Il-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara
Mudell bil-Ġebel ta’ Frans Casha
Waħda mill-isbaħ knejjes fuq stil barokk li hawn f’pajjiżna hi bla dubju l-Knisja Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Din il-knisja hi l-mimmi t’għajnejn l-Karkariżi u kif jgħidu trid seba’ għajnejn biex taraha minħabba x-xogħol sabiħ t’arkitettura li fiha. Iżda żgur ħadd daqs Francis Casha ma jista’ jgħidilna fuqha, minħabba li dawn l-aħħar snin ħares lejha sew u mill-qrib kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa biex seta’ jagħmel mudell tagħha fil-ġebel.
Dan l-aħħar il-ħabib tagħna Joe Brincat fakkarni b’dan il-mudell ta’ Frans u wara li għamilna appuntament miegħu morna s’għandu biex inkunu nistgħu nagħmlulu intervista żgħira u nieħdu xi ritratti ta’ dan il-mudell. Xogħol bħal dan mhux ta’ min jibqa’ moħbi mill-pubblike u għalhekk ser naqsmuh magħkom.
Min hu Frans Casha …
Frans twieled f’Birkirkara fl-1935 u llum jgħodd 73 sena. Hu kien jaħdem bħala bennej flimkien ma’ missieru u erba’ ħutu oħra.
Kif ġietu l-idea li jibda’ dan il-progett …
Bdejt biex staqsejt lil Frans kif ġietu l-idea li jibda’ dan il-proġett. Qalli li għalkemm hu ma jafx skola, minn dejjem kienet togħġbu l-arkitettura tal-knejjes Maltin speċjlament (u nżidu wkoll, “naturalment”) dik tal-Bażilika Elenjana. Meta kien ikun għall-quddies fiha kien jogħxa iħares lejn l-arkitettura tagħha u jitgħaxxaq bix-xogħol elaborat li fiha. U fi żmien pre-Konċiljari bil-quddiesa titqaddes bil-Latin, min seta’ jlumu jekk kien jaljena xi ftit ?
Meta għalaq 57 sena hu kien irtira mix-xogħol u għal ewwel kien tħajjar jibda’ jagħmel xi xogħol ta’ fireplaces biex jgħaddi l-ħin. Imma hawnhekk ix-xewqa li kellu tberren f’rasu li jagħmel il-mudell tal-knisja tant għal-qablu issa forsi seta’ jwettaqha għax kellu ħafna iktar ħin. B’daħqa fuq fommu qalli li meta missieru kien jarah iħares lejn id-dettalji tal-knisja u fehem x’kellu f’moħħu u għall-ewwel beda’ jaqtagħlu qalbu u kien jgħidlu “dan ix-xogħol mhux ta’ jdejk, imma ħallih għall-artisti”. Imma Frans, minflok qata’ qalbu, iktar ħassu mħeġġeġ u sfidat biex jidħol għal dan ix-xogħol, għax kien ċert li kien kapaċi jagħmlu.
Meta beda l-proġett …
L-ewwel ħaġa li qalli kienet li hu qatt ma ħa l-ebda kejl u qisien tal-knisja, imma kien iħares u jaħdem kollox minn moħħu. Ħaġa li diffiċli biex tifhima minħabba li kulmin ra l-knisja ta’ Sant’Elena minn barra jew minn ġewwa jaf x’arkitettura elaborata fiha. Iżda s-sens ta’ proporzjon jidher li hu mibni fil-ġenetika ta’ Frans. Wara ħafna żmien iħares u josserva d-dettalji, fl-1 ta’ Ġunju tal-1991 beda x-xogħol. Kien mar jagħżel il-ġebel hu stess mill-barriera f’Tal-Balal għax ried li dan ikun tajjeb biex ikun jista’ jaħdmu. Beda mill-pilastri tal-korsiji u baqa’ sejjer. Kuljum kien imur għall-quddies tas-6.30pm u wara, kif titbattal il-knisja, jerħila josserva d-dettalji biex meta jmur fil-garaxx tiegħu iħożż u jaqta’ l-molijiet biex wara jaħdem fuqhom.
Imma kemm dan jaħdem fuqha …
Frans qalli li għal bidu kien beda x-xogħol u jieqaf, imma darba ħuh qallu jekk ħa jibqa’ sejjer hekk mhu ħa jlesti qatt. Għalhekk Frans ħadha bis-serjeta u fi kliemu stess “skirt fuq ix-xogħol u għamilt disa’ snin naħdem fuqha minn fil-għodu sa fil-għaxija sakemm lestejtha”.
Fhiex tikkonsisti …
Meta thares lejn il-mudell wieħed jibqa’ b’ħalqu miftuħ speċjlament meta tiftakar li Frans ikkalkula kollox fuq għajnejh mingħajr kejl ta’ xejn. L-knisja hi 4.65 metri (15 ½-il pied) twila, 3.0 metri (10 piedi) wiesa’ u 3.6 metri (12-il pied) għolja. Tant hi kbira li l-iskutella u l-lanterna tal-koppla ma qadux fil-garaxx li għamilha fih minħabba l-għoli. Il-mudell jinkludi d-dettalji kollha tal-faċċata, inkluża l-iskultura u l-arkitettura kollha tal-pilastri, il-knisja minn ġewwa bis-saqaf, il-korsiji, il-kappelluni, l-altar maġġur u l-kuppletti ta’ fuqhom. L-unika ħaġa li ma nkludiex kienu l-għadd ta’ statwi ta’ qaddisin li jżejnu l-knisja fuq il-frontispizju minn barra. Forsi dan hu xi proġett ieħor għall-futur ?
Meta tara x-xogħol tinduna li sar b’attenzjoni kbira għad-dettall u ma qagħadx lura minn xejn biex jagħmel din il-kopja tista’ tgħid preċiża u fidila tal-Bażilika Elenjana. Il-knisja għamilha b’tali mod li int tista’ tidħol ġo fiha u tara d-dettall minn ġewwa. Għalkemm mhux armati magħha, għamel ukoll is-sagristija, l-altar maġġur u anki l-garigor li minn isfel iwasslek sa fuq il-kampnar fejn hemm il-qanpiena l-kbira, li l-Karkariżi tant huma kburin biha.
Kemm swietu flus ?
Frans qalli li biex għamilha kellu jġib 15–il vjaġġ ġebel tal-franka. Kull vjaġġ kien ikun fih għoxrin kantun tas-sitta u ħmistax-il kantun tad-disgħa. Kien juża’ ammont kbir ta’ kolla biex jgħaqqad il-biċċiet. Hu kkalkula li l-materjal li uża swieħ madwar €5000 (ftit aktar minn Lm2000). Qalli li tant kien imur ta’ spiss jixtri l-kolla li dik li kien jixtri minn għandha kienet staqsietu x’kien qed jagħmel. Meta qalilha li kien qed jagħmel mudell tal-Bażilika ta’ Sant’Elena qaltlu “mela int qed tagħmila ? Għax ġew ħafna nies jgħiduli li hemm xi ħadd minn Birkirkara li daħal għaliha”. Frans qalli li hu ma qadx jagħti każ l-ispejjeż għax hu meta daħal għaliha ried li x-xogħol isir sew.
Pawlu Agius jgħinu fl-iskultura …
Għalkemm il-parti l-kbira tax-xogħol fuq dan il-mudell ħadmu Frans, hu ma kienx jaf jiskopli għalhekk meta wasal għal ċertu skultura, speċjalment tal-faċċata, kellu jgħid lil sieħbu Pawlu Agius biex jgħinu. Pawlu għamillu l-iskultura ta’ fuq il-frontispizju li turi lill-Ispirtu s-Santu, kif ukoll l-iskultura li hemm fuq l-arloġġi. Ix-xogħol hu ddettaljat ħafna u tista’ tgħid li hu kopja identika ta’ dak li naraw fil-faċċata tal-knisja.
|
Il-Mudell
|
Il-Bażilika
|
|
Ritratti © Roderick Busuttil
|
Ritratti © Noel Ciantar
|
|
Il-Faċċata
|
|

|

|
|
Dettall tal-Kolonni
|
|

|

|
|
Arkati tax-Xellug
|
|

|

|
|
Lanterna
|
|

|

|
|
X’jaħseb issa wara li lesta….
Meta staqsejtu jekk kienx jimmaġina li jlestiha kollha, Frans b’leħen deċiż qalli li hu dejjem kien ċert li ser ilestiha u xejn ma qatalu qalbu. Qalli li meta x-xogħol isir bil-galbu u bl-attenzjoni xierqa, ix-xogħol isir sew. L-iktar ħaġa għal qalbu li għandu huma l-kampnari li qalli li kien fihom ħafna xogħol. Hawnhekk staqsejtu x’qallu missieru meta ra x-xogħol għaddej u lest. Frans bid-daħqa fuq fommu qalli li missieru Toni, li llum sfortunatament ħalliena, malajr bidel fhemtu u kien jinkoraġġih biex ikompli. Meta kien iħares lejn il-mudell dejjem jieħu aktar il-forma u jitlaħħam filwaqt li kien jaf sew li ibnu qatt ma kien jieħu kejl, kien jgħidlu “hawn ġew qed iseħħu affarjiet tal-għeġubijiet” . Frans imbagħad ħalli għalih jirsisti iktar biex ifittex jaraha lesta.
|
Il-Mudell
|
Il-Bażilika
|
|
Ritratti © Roderick Busuttil
|
Ritratti © Noel Ciantar
|
|
Il-Kampnar tal-Lemin
|
|

|

|
|
Il-Frontispizju
|
|

|

|
|
L-Arloġġ tax-Xellug
|
|

|

|
|
Dettall tal-Faċċata
|
|

|

|
|
Kemm imorru jarawha nies….
Staqsejt lil Frans jekk imorrux jarawha xejn nies. Hu qalli li għalkemm hu mhux wieħed li jħobb juri dak li għamel, kulmin mar biex jaraha daħħlu u naturalment jieħu tassew gost bil-kummenti sbieħ u nkuraġġiment li jaqla’. Semmieli li fost il-ħafna nies li marru jarawha kien hemm ukoll xi professuri mill-Universita ta’ Malta li meta raw dan il-mudell ma riedux jemmnu li għamel kollox minn moħħu minħabba d-dettal li daħal fih kif ukoll il-proprzjonijiet preċiżi li rnexxielu jikseb. Kien hemm min qabel ma ra kien għadda xi kummenti negattivi biex imbagħad wara li ra x-xogħol komplut kellu jbiddel fehmtu fuq dak li kien qal qabel.
Frans qalli ukoll illi żaruha ukoll xi membri parlamentari kif ukoll s-Sindku ta’ Birkirkara li anki offrilu li din jqiegħdilhu f’post prominenti fejn jista’ jgawdiha kullħadd. Iżda il-mudell hu wisq għal qalb Frans u għallinqas għalissa jixtieq izommu għandu. Min jaf ‘il quddiem jerġax ibiddel ħsiebu dwar dan …
Hawnhekk jien u Joe, wara li erġajna tajnih il-prosit għal biċċa xogħol kbira li għamel, iddeċidejna li nħalluh. Qabel tlaqna staqsejtu jekk forsi hemm xi ħadd li nteressat li jara dan ix-xogħol x’jista jagħmel. Frans qalli li jistgħu imorru fi Triq John Borg fin-naħa tal-playing field u jsaqsu għalih u jekk ikun hemm idaħħalhom u jkunu jistgħu jaraw dan l-mudell tant sabiħ. Inħajrukom tilqgħu din l-isstedina ġeneruża ta’ Frans Casha u żgur li ma jiddispjaċikomx.
Intervista ta’ Roderick Busuttil; Ritratti © Roderick Busuttil u Noel Ciantar
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008