Waħda mill-eqdem knejjes li hemm ġewwa Għawdex hija bla dubju dik il-kappella tal-Kunċizzjoni li hemm ġewwa l-Qala fi trieq Ħondoq ir-Rummien. Dan it-tempju huwa popolari ħafna kemm ma’ l-Għawdxin kif ukoll mal-Maltin. Fil-passat, waqt xi katastrofi nazzjonali bħal terremoti, nixfa u epidemiji, in-nies kienet tmur bi ħġarha f’dan it-tempju biex titlolb lill-Madonna tal-Kunċizzjoni fil-Qala biex tidħol għalihom.
Oriġini ta’ din il-Kappella
Din il-knisja hija qadima ħafna, u ħadd ma jaf eżatt meta nbniet. Dokumenti juruna li dan il-post kien post ta’ devozzjoni kbira anke sa min żmien il-ħakma ta’ l-Arab bejn is-sena 870 u 1090. Jingħad li meta kien Malta l-Konti Ruġġieru kien jiġi f’dan it-tempju biex jitlob. Xi studjużi jaħsbu li dan it-tempju ġie mibni fuq tempju ieħor pagan ta’ qabel il-Kristjaneżmu.

Waqt żjara pastorali li għamel il-Viżitatur Appostoliku il-Mons. Pietru Dusina fl-1575, din il-kappella sabha fi stat ħażin ħafna wara li kienet ġiet attakkata għal diversi drabi mit-Torok li kienu jinżlu l-art f’Għawdex. Għaldaqstant il-knisja ġiet ipprofanata u magħluqa.
Imma d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Qala qatt ma mietet, u n-nies li joqgħodu f’dawn l-akwati ma ridux li din il-kappella tibqa’ magħluqa. Għalhekk bid-donazzjonijiet u bix-xogħol volontarju li huma għamlu f’din il-kappella, sewwewha, bnewlha sagristija, u għamlu zuntier ġdid quddiem din il-knisja ħelwa. Sa mill-1615 kienet waħda mill-kappelli li kienu miżmumn fi stat tajjeb ħafna kif ukoll bħala waħda mill-akbar kappelli f'Ghawdex, li għalkemm fit-tarf tal-lvant t'Għawdex, kienu jżuruha nies minn madwar ll-gżira kollha. Jista' jkun li għlahekk li kien li l-Isqof Calgiares għażilha biex iqiegħed fiha l-pittura tal-Kunċizzjoni kif ser naraw aktar 'l isfel.
Għal xi żmien din il-kappella serviet ta’ Paroċċa għan-Nadur, Għajnsielem, il-Qala u Kemmuna meta dawn l-irħula kienu għadhom magħqudin bħala n-Nadur fl-1688. Imbagħad fl-1872 meta l-Qala nqatgħat minn man-Nadur u saret paroċċa għaliha, din il-kappella saret il-paroċċa ta’ dan ir-raħal il-ġdid, u baqgħet isservi ta’ paroċċa, sakemm inbniet il-paroċċa l-ġdida, dik iddedikata ‘l San Ġużepp.
It-Titular
Originarjament din il-kappella kienet iddedikata lill Assunzjoni ta’ Marija (“Santa Marija tal-Qala”), imma fl-1615, l-Isqof Cagliares biddel id-dedikazzjoni u t-titular ta’ din il-kappella ċkejkna għal dik ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. Il-festa tal-Kunċizzjoni kienet twaqqfet fl-1476 mill-Papa Sistu IV iżda kien biss fl-1854 li l-Papa Piju IX iddikjara dan it-twemmin bħala Domma tal-fidi li jorbot lill-Insara kollha. L-Isqof Calgiares kellu devozzjoni kbira lejn il-Kunċizzjoni. Hu kien wiegħed lill-Madonna li jekk isir Isqof ta’ Malta huwa kien ser jagħmel minn kollox biex ikabbar id-devozzjoni lejn l-Immakulata Kunċizzjoni. Għalhekk meta sar Isqof ta’ Malta huwa biddel id-dedika ta’ din il-knisja u għamel minn butu il-pittura titulari il-ġdida.
Wara l-bidla tad-dedika, il-pittura titulari l-antika nżammet fis-sagristija għal xi żmien, u fl-1899 ġiet trasferita għall-knisja parrokjali tal-lokal. Din il-pittura antika kienet iżgħar minn dik li hemm illum u kien fiha x-xbieha tal-Verġni Mqaddsa tiela’ s-sema akkumpanjata minn erba’ anġli, bit-tnejn ta’ fuq iżommu kuruna fuq ras il-Madonna. Din kienet magħrufa bħala Santa Marija tal-Qala. Il-pittur u d-data meta saret mhumiex magħrufa. Jingħad li din il-pittura spirat ukoll lill-pittur li pitter it-titular tal-Madonna ta’ Pinu.
It-titular il-ġdid huwa maħdum mill-pittur Federico Barocci minn Urbino, u jirrapreżenta fuq il-lemin ‘il Madonna qiegħda tgħaffeġ b’riġlejha s-serp li ħiereġ minn qalb weraq impittrin b'dettall kbir. Fuq in-naħa tax-xellug, ‘il Missier Etern, b’dirgħajħ miftuħin u b'erba' rjus ta' anġli taħtu, qiegħed jitgħaxxaq bl-akbar opra li ħarġet minn idejĦ omnipotenti filwaqt li qed jimliha bil-grazzji.
Mal-bidla tat-titular, in-nies bdiet tmur bi ħġarha lejn din il-kappella sabiex titlob għall-grazzji bl-iterċessjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-Immakulat Konċepiment. Bdew jiżdiedu l-kwadri ex-voto - xhieda ta' grazzji maqlugħa u sal-1640, l-erba' ħitan tal-kappella kienu miksijin bil-kwadri ex-voto. Il-Gvernatur t'Għawdex, il-Baruni ta' Remching Carlo Federico, tfejjaq mirakolożament minn puplesija qawwija fl-1642 wara li talab lill-Madonna tal-Qala tidħol għalih.
Fl-1 ta’ Awwissu 1954, fl-okkażjoni ta’ l-ewwel ċentenarju mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Konċepiment tal-Madonna mingħajr Tebgħa mill-Papa Piju IX, il-kwadru ġie solennement inkurunat minn Mons. Giuseppe Pace, Isqof ta’ Għawdex.
F’għeluq il-25 sena ta’ din l-inkurunazzjoni, sewwa sew fl-4 ta’ Awwissu 1979, saret il-funzjoni solenni meta madwar ir-ras tal-Madonna tal-kwadru tal-Kunċizzjoni tqiegħed stellarju prezzjuż. Mexxa din il-funzjoni sagra Mons. Nikol Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, assistit minn Mons. Dino Romoli, Isqof ta’ Pescia, u minn Mons. Dom Angelo Mifsud, Abbati Benedittin.
Il-Knisja
Il-knisja tinsab fit-trieq li tagħti għall-bajja ta'Ħondoq ir-Rummien. Għandha forma kwadra u zuntier imdaqqas quddiemha.
Il-faċċata għandha bieb wieħed tal-injam u fuqu hemm tieqa tonda. Aktar 'l fuq minn din it-tieqa hemm niċċa li fiha statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni magħluqha bil-ħġieġ. Fil-kantunieri tal-faċċata hemm kolonni li huma mżejnin b'boċċa ovali tal-ġebel fuqhom.
Fuq in-naħa tal-lemin hemm ċimiterju li fih tiddomina statwa tal-bronż ta' Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Il-bidu ta' dan iċ-ċimiterju hu mistur fil qedem iżda llum hu miżmum tassew tajjeb. Il-veduta li tara minn dan iċ-ċimiterju hi waħda mpressjonanti għax iġġib 'l Kemmuna taħtek fi sfond tal-gżira ta' Malta fuq wara. Il-kappella għandha kampnar wieħed fuq in-naħa ta' wara tan-naħa leminija tagħha.
Fuq il-ħajt tax-xellug ta' din il-knisja hemm bieb imbarrat bil-ġebel u fuqu hemm tieqa mdaħħla 'l ġewwa u li tagħti ħjiel ta' kemm huma ħoxnin il-ħitan ta' din il-kappella. Aktar lura fuq l-istess ħajt jinsab bieb ieħor żgħir tal-injam. It-tlett naħat tal-kappella, barra l-faċċatta huma mdawwrin bl-imwieżeb.
Fuq wara, il-ħajt fiħ arkata li fiha tieqa ddekorata bi hġieġ ikkulurit li turi erba' anġli kbar imdawwrin mas-simbolu tal-Verġni Mbierka Marija Ommna.
Il-Knisja Minn Ġewwa
Minn ġewwa, l-knisja hija ġawhra, mżejjna b'għadd ta' pitturi, skulturi u nduratura kemm fis-saqaf troll kif ukoll mal-ħitan. X'ħin tidħol mill-bieb sempliċi ta' njam lixx, issib ruħek wara antiporta kbira u tara knisja żżommlok in-nifs bis-sbuħija tagħha meta għajnejk jaddattaw għad-dlam li fiha wara li tkun ħallejt id-dawl tax-xemx Mediterranja.

Fil-faċċata wieħed mill-ewwel jilmaħ l-artal maġġur, bil-pittura titulari warajħ. L-artal tal-injam fuq stil post-konċiljari jinsab quddiem l-artal l-antik. Il-kwadru titulari (ara deskrizzjoni aktar 'l fuq) hu mdawwar bi gwarniċun majestuż iddekorat u ndurat u fuqu tinsab it-tieqa tal-ħġieġ ikkulurit imsemmija wkoll aktar 'il fuq.
Fuq iż-żewġ naħat tal-artal hemm irħama kommemorattiva, dik tax-xellug tikkomemora it-tlett mitt sena (1688) mit-twaqqif tal-Parroċċa "Santa Marija tal-Qala" mill-Isqof Cocco Palmieri.
Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja hemm artal b'pittura fuqu li turi 'l Madonna bil-Bambin f'idejha, 'l San Duminku fuq il-lemin tagħha u 'l Santa Rita fuq ix-xellug tal- Madonna. Il-Madonna u l-Bambin f'dan il-kwadru huma t-tnejn inkurunati.
Faċċata ta' dan l-artal, fuq ix-xellug tal-knisja, hemm artal ieħor li għandu kurċifiss kbir u ħdejħ hemm pittura ovali ta' San Kurradu (ara l-leġġenda marbuta ma' dan il-qaddis aktar 'l isfel).
Fuq in-naħa tax-xellug hemm taraġ ċkejken, kważi moħbi, li jniżżlek ġo kmajra żgħira, maqtuha fil-blat u li fiha l-fdalijiet li kienu nsatbu fl-1937, preżubilment tal-qaddis Kurradu. Dawn il-fdalijiet jinżammu f'urna tal-ħġieġ wara grada tal-ħadid. Lampier żgħir ikun jixgħel quddiem dawn il-fdalijiet. Santa tal-qaddis u inkwatru żgħir b'talba 'l qaddis huma l-unika ħwejjeġ li hemm f'din il-kripta.
Leġġendi marbuta ma’ din il-kappella
Hemm diversi leġġendi marbutin ma’ din il-kappella. Waħda minnhom hija dik li tirrakkonta l-ġrajja ta’ San Karrew. Din il-leġġenda tgħid li fis-seklu ħmistax kien hawn raġel qaddis li kien barrani li kien jgħix f’Malta. Dan ir-raġel, li kien jismu Karrew (hawn min isejjaħlu wkoll “Kurraw”), kien qed jgħix ħajja qaddisa ta’ eremita ġewwa għar f’Wied il-Għasel fil-Mosta. Xi ragħajha Mostin bdew jittantawħ u jippruvaw iwaqqawħ fid-dnub. Wara li ippruvaw kemm il-darba, Karrew ipprova jikkoreġihom, iżda dawn bdew iwaddbulu l-ġebel, u minħabba f’hekk kellu jitlaq minn Malta u mar ikompli jgħix din il-ħajja ta’ eremita ġewwa l-Qala, f’Għawdex, fejn miet, u ġie midfun fil-kripta ta’ din il-knisja.
Iktar tard beda jingħad li dan ir-raġel qaddis beda jagħmel il-mirakli mat-tfal morda u il-kripta ta’ din il-knisja saret post ta’ devozzjoni kbira. Kien hemm saħansitra nies li kienu jmorru u jiġbru xi frak minn din il-kripta biex ifejjqu lil xi familjari, li minħabba l-mard tagħhom, ma kienux jistgħu imorru f’din il-kappella. Din id-devozzjoni lejn dan ir-raġel qaddis għada teżisti sal-llum.
Fit-3 t’Ottubru 1937, waqt skavazjonijiet li kienu qed isiru fil-kripta ta’ din il-knisja, instab skeletru ta’ raġel fil-post fejn fil-leġġenda jingħad li kien ġie midfun dan l-eremita. L-għadam kollha ta’ dan l-iskeletru ġew miġbura f’kaxxa u miżmuma fis-sagristija għal xi żmien. Fl-1991 dan l-iskeletru ġie eżaminat, u minn dan l-eżami ġie kkonfermat li dan huwa skeletru ta’ raġel li jmur lura għal ħmistax il-seklu. Dawn il-fdalijiet tqiegħdu f’urna tal-ħġieġ u ssiġillati mill-Isqof t’Għawdex. Din l-urna tqiegħdet f’post mhux ‘il bogħod minn fejn instab midfun.
Hemm leġġenda oħra ħelwa li tirriġwarda il-bini ta’ din il-kappella. Din il-leġġenda tgħid li din il-kappella għall-ewwel kienet ser tinbena f’post magħruf bħala “Tas-Salib”. Meta kienet ser tibda’ tinbena, u nġieb ukoll il-ġebel biex bihom jibnu din il-kappella, ġara xi ħaġa mhux tas-soltu. Dawn il-ġebel, bil-lejl, inġarru waħedhom għal post fejn illum hemm il-kappella, lok magħruf bħala “Il
-Ħalq”. Għall-ewwel, in-nies tal-lokal, ħasbu li din kienet xi ċajta, u reġgħu ġarrew il-ġebel lura għall-post fejn kienu qegħduhom oriġinarjament, dak magħruf bħala “tas-Salib”. Minkejja li għamlu wkoll sorveljanza, dawn il-ġebel, għat-tieni darba, reġgħu inġarru għall-post fejn hemm il-kappella. Hawn in-nies bdew jemmnu li dan kien sinjal mill-Verġni Mqaddsa li hija riedet il-post l-ieħor biex tinbena din il-knisja.
Leġġenda oħra tgħid li xi wħud anki raw bil-lejl mara liebsa l-abjad tavviċina l-ġebel. Imbagħad il-ġebel mexa waħdu wara din il-mara, u reġgħu marru fejn hemm il-kappella attwali llum. Kien propju meta ġie deċiż li din il-kappella tinbena fil post magħruf bħala ta’ “Il-Ħalq” li ma baqgħax ikun hemm aktar ġarr ta’ ġebel bil-lejl.
Leġġenda oħra marbuta ma' din il-kappella hija dik ta’ Borġ Għarib. Din il-leġġenda tgħid li fi żmien il-ħakma Għarbija, raġel misterjuż kien imur kuljum fi nżul ix-xemx rikeb fuq iż-żiemel lejn dan is-Santwarju tal-Qala, biex jixgħel xema quddiem il-Madonna.
Raġel Għarbi beda jinnotaħ jgħaddi biż-żiemel kuljum mill-istess triq, u ġietu l-kurżita fejn kien qed imur. Għalhekk iddeċieda li jwaqqfu u jsaqsiħ fejn kien sejjer. Ghal dan l-għan staħbilu qalb is-siġar, u meta għadda minn ħdejħ biż-żiemel, ħareġ min qalb is-siġar u pprova jaħtaf ir-riegni taż-żiemel, iżda ma rnexxillux. Huwa qabad ma' denb iż-żiemel biex forsi jwaqqfu. Ir-raġel misterjuż, mingħajr ma nduna bl-Għarbi mdendel ma' denb iż-żiemel tiegħu, beda jħeġġeġ liż-żiemel biex jgħaġġel iżjed. L-Għarbi baqa' jiġri wara iż-żiemel sakemm waqa', u ħabat rasu ma' blata u baqa' mejjet tal-post.
Il-ġisem ta’ dan l-Għarbi baqa' hemm għal xi żmien għax ħadd ma ried imissu. Waqt li n-nies kienu jgħaddu minn ħdejħ kienu jwaddbulu l-ġebel u b’hekk ġie dan il-borġ ġebel fuqhu, u kien propju għalhekk li dan il-post ġie msejjaħ Borġ Għarib.
Devozzjoni lejn is-Santwarju u l-Madonna tal-Qala
Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Qala kompliet tikber fis-sekli sbatax u tmintax. Tant hu hekk, li skont ir-rapport li għamel l-Isqof Alpheran De Bussan waqt żjara pastorali fl-1736, kien qal li l-ħitan ta’ dan is-Santwarju kienu miksija b’donazzjonijiet ex-voto, l-iktar b’deheb u fidda. Dawn iktar tard inbiegħu biex ikun jista' jsir retawr u redekorazzjoni ta’ din il-kappella.
Saru wkoll diversi pellegrinaġġi għal dan is-santwarju, speċjalment meta kien ikun hawn xi gwaj nazzjonali.
Fil-ħitan ta’ barra ta’ din il-kappella, kemm fuq in-naħa tal-lemin, kif ukoll fuq in-naħa ta’ wara ta dan it-tempju, hemm xi graffiti, imħaffrin b’xi mus jew b’xi ħaġa bil-ponta fil-ġebla Maltija ta’ din il-knisja. F’dawn il-graffiti nsibu l-figuri ta’ diversi bastimenti, slaleb u dati. Il-figuri tal-bastimenti jvarjaw minn galjuni ta’ żmien il-Kavallieri, għal dgħajjes tal-Latini. Dawn ma ġewx magħmula minn xi vandali, iżda minn xi nies li jkunu ħelsu mill għarqa, probabilment minn xi baħrin jew sajjieda u li ma jkollhomx flus jew kapaċita biżżejjed biex jagħmlu xi pittura taż-żejt.
Il-Knisja Llum
Minn dan kollu, jidher biċ-ċar x’devozzjoni hemm mill-poplu kollu Malti, speċjalment l-Għawdxin, lejn dan is-Santwarju u lejn il-Madonna tal-Qala. Min jaf kemm fl-antik qasmu Maltin bejn Malta u Għawdex biex imorru jżuru dan is-santwarju u jitolbu quddiem il-Madonna tal-Qala għal xi grazzji.
Il-Knisja tal-Kunċizzjoni-
- Qala - Għawdex -
Kitba © ta’ Joe Brincat; Ritratti © Noel Ciantar u mill-Internet
L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

