Min Aħna
Joe BrincatJien Joe Brincat. Twelidt fil-11 ta’ Lulju tal-1950, f’Birkirkara. Jien iben John u Carmela nee Bezzina. Għandi żewġ ħuti ikbar minni, u tnejn oħra iżgħar minni. Minn mindu kont għadni żgħir, kont dejjem ninteressa ruhi fl-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Ħadt l-edukazzjoni tiegħi fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara u fil-Liceo l-Ħamrun. Illum naħdem mal-Malta Shipyards Ltd., fit-Testing House.
L-ewwel ma bdejt ninvolvi ruħi fuq il-media kien fis-sena 2000, meta kont dħalt fid-direzzjoni ta’ Radju BKR, ir-radju tal-komunitą ta’ Birkirkara. Fuq dan Radju bdejt bl-ewwel programm tiegħi li kien jittratta dwar il-kantant tal-Ġimgħa. Wara, fis-sena 2002, iltqajt ma’ Roderick Busuttil, u bdejna nipproduċu kwantitą ta’ programmi kulturali u reliġjużi, fuq għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, fosthom Radju BKR, Energy FM, Radju Kottoner, Radju Marija u Capital Radio u Campus FM.
Roderick BusuttilJien Roderick Busuttil, twelidt fl-1 t’Ottubru tal-1976, f’Tal-Pieta. Jien iben John u Josephine nee’ Camilleri. Għandi ħija iżgħar minni, Eric. Miżżewweġ lil Caroline u noqgħod Santa Venera. Minn dejjem kont ninteressa ruħi fl-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna, speċjalment il-festi. Ħadt l-edukazzjoni tiegħi fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, fil-Liċeo l-Ħamrun, fil-Liceo Ġan Franġisk Abela u wara fl-Universita ta’ Malta fejn iggradwajt fl-1999. Illum naħdem l-isptar bħala Medical Laboratory Scientist.
L-ewwel li bdejt ninvolvi ruħi fuq il-media kien fis-sena 2001, meta kont nippreżenta programmi mużikali fuq Radju BKR, ir-radju tal-komunitą ta’ Birkirkara. Wara li ltqajt ma' Joe Brincat fl-2002, qlibt l-istil ta’ programmi li bdejt nippreżenta. Flimkien ma' Joe pproduċejna għexieren ta’ programmi kulturali u reliġjużi, fuq għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, fosthom Radju BKR, Radju Energy FM, Radju Kottoner, Radju Marija, Capital Radio u Campus FM.
Nispera li dan is-sit issibuħ ta’ informazzjoni u tieħdu gost tisimgħu l-programm MAT-TOKKI TA’ QNIEPEN ŻGĦAR. Din is-sena dawn iż-żewġ proġetti ħaduli ħafna ħin, imma kuntent ħafna wara li issa qed nara r-riżultat.
Noel CiantarTwelidt fl-4 ta’ Jannar 1958 fil-Ħamrun iżda għamilt xi żmien noqgħod ukoll f’Tal-Pieta. Illum miżżewweġ u mort noqgħod f’Birkirkara. Ħadt l-edukazzjoni tiegħi fl-Iskola Primarja tal-Ħamrun, imbagħad fil-Liċeo tal-Ħamrun u aktar tard fl-Universitą ta’ Malta. Kwalifikat fix-Xjenza tal-Laboratorju u fl-Amministrazzjoni Pubblika. Kwalifikat ukoll fl-armonija fil-mużika. Illum naħdem bhala Manager tal-Laboratorji tal-isptarijiet wara snin twal naħdem fuq il-bank bħala Medical Laboratory Technologist.
Minn dejjem kont inħobb l-arti u l-istorja, l-aktar dik mużikali. Għamilt ħames snin segretarju ġenerali tal-Għaqda Kantanti Liriċi Maltin li issa m’għadiex tiffunzjona. Ili għal dawn l-aħħar għoxrin sena surmast direttur tal-Kor Parrokkjali ta’ G’Mangia. Dilettant ukoll kemm tal-fotografija kif ukoll tal-użu tal-kompjuters. Jien Webmaster ta’ tliet websites oħrajn li jinstabu taħt id-domain www.ciantar.org. Għalhekk, issa li ġietni l-opportunita, għażilt li ningħaqad ma’ Roderick u Joe biex bejnietna nkunu nistgħu nibnu dan is-sit li għandu jservi bħala sors ta’ informazzjoni kif ukoll biex jimxi id f’id mal-programm Mat-Tokki ta’ Qniepen Żgħar. Ir-rwol tiegħi f’dan il-proġett hu dak ta’ Webmaster tas-sit elettroniku. Kultant nieħu wkoll xi ritratti għas-sit kif ukoll nagħmel xi post-processing ta’ ritratti biex inġibhom addattati għall-użu ta’ dan il-proġett.
Anthony M. Brincat
Ħabib tagħna u kontributur regolari għas-sit
Twelidt fit-13 ta' Mejju 1944, iben Victor u Anne nee Doublesin. Kelli tliet ħuti subien u oħti, illum mejta. Trabbejt fil-Belt Valletta fejn ħadt l-ewwel tagħlim Nisrani fl-Istitut ta' San Ġakbu. Attendejt l-iskola tal-Montessori u wara l-Liċeo. Iggradwajt bħala għalliem mis-St. Michael's Training College u wara mill-Universita' ħadt id-Diploma in Educational Administration and Management. Għallimt f'ħafna skejjel Primarji, Sekondarji u Junior Lyceum. Spiċċajt il-karriera tiegħi bħala Kap ta' Skola Primarja. Minn dejjem interessajt ruħi fl-istorja ta' Malta u fil-patrimonju artistiku li għandna. Jiena membru tal-Malta Historical Society, tas-Socjeta Filarmonika Nazzjonali La Valette u tal-Għaqda tal-Pawlini.
Ili ninteressa ruħi fil-kappelli u l-knejjes żgħar minn meta kont naqra l-artikli dwarhom ta' Kilin fil-Leħen is-Sewwa. Flimkien ma' marti Helen (illum ingħaqdet mal-Mulej) u wliedi Matthew, Daniela u Alessia kont insuq lejn il-kampanja u l-irħula biex inżurhom u nieħu r-ritratti tagħhom, kemm minn barra u kif ukoll minn ġewwa. Illum għadni ndurhom fil-ħin liberu tiegħi. Naħseb li għandi madwar elf ritratt. Qiegħed nikteb ktieb dwar l-istorja, l-arkitettura u t-teżori artistiċi ta' dawn il-kappelli. L-għan tiegħi hu li nqajjem aktar apprezzament u għarfien ta' dawn it-teżori tal-patrimonju ekkleżjastiku u artistiku li għandna fi gżiritna.

L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

