Ir-raħal tal-Qala għandu rabta kbira mal-Madonna speċjalment taħt it-titlu tal-Immakulata Kunċizzjoni. Kull sena fil-parroċċa tiġi organizzata festa lil Kunċizzjoni u fir-raħal insibu żewġ kappelli ddedikati lil Madonna taħt dan it-titlu. Diġà tellajna nformazzjoni dwar il-Kappella l-oħra tal-Kunċizzjoni fuq dan is-sit. Ftit iktar ‘l isfel minnha, propju nofsha moħbija fil-blat ta’ Ħondoq ir-Rummien, insibu din il-kappella ċkejkna imma ħelwa magħrufa l-iktar bħala “tal-Blat”.

Oriġini
Ir-raġuni għalfejn inħasset il-ħtieġa li tinbena kappella oħra ftit ‘l isfel mill-oħra bl-istess dedika mhiex ċara. Jidher li din il-kappella nbniet fl-1770. Jingħad li din kienet inbniet wara wegħda minn xi persuna li kien inqabad f’xi tempesta fil-baħar u qala’ l-grazzja li jsalva mill-għarqa bl-interċessjoni tal-Madonna. Paul Grech, fil-ktieb tiegħu fuq il-kappelli Għawdxin, isemmi li kien ċertu Ġanni Said min-Nadur li bena din il-kappella.
Peress li din il-kappella qegħda quddiem il-baħar xi kultant din hi magħrufa ukoll bħala “tas-sajjieda”. Ir-rabta mas-sajjieda tista’ tispjega ukoll ventertal antik li kien jinstab f’din il-kappella. Dan il-ventertal kien jikkonsisti minn pittura fuq l-injam li kienet tirraprezenta lil Sant’Andrija flimkien mal-Madonna. Ta’ min ifakkar li Sant’ Andrija hu l-qaddis protettur tas-sajjieda u għalhekk il-kappella jidher li kellha wkoll rabta mas-sajjieda. Dan il-ventartal ġie restawrat u ittieħed lejn il-parroċċa tal-Qala.
L-isem “tal-Blat”
Hemm żewġ teoriji għalfejn din il-kappella hi mlaqqma “tal-Blat”. Jista’ jkun li ġiet mlaqqma hekk minħabba li din tinsab imdawra bil-blat fl-inħawi magħrufin bħala “taċ-Ċawl”.
Iżda jista’ jkun ukoll li din ġiet mibnija minn ġebel taż-żonqor li ttieħed minn barriera ftit ‘il bogħod mill-kappella. Iż-żonqor ta’ din il-barriera hu magħruf għal kwalita tajba tiegħu tant li jingħad li ġie użat biex jinbnew monumenti, knejjes u bini ieħor kemm f’Malta kif ukoll barra mill-gżejjer tagħna. Ta’ min isemmi li l-knejjes tal-Marsa u Birżebbuġa, kif ukoll il-monumenti tal-gwerra tat-Tokk fil-Victoria u tal-Floriana nbnew minn żonqor li nġieb minn din il-barriera.
Il-kappella minn barra u minn ġewwa
Din hi waħda mill-iktar kappella sempliċi li nsibu fil-gżejjer tagħna. Għandha forma ta’ kaxxa b’zewg pilastri wieħed fuq kull naħa. Il-bieb hu mdawwar bi gwarniċa sempliċi u fuqu nsibu niċċa bl-istatwa tal-Madonna Sultana tal-Baħar (Stella Maris). Din l-istatwa saret mill-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi u tbierket fil-31 ta’ Mejju tal-1978. Il-kappella hi mdawra b’zuntier mdaqqas li minnu hemm veduta sabiħa ħafna ta’ Ħondoq ir-Rummien b’Kemmuna quddiemek.
Il-bieb għandu żewġ twieqi żgħar li jippermettulek li tara l-kappella minn ġewwa anki meta tkun magħluqa – ir-ritratti minn ġewwa li qed taraw f’din il-paġna ttieħdu propju minn dawn it-twieqi fil-bieb. Jidhru ukoll xi mwieżeb tal-ilma fil-ġenb tagħha.
Minn ġewwa l-kappella hi sempliċi ħafna. Għandha artal wieħed tal-ġebel li hu qadim ħafna. Dan kien inġieb mill-kappella l-oħra tal-Kunċizzjoni ftit aktar ‘l fuq minnha meta din tal-aħħar kien sarilha artal tal-irħam.
Il-kwadru titulari li hu taż-żejt juri lil Immakulata Kunċizzjoni tisħaq ras is-serp. Din il-pittura saret fis-seklu tmintax minn Rokku Buhagiar u tistrieħ f’arzella sempliċi tal-injam.

Il-kappella għandha saqaf troll li jserraħ fuq tlett arkati. Il-kappella tieħu d-dawl minn tieqa mdaqqsa li hemm fil-genb tal-knisja li ddawwalha sew. Il-kappella tidher attrezzata sew u fiha sett kwadri tal-Via Sagra, ambone tal-injam u artal f’forma ta’ mejda bi stil post-Konċiljari. Dawn ta’ l-aħħar kif ukoll xi fans imwaħħlin mal-ħajt huma xhiedha li juru li din il-knisja għadha tintuża regolarment. Hemm ukoll żewġ statwi f’niċeċ fuq iż-żewġ ġnub tal-knisja. (Nota editorjali: m’għandniex informazzjoni dwar dawn l-istatwi – lanqas biss ‘l min jirrapreżentaw, għax meta żorna l-kappella din kienet magħluqa. Jekk xi ħadd għandu din l-informazzjoni, jekk jogħġbu jiktbilbna).
Riċentement żdidet kamra oħra zgħira mal-kappella li sservi bħala sagristija.
Leġġenda marbuta ma’ din il-kappella
Kif insibu mal-kappella l-oħra tal-Kunċizzjoni fil-viċin fil-Qala, ma’ din il-kappella ukoll hemm marbuta leġġenda ħelwa oħra. Jingħad li meta kien ikun baħar imqalleb, speċjalment fix-xitwa, il-qassis li kien jaqsam minn Għawdex għal Kemmuna biex iqaddes fil-kappella t’hemmhekk ma kienx ikun jista’ jagħmel dan. Għalhekk in-nies li kienu jgħixu f’Kemmuna kienu jinġabru faċċata tal-kappella tal-Blat fil-post magħruf bħala Għar Għana f’Kemmuna u kienu jisimgħu il-qassis li jkun qed iqaddes fil-kappella “tal-Blat”.
Il-kappella tiftaħ għall-quddies fit-tieni Ħadd ta’ kull xahar. Il-festa ssir nhar Jum l-Omm f’Mejju.

Il-Kappella tal- Kunċizzjoni (tal-Blat)
- Qala, Għawdex -
Kitba © Roderick Busuttil; Ritratti © Noel Ciantar
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
