia”. Bħala eżempju, fl-1419 l-irħula ta’ Ħad-Dingli u Ħal Tartarni kienu jissejħu “Cappella Sancta Dominica”. Il-Professur Fiorini, f’artiklu fil-Melita Historica, jissuġġerixxi (“hazard a guess”) li l-parroċċi seta’ waqqafhom l-Isqof Hilarius bejn l-1356 u l-1370 peress li hu dokumentat li kien attwalment ġie f’Malta u billi kien magħruf għall-ħerqa li kellu biex jieħu ħsieb il-merħla tiegħu. Li hu żgur hu li fiż-żmien tar-Rollo ta’ de Mello, dawn il-parroċċi diġà kienu mwaqqfin u jiffunzjonaw bħala parroċċi. Iżda jibqa’ mhux magħruf meta eżatt twaqqfu u b’liema ordni kronoloġika kienu twaqqfu
Stanley Fiorini kien ukoll qabbel id-dħul li jissemma fir-Rollo mal-lista tal-irġiel li jissemmew fil-listi tal-milizja tas-snin 1419 u 1480. Peress li wieħed jista’ jassumi li d-dħul minn taxxa hu relatat mal-popolazzjoni, hu seta’ jikkalkula t-tqassim tal-popolazzjoni tal-istess irħula fis-sena tar-Rollo.
Ta’ min jinnota wkoll li l-iżvilupp tal-Parroċċi f’Għawdex kien kemmxejn differenti minn dak ta’ Malta. Minħabba n-natura tal-gżira Għawdxija, bil-problemi tad-difiża assoċjati magħha, l-ewwel Parroċċi f’Għawdex kienu kollha fis-subborg tar-Rabat, ftit ‘il barra miċ-Ċitadella. Dawn kienu San Ġakbu, San Ġorġ u Santa Marija Ta’ Taħt (Ta’ Savina). Dawn kienu parroċċi b’territorju żgħir u diterminat u ma kellomx, bħalma kellhom il-parroċċi Maltin, diversi rħula taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.
|
Kapella (Parroċċa) |
Kappillan |
Popolazzjoni |
Irħula |
|
lu Burgu (Birgu) |
Donnus Nicolaus de Falsone |
104 |
|
|
San Paulu di Fora (Rabat) |
Donnus Albanus Franco |
1198 |
|
|
lu Zurricu |
Donnus Antonius Astis |
580 |
Żurrieq, Qrendi, Ħal Millieri, Ħal Lew, Bubaqra u Baqqari |
|
Rahal Zebbug |
Donnus Franciscus Sillatus |
531 |
Ħaż-Żebbuġ, Ħal Muxi, Ħal Mula u Ħal Dwin |
|
Birmiftuh (Gudja) |
Donnus Blasius |
722 |
Bir Miftuħ, Gudja, Ħal Saflieni, Ħal Għallun, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi u l-Imqabba |
|
lu Naxxaru |
Donnus Petru Mullica |
865 |
Naxxar, Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Sammut u Kalleja |
|
Bircircara |
Donnus Mattheus Galia |
960 |
Birkirkara, Ħ’Attard, Ħal Lija, Ħal Balzan, Ħal Bordi, Ħal Mann, Ħal Kaprat |
|
Rahal Curmi |
Presbiter Marcus de Torrente |
580 |
Ħal Qormi |
|
Sanctae Dominicae (Tartarni) |
Presbiter Guillelmus Zammit |
104 |
Santa Duminka b’Ħad-Dingli, Ħal Tartarni u Gomerino |
|
Mellecha (Mellieħa) |
Presbiter Lucas Camilleri |
104 |
Il-Mellieħa, Ħal Dragu, Ġebel Għażara,Ġebel Manikatu (il-Wardija), Ħal Pessa u Ħal Dmiegħ |
|
Siggeui |
Presbiter Henricus de Callus |
675 |
Siġġiewi, Ħal Kbir, Ħax Xluq, Ħal Qdieri u Ħal Tabuni |
|
Sanctae Catharinae (Żejtun) |
Presbiter Paulus Branchel |
675 |
Iż-Żejtun, Bisqallin, Biżbud, Ħal Ġwann, Ħal Għaxaq, Ħaż-Żabbar u Ħal Tmim Assant |

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

