Id-Dar tal-Irtiri
Meta wieħed jitlaq mir-Rabat u jmur lejn il-Munxar, f'nofs triq li hi msemmija għal Santa Dminka, jintaqa' ma’ binja sabiħa u imponenti. Din hija d-Dar tal-Irtiri ddedikata lill-Madonna ta' Manresa u San Injazju ta' Loyola. Din inbniet mill-Isqof Ferdinando Mattei bejn is-snin 1810 u 1822 biex fiha jkunu jistgħu jsiru l-irtiri għall-kleru u kif ukoll għal-lajċi. Din il-binja kienet iddisinjata mill-Kanonku Salvatore Bondi'. F'dan il-bini tinsab kappella mill-isbaħ li hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa. Fl-1953 din id-Dar għaddiet taħt it-tmexxija tal-Ġiżwiti u llum hi post ta' paċi, talb u riflessjoni mfittex ħafna minn dawk li jkunu jridu jqattgħu ftit jiem ta' Irtir Spiritwali.
Għaliex Manresa
Id-dar u l-kappella jġibu dan l-isem għaliex San Injazju kiteb L-Eżerċizzi Spiritwali waqt li għal ħdax-il xahar fis-sena 1522 hu kien qed jgħix f'għar barra l-belt ta' Manresa fi Spanja. Hu kien iqatta' ħafna ħin f'dan il-għar qrib ix-xmara Cardoner. Tradizzjoni tgħid li kienet il-Madonna stess li ddettat l-Eżerċizzi lil San Injazju. Għalhekk kważi kull dar tal-Irtiri li għandhom il-Ġiżwiti hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa.
Qabel l-1810
F'dan il-post qabel l-1810 kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lil San Martin ta' Tours, li nbniet min-neguzjant Giovanni Cumbo fil-bidu tas-seklu sbatax minflok oħra li kien hemm qabel. Il-kappella kienet ukoll magħrufa bħala ta' Santa Dminka (Domenica) għax fiha kien hemm statwa tal-ġebel ta' din il-qaddisa martri. Din kienet ittieħdet hemm minn kappella troglodita li kien hemm qrib ix-Xlendi, u li kienet ipprofanata mill-Isqof Balaguer fl-1657. Fil-kappella ta' San Martin għal xi żmien kien hemm ukoll devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Ħerba, u infatti fid-Dar wieħed għad jista' jara żewġ kwadri ex-voto tal-Madonna taħt dan it-titlu.
Il-Kappella
Il-kappella ta' Manresa tbierket mill-Vigarju Ġenerali Mons. Emmanuel Rossignaud fl-20 ta' Lulju 1833 u l-Isqof Mikiel Gonzi kkonsagraha fil-15 t'Ottubru 1931. Il-kappella tinsab fuq ġewwa tad-dar u wieħed jidħol għaliha minn żewġ bibien li hemm fil-faċċata tad-Dar. Dari kien hemm dħul mill-bieb li kien hemm fin-nofs, iżda dan llum hu magħluq. Il-kappella, waħda mill-isbaħ fil-Gżira Għawdxija, hi mibnija fuq pjanta ottagonali, bi tmien pilastri Doriċi għoljin li jerfgħu erba' arkuni u erba' pendentivi. Fuq dawn jitla' ċ-ċirku tal-koppla, li iżda qatt ma nbniet u li hi magħluqa minn saqaf ċatt tal-konkrit. Bejn il-pilastri nsibu erba' bibien, li tnejn minnhom għandhom niċċa warajhom.
Fil-kappella barra l-altar prinċipali hemm żewġ altari oħra ddedikati lil San Ġilormu u lil San Pawl Eremita. L-altar prinċipali jinsab f'kor naqra fond li fuqu hemm saqaf troll b'żewġ twieqi fil-ġenb u arzella. Fil-kappella nsibu ħafna skultura fil-ġebla Maltija, bħal dik li hemm madwar it-titular, fuq il-bibien u fil-kapitelli tal-pilastri. Fuq il-faċċata tad-Dar hemm kampnar b'qanpiena waħda, taħtu l-arma tal-Isqof Mattei u fuq il-bieb (llum magħluq) hemm irħama li tfakkar il-bini tad-dar.
|
Ritratti © Anthony M. Brincat
|
|

|

|
|
San Ġilormu
|
San Pawl Eremita
|
|
Kwadri
F'din il-kappella hemm ukoll diversi opri tal-arti. Sabiħ ħafna hu l-kwadru titulari li tpitter minn Giuseppe Hyzler fl-1857 u li hu meqjus bħala l-aħjar xogħol tiegħu. Hu maqsum fi tnejn – fin-naħa ta' fuq naraw lill-Madonna bil-qegħda fuq is-sħab u b'Binha għadu tifel bil-wieqfa quddiemha u mdawra b'ħafna kerubini u b'erba' angli żgħar. Fin-naħa t'isfel barra għar jidher San Injazju għarkopptejh jikteb u ħdejh anġlu bil-wieqfa jżomm kitba li tgħid “Beati qui audiunt Verbum Dei et custodiunt illum” (Imberkin dawk li jisimgħu l-Kelma t'Alla u jħarsuha). Warajhom tidher il-Muntanja ta' Monserrat, il-belt ta' Manresa u x-xmara. Fin-naħa t'isfel Hyżler pitter ħafna pjanti li jikbru f'Għawdex.
Fiż-żewġ kwadri ta' fuq l-altari tal-ġenb hemm San Ġilormu u San Pawl Eremita. Fuq altar minnhom hemm kwadru ovali tad-Duluri mdawwar minn gwarniċ skolpit u indurat stil Rococo. Fil-mensa tal-altar l-ieħor hemm il-korpsant ta' Santa Fortunata. F'niċċa waħda nsibu l-istatwa tal-ġebel ta' Santa Dminka, waqt li statwa oħra ta' din il-qaddisa tinsab fis-sagristija.
|
Ritratt © Anthony M. Brincat
|
|

|

|
|
San Injazju
|
San Franġisk Saverju
|
|

|

|
|
San Martin
|
San Publiju
|
|
Fuq l-erba' bibien hemm kwadri ta' San Injazju, San Franġisk Saverju, San Martin u San Publiju. Quddiem wieħed mill-bibien hemm Kurċifiss artistiku u devot ħafna, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri. Qabel ma tidħol fil-kappella tista' tara wkoll kwadru ovali ta' San Kalċidonju. Fil-fatt wara l-kappella ta' Manresa hemm kappella oħra żgħira ddedikata lil dan il-qaddis u li fiha hemm kwadru antik tiegħu.
|
Ritratt © Anthony M. Brincat
|
|

|

|

|
|
Santa Duminka
|
San Kalċidonju
|
Il-Kurċifiss
|
|
Il-kappella llum
Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna mill-Ġiżwiti li jieħdu ħsieb l-bżonnijiet kemm ta' dawk li jkunu qed jagħmlu l-irtir fid-Dar u kif ukoll ta' dawk li joqogħdu fil-qrib. Fiha jitqaddsu żewġ quddisiet kuljum.
Kitba u Ritratti ta’ Anthony M. Brincat
Il-Kappella ta’ Manresa
- Victoria, Għawdex -
L-aħħar tibdil sar
Mon, 02 April 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011