Il-Knisja tal-Kunċizzjoni f’San Ġiljan tinsab fi Triq San Ġorġ. Illum insibuha mdawwra b’ħafna ristoranti sbieħ billi din tinsab ftit l-isfel minn Paceville. Quddiemha hemm Xatt is-Sajjieda. Fil-fatt din il-knisja ħelwa hija xi kultant magħrufa wkoll bħala “Tas-Sajjieda”, għax fl-imgħoddi kienu huma l-aktar li kienu jiffrekwentawha.

DSCN4318



Oriġini

Meta naraw San Ġiljan illum mill-ewwel nassoċċjawħ mad-divertiment u post fejn wieħed jista' jmur jiekol f’wieħed mill-ħafna ristoranti varjati li hemm. Iżda fl-imgħoddi ma kienx hekk. Dan kien raħal li fih kienu jgħixu xi ftit tas-sajjieda u fis-sajf kienu jmorru xi nies mill-madwar għall-btajjel tas-sajf. L-ewwel Knisja li kienet inbniet kienet dik ta’ San Ġiljan l-antika, magħrufa iktar bħala “ta’ Lapsi” u li kienet inbniet fl-1580, ftit snin wara l-Assedju l-Kbir. Jidher li l-Kavallieri kienu bnew din il-Knisja għax San Ġiljan hu l-qaddis protettur tal-kaċċaturi, u billi li l-kavallieri kienu jħobbu jikkaċċjaw fl-inħawi, kienu jmorru jitolbu fiha qabel ma jmorru għal-kaċċa.

Slice 2 DSCN4322



DSCN4339Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar nies, speċjalment dawk sinjuri, bdew jixtru r-raba fl-akkwata biex jibnu postijiet ta’ villeġġjatura fl-inħawi. Fis-seklu sbatax membru prominenti tal-Ordni ta’ San Ġwann tefa' għajnejh ukoll fuq dawn l-inħawi. Dan kien il-Gran Prijur tal-Lombardija, Fra Pawl Rafel Spinola, li ta servizz siewi lil Ordni kemm mill-art kif ukoll fuq il-baħar. Hu kellu diversi artijiet f’diversi partijiet ta’ Malta, fosthom f’San Ġiljan. Il-bajja ta’ ġewwa ta’ San Ġiljan kienet l-għaxqa tiegħu u hemm ġieħ f’moħħu li jibni Abbazija fl-inħawi. Bena wkoll palazz stupend għalih kif ukoll il-famużi arkati tas-sajjieda għal kumdita tagħhom u tal-poplu.

Jidher li Fra Spinola kien devot kbir tal-Madonna taħt it-titlu tal-Kunċizzjoni u hu ddeċieda biex dan l-kumpless ta’ bini jkun komplut kellha tinbena knisja ġdida fl-inħawi. Meta tlestiet l-knisja fl-1688, it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija kienet għadha mhux domma tal-fidi, għax dan sar fl-1854 minn Papa Piu IX. Iżda għalkemm mhux domma tal-fidi, dan it-twemmin fl-Immakulat Konċepiment ta' Marija Santissima diġa kien twemmin qawwi u skont id-devozzjoni. Dan jikkonfermah dak li kien hemm miktub mal-faċċata oriġinali tal-knisja qabel iġġarfet, li kien jgħid:

“ Dan it-tempju ġie ddedikat lill-Immakulat Konċepiment
ta’ l-Imqaddsa Vergni Maria mill-Gran Prijur
tal-Imqaddes Ordni ta’ Gerusalemm, Spinola, fl-1688 ”
 

102_5184Il-Knisja

Kif tidħol f’din il-knisja ħelwa mill-ewwel tolqtok il-pittura titolari sabiħa fuq l-artal ewlieni tal-knisja. Din turi lil Marija qed tiġi mħarsa u meħlusa mid-dnub tan-nisel billi Alla l-Missier iħarisha b’idu stess u taħt saqajha hemm mirbuħ ix-xitan fl-infern. Fil-knisja hemm diversi kwadri, fosthom dak ta’ forma ovali fuq iż-żejt, li juri lill-benefattur kbir ta’ dan ir-raħal Fra Rafel Spinola. Din hi l-unika immaġini fuq tila tiegħu f’Malta. Il-kwadri l-oħra huma dak kbir u qadim tal-Madonna tar-Rużarju, tal-Glorja, tal-Ewkaristija u ieħor li jirrapreżenta lill-Verġni Marija bħala strument li bih Alla għaqqad l-Umanita mill-ġdid mal-Ħallieq.



102_5182



Il-faċċata kif kien bnieha Rafel Spinola kellha żewġ twieqi baxxi, li waħda minnhom kienet tħares lejn il-bajja minn gol-knisja. Fuq dawn it-twieqi kien hemm żewġ niċeċ vojta u fuq nett fin-nofs, niċċa sabiħa bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni fiha. L-opramorta kienet idawra bil-balavostri, u fuq wara kien hemm kampnar wieħed, kif għadu jidher sal-lum.

102_5185Il-faċċata terġa' tinbena mill-ġdid


Fl-1914 l-Isqof Anġlu Portelli ġarraf il-faċċata l-qadima ta’ din il-knisja biex ikun jista' jkabbara kif inhi llum. Meta twaqqgħet il-faċċata l-istatwa sabiħa tal-Kunċizzjoni tneħħiet min-niċċa tagħha u sfortunatment ma nafux x’sar minnha. Ix-xogħol tlesta fl-1 ta’ Mejju tal-1915, kif għadu jidher imfakkar taħt l-arma tal-Isqof Portelli fil-gallerija. L-arma ta’ Spinola tidher imqabbżza 'l barra fuq nett fil-faċċata dekorativa ta’ fejn hemm it-titular. Fil-bini tal-knisja għadna nistgħu naraw dettalji oriġinali ta’ kif kienet inbniet minn Spinola bħal-miżieb tal-ilma tax-xita kif ukoll żewġ pedestalli tal-ġebel bi prinjola fuqhom. Jidher li kien hemm żewġ pedestalli oħra li ġew imġarrfa meta l-faċċata tal-knisja ġiet mibdula. Il-bibien tal-ġenb ma jdurux fuq ċappetti imma fuq ingaġġ la antika. Dawn għadna nistgħu napprezzawhom sal-lum. Barra għadna naraw ukoll f’kundizzjoni tajba ħafna l-bir tal-knisja, bil-ħorża qadima oriġinali.


Minn dak iż-żmien il-knisja 102_5183baqgħet bla mittiefsa. L-uniku tibdil li naraw fiha hu t-tneħħija tal-altar il-qadim biex sar altar tal-irħam. Saret ukoll sedja ġdida sempliċi u attraenti taċ-ċelebrant għal waqt il-funzjonijiet. L-altar l-antik tpoġġa fis-sagristija flimkien ma xi kwadri taż-żejt. Biex jibqa' mfakkar t-tkabbir tal-knisja li kien beda fl-1914, l-Isqof Portelli waħħal irħama bil-kitba li tgħid:

“Din il-kappella ddedikata lil Marija Verġni,
 Immakulata, inbniet mill-Gran Prijur tal-Ordni
 Ġerosolimitan Rafel Spinola fl-1688
u ġiet mogħnija bir-renti Abbazjali: l-istess knisja ġiet
 ukoll imkabbra u mżejna mill-Isqof
Fra Anglu Portelli O.P, Isqof ta’ Selino fl-1914”.


Ta’ min isemmi ukoll fatt storiku fuq din il-knisja. Jingħad li Dun Gejtanu Mannarinu, il-patrijott Malti li weħel il-ħabs wara r-“Rewwixta tal-Qassisin" kontra l-Ordni ta’ San Ġwann fl-1775, kien għex l-aħħar snin ta’ ħajtu u miet f’kamra fuq s-sagristija ta’ din il-Knisja.

Wieħed jieħu gost jara li din il-knisja għadha f’kundizzjoni tajba u tintuża regolarment ukoll, tant li fil-kmamar tal-ġenb tagħha għadhom jintużaw għall-laqgħat tal-għaqdiet tal-Paroċċa ta’ San Ġiljan.


DSCN4324



 Il-Knisja tal-Kunċizzjoni
-
San Ġiljan -

Kitba ta’ Roderick Busuttil mibnija fuq informazzjoni meħhuda minn artiklu ta’ Dun Fortunat Axiaq, użat bil-permess. Ritratti © Caroline Busuttil u Rev. Jonathan Farrugia

L-aħħar tibdil sar
Tue, 04 November 2014
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small

 

 

 

Go To Page D