Isqfijiet ta’ Malta I
minn San Publiju sa żmien l-Ordni
|
|
F’din is-sezzjoni nsibu l-lista tal-Isqfijiet ta’ Malta minn żmien San Publiju sakemm ġew il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta. |
|
Jeżistu għadd ta’ listi ta’ Isqfijiet Maltin, fosthom dawk ta’ G.A. Vassallo u Achille Ferres fi żminijiet aktar imbegħdin. Għal din il-lista tagħna sa ma ġew in-Normanni f’Malta qadna fuq il-listi mogħtija fil-ktieb tal-Mons. Arthur Bonnici ("A History of the Church in Malta", li jimxi l-aktar fuq il-listi ta’ Gams Pius Bonifacius, Eubel Conradus u Abela-Ciantar) u l-ktieb ta’ Mons. Joseph Bezzina ("L-Istorja tal-Knisja f’Malta"). Għall-ismijiet tal-isqfijiet ta' Malta minn żmien in-Normanni sal-Kavallieri ikkonsultajna l-aktar il-ktieb tal-Mons. Vinċez Borg ("Melita Sacra I - The Maltese Diocese and the Sicilian Environment from the Norman Period to 1500") peress li l-ktieb tiegħu hu l-aħħar wieħed li kien ippublikat (2008) kif ukoll għax il-lista li jagħti fiha d-dettallji kollha tad-dokumenti li jirreferi għalihom.
Inċidentalment, għal min irid jaqra jew iniżżel il-ktieb kollhu ta’ Achille Ferres, jista’ jaqbad ma’ din il-link tal-Google Books.
L-ewwel Isqof ta' Malta
L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu l-miġja ta' San Pawl f'Malta bid-dettall. Għalkemm l-Atti ma jindikawx b'mod definittiv jekk San Pawl evanġeliżżax 'l Maltin jew le jew jekk kienx hemm xi konverżjonijiet, wieħed ma jistax jimmaġina li San Pawl għamel tlett xhur f'Malta mingħajr ma sab l-okkażjoni biex jitkellem fuq Kristu, bħalma kien għamel f’Ateni meta ġietu l-opportiunità. Għalkemm il-bniedem fin-natura tiegħu mhux la kemm jaqbad u jibdel twemminu kif ġie ġie, hu wisq probabbli xi wħud setgħu qalbu l-fidi tagħhom għal dik Kristjana.
Meta kien f'Malta San Pawl qagħad għand Publiju, il-Protos tal-gżira. It-titlu ta' Protos jindika li Publiju kien bniedem prominenti li fil-kultura Punika kien ifisser ukoll li kien uffiċċjal kap bi dmirijiet speċifiċi kemm ta' natura fiskali kif ukoll dawk ta' natura reliġjuża. It-tradizzjoni tgħidilna li qabel ma telaq minn Malta, Pawlu għamel lil Publiju presbiteru u isqof. Għalkemm mhix dokumentata, din mhix ħaġa impossibbli, għaliex nafu li Pawlu meta kien iwaqqaf Knisja kien iħalli l-presbiteri biex jieħdu ħsiebha (Ara bħal eżempju l-Atti 14,21-28). Iżda fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni jew provi ċari oħrajn, irridu noqgħodu biss fuq it-tradizzjoni, u tajjeb li wieħed iżomm dan ukoll f’rasu.
L-Għażla tal-Isqof
Wisq probabbli li fl-ewwel sekli tal-ewwel millenju il-komunità f’Malta kienet tagħżel hija stess l-Isqof tagħha. Il-Papa Girgor I (590-604) jgħid lill-Ġwanni, Isqof ta’ Sirakuża, biex iħajjar lill-“kleru u l-poplu (Malti) biex jeleġu isqof ġdid minn fost il-kleru” minflok ċertu Lucillus li kellu jitwarrab. Din għalhekk kienet is-sistema ta’ kif kien jintagħżel l-isqof f’dawk iż-żminijiet. Il-kleru kien jinnomina xi ismijiet u l-fidili kienu jagħżlu isem, liema isem imbagħad kien jiġi approvat mill-kleru. Il-persuna nominata kienet tiġi approvata minn isqfijiet oħra tal-viċin u kkonsagrata isqof mill-Isqof Metropolitan, megħjun minn żewġ isqfijiet Provinċjali oħra. Mis-seba’ seklu ‘l quddiem il-kleru u xi ċittadini prominenti (imsejħa “primates”) kienu jipproponu tlett ismijiet li minnhom kien jintagħżel l-Isqof mill-Isqof Metropolitan. Iżda m’għandna l-ebda dokumentazzjoni jekk attwalment kienx isir hekk jew le f’Malta wkoll. Aktar tard, kien ikun ir-Re li jinnomina 'l min irid isir Isqof ta' Malta.
Isqfijiet ta’ Malta fl-ewwel Millenju
Il-lista tal-Isqfijet ta’ Malta fl-ewwel Millenju hija nieqsa għall-aħħar mid-dokumentazzjoni u għalhekk diffiċċli li qatt xi darba tista' titkompla u ssir sħiħa. Skont it-tradizzjoni, Publju kien l-ewwel Isqof ta’ Malta. Iżda dan jissemma bħala tali biss fil-Martirologu tal-Venerabbli Bede fit-tmin seklu u jerġa’ jissemma’ darb’oħra fil-Martirologu ta’ Adonis fid-disa’ seklu. Dawn iżidu wkoll li Publiju wara sar Isqof ta’ Ateni fejn ħa l-martirju.
It-tieni isem li jissemma’ bħala Isqof ta’ Malta kien ċertu Acacius. Dan l-isem jidher 3 darbiet (bħala Melitenus Episcopus, Melitenæ Episcopus u Melitenorum Episcopus), darbtejn minnhom f’dokumenti relatati mal-Konċilju ta’ Kalċedonja fl-451 imsejjaħ mill-Papa Ljun I. Iżda wħud, fosthom il-Konti G.A. Ciantar, isostnu li dan ma kienx l-Isqof ta’ Malta iżda l-Isqof ta’ Melitene, fl-Armenja. L-istess nistgħu ngħidu għal Constantinus, Episcopus Melitenensis, li fl-501 issejjaħ mill-Papa Symmachus għall-ħames Sinodu ta’ Ruma. Il-Konti Ciantar hawn ukoll jinnota li dan kien jiffirma bħala Episcopus Melitenensis u mhux Melitensis.
L-ewwel Isqof ta’ Malta dokumentat kien Julianus, li f’dokument tal-553 tal-Papa Vigilius, insibuħ imniżżel bħala Julianus Episcopus Melitensis. Peress li fl-istess dokument insibu wkoll ċertu Alessandru Episcopus Melitenæ (ie. ta’ Mileto fil-Kalabrija), għalhekk nafu li ma jistax jiġi mifxul mal-Isqof ta’ Melito, li kienet l-unika belt li isimha kien qrib dak ta’ Malta f’dan id-dokument.
Isqof ieħor ta’ Malta li kien dokumentat kien Lucillus, Melitinæ Civitatis Episcopus. Ismu jidher f’ittra tal-Papa Girgor I li semmejna aktar ‘l fuq. Sfortunatament dan l-isqof nafu biħ biss minħabba abbużi li kien wettaq u għall-fatt li kellu jitwarrab.
Fil-599 laħaq Trajanus, Abbati Benedittin, minflok Lucillus, li kien twarrab. L-ewwel refernza li għanda għal dan kien fis-603, fis-sena li miet.
L-aħħar isem ta’ Isqof ta’ Malta li nafu biħ qabel il-ħakma Għarbija kien ta’ Manas, li skont Gian Frangisk Abela, jingħad kien attenda għat-tmien Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli fit-868. Iżda l-firma tiegħu ma tinsab imkien fid-dokumenti li għad fadlilna llum ta’ dak il-Konċilju.
Mill-banda l-oħra, nafu minn dokument ieħor tat-878 li l-Isqof ta’ Malta, li ismu ma jissemmiex, kien diġà priġunier tal-Għarab fil-ħabs ta’ Palermo meta dawn ħadu lil Sqallija taħt idejhom. Din l-ittra tiddeskrivi lill-Isqof ta’ Malta bħala “raġel twajjeb”. Aktar tard fit-883, il-Papa Marinu I kien kiteb lill-Emir ta’ Sqallija sabiex jeħles lill-Arċisqof ta’ Sirakuża u lill-Isqof ta’ Malta mill-ħabs.
In-Normanni u wara
Il-miġja tan-Normanni fl-1091 ma ġabitx bidla fit-tmexxija ta’ Malta mill-ewwel għax il-Konti Ruġġieru ħalla t-tmexxija f’idejn l-Għarab sakemm dawn baqgħu iħallsu l-ħaraġ. Kien biss fl-1127 li l-Ruġġieru II, bin il-Konti Ruġġieru, reġa’ nvada l-gżira u ħadha direttament taħt idejħ.
Fl-ewwel snin tal-ħakma Normanna jissemmew xi isfijiet li, iżda, hemm konfużjoni dwar jekk kinux isfijiet ta’ Malta jew isfijiet ta’ Mileto fil-Kalabrija. Fost dawn jissemmew Gualtierus li ffirma dokument bħala Episcopus Melevitanus fl-1089, Brialdu li jingħad li waqqaf il-purċissjoni “ta’ San Girgor” u li ismu jidher f’dokument tal-Konti Ruġġieru tal-1095 u Joannes, Episcopus Melitensis li ismu jidher fuq dokument tal-Papa Baskal II fl-1113.
Fl-1121 insibu referenza għall-ewwel isqof li nafu biċ-ċert li kien Isqof ta’ Malta. Dan kien Rainaldus, Episcopus Melitensis, li l-firma tiegħu tidher f’dokument tal-Papa Kallistu I tal-1121. Dan id-dokument li għandna mhux oriġinali: huwa kopja ta’ dokument ieħor iżda l-kontentut tiegħu jidher li hu validu. F’dokument ieħor li jġib id-data biss ta’ jumejn wara ta’ dan li qed insemmu, jissemma ċertu Gaufridus Isqof ta’ Mileto. Għalhekk dan juri li l-Isqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Melito kienu żewġ persuni differenti u distinti minn xulxin.
Fl-1154, il-Papa Adrijanu IV iddikjara lil Malta, flimkien ma’ Agriġento u Mazzara fi Sqallija, bħala djoċesi suffraganja tad-djoċesi ta’ Palermo.
Isqof ieħor li ismu jidher fil-listi ta’ Bonnici u ta’ Bezzina iżda mhux fil-lista ta’ Borg hu l-Isqof Stefanus, għalkemm irridu nżidu li Bezzina jqiegħed is-sinjal “?” ħdejn dan l-isem. L-ewwel darba li jissemma’ dan l-isqof kien f’dokument tal-1140. Jista’ jkun li dan hu l-istess isqof li kien Isqof ta’ Malta meta d-djoċesi ta’ Malta saret suffraganja tad-djoċesi ta’ Palermo (1154) u li fil-lista ta’ Borg jidher bħala “Bishop 02 – NN”. Jista’ jkun hekk għax isem Stefanus jerġa’ jidher f’dokument ieħor tal-1157 – dejjem sakemm dan Stefanus kien Isqof ta’ Malta u mhux ta’ Melito.
Minn dawn id-dati ‘l quddiem, qed nimxu mal-lista ta’ Mons. Vinċenz Borg, ippubblikata fil-ktieb tiegħu tal-2008 “Sacra Melita I - The Maltese Diocese and the Sicilian Environment from the Norman Period to 1500”. Għalhekk, min irid ħafna aktar dettalji fuq id-dokumenti li l-Mons. Borg ibbaża l-lista tiegħu jista’ jirreferi għall-ktieb li semmejna. Dawk l-isfijiet indikati bħala NN ifissru li hemm dokumentazzjoni li kien hemm “Isqof ta’ Malta” iżda li ismu mhux magħruf jew ma jissemmiex.
Dati fl-ewwel millenju jindikaw meta jissemmew u mhux meta saru Isqof ta’ Malta.
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Kitba © Noel Ciantar, ibbażta fuq is-sorsi indikati. Ritratti mill-Wikipaedia
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
