Pitturi tal-Knejjes II
Jacqueline Agius
Dan l-aħħar permezz tal-facebook rajt diversi pitturi mill-isbaħ ta’ pitturi ta’ kappelli. Meta rajt min kien l-artist/a li għamlithom sibt li kienet Jacqueline Agius. Għalhekk iddeċidejt li nintervistaha biex insiru nafu aktar lill-persuna wara dawn ix-xogħolijiet tal-arti marbuta mal-kappelli. Pittura © Jacqueline Agius Sant’Antnin - Verdala Sant’Anġlu - Żejtun Ta’ Loretu - Gudja Tad-Duluri - Żebbuġ Pittura © Jacqueline Agius San Dimitri - Għawdex Tal-Belliegħa - Lija
Jacqueline Agius trabbiet f'ambjent artistiku u n-namra għall-arti bdiet minn ċkunitaha. Tgħallmet tpitter biż-żejt fl-iskola ta' St Joseph, fil-Blata l-Bajda. Wara attendiet diversi korsijiet fl-Iskola tal-Arti l-Belt Valletta. L-arti tagħha evolviet mal-medda taż-żmien. Iżda bil-preferenza għall-akkwarell kompliet tpitter il-bini u pajżaġġi li jiriflettu l-ħajja tagħha ta' dak iż-żmien. Mat-twelid taż-żewġt itfal tagħha l-arti waqfet. Kien biss ħafna snin wara li b'ħegga liema bħalha u bl-għajnuna ta' xi artisti oħrajn reġgħet skopriet il-ħajra li tesprimi l-ħsibijiet tagħha bl-arti. Matul dawn l-aħħar tlett snin esibbixxiet xogħolijet tagħha f'wirjiet ma' artisti oħrajn. Tellgħet l-ewwel wirja tagħha f'Diċembru 2009.

X'inhuma s-suġġetti li tħobb tpitter?
Fix-xogħol tiegħi infittex is-semplicità, l-armonija u l-ġmiel. Jispirani dak kollu li nara u nħoss bħalma hu l-pajsaġġ miftuħ, il-bini li jiddomina x-xefaq u l-baħar blu illellex fix-xemx. Infittex id-dawl li jgħammex, l-ilwien u l-kuntrasti li joħolqu d-dellijiet, il-forom u l-kuluri vibranti. Ix-xogħol tiegħi jiċċelebra l-isbuħija ta' madwarna kemm jekk dawn huma kappelli żgħar, toroq fl-ibliet, pajżaġġi u postijiet oħrajn f'Malta u f'Għawdex.
Kif iddeċidejt li tpitter il-kappelli?
Hawn ħafna kappelli mxerdin ma' Malta u Għawdex. Fix-xogħol tiegħi infittex is-sbuħija u s-sempliċità. Barra minn hekk jien noħroġ inpinġi barra u ma' kappelli niltaqa' mhux ħażin. Huwa mportanti għalija li kull kwadru jirrakkonta storja u milli jidher kull kappella għandha storja.

X'jolqtok fil-kappelli?
Huma postijiet li jeċitaw, jinterressaw u jappellaw. Insomma, m'hemmx waħda bħal oħra. Minn żminijiet preistoriċi s-sentiment reliġjuż ħalla wirjiet tal-fidi tiegħu f'postijiet ta' qima. Tolqotni l-istorja mibnija mal-kappelli speċjalment jekk titratta fuq xi leġġenda ħelwa jew romantika.

Il-futur tiegħek fit-tpinġija?
L-arti issa saret parti min ħajti. Is-sbuħija fin-natura teżaltani u nkompli nagħmel ħilti kollha biex nesprimiha fl-espressjoni tiegħi.
Min jixtieq jara xi xogħol ta' Jacqueline Agius jista' jżur is-sit elettroniku tagħha www.jacquelineagius.tk

Intervista: Roderick Busuttil
Pittura/Ritratti: Jacqueline Agius
L-aħħar tibdil sar
Mon, 02 April 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
