Mitlufa qalb ir-raba fil-limiti taż-Żurrieq, insibu żewġ kappelli li jinsabu f’dak li qabel kien ir-raħal ta’ Ħal Millieri. L-iktar magħrufa hija dik ddedikata lil Lunzjata, li hi ta’ oriġini medjevali, u ġo fiha nsibu affreski uniċi. Ftit ‘il fuq mid-daħla taċ-ċimiterju li twassal lejn il-Kappella tal-Lunzjata, b’fetħa quddiemha nsibu l-Kappella ta’ San Ġwann Evanġelista, li hi wahda mill-erbgħa li konna nsibu f’Ħal Millieri.
Ħal Millieri
Ħal Millieri kien raħal li kien jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Malta, bejn l-irħula taż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Kirkop. Jidher li dan ir-raħal hu antik ħafna u jmur lura għal żmien ir-Rumani. Dan il-fdal Ruman seta’ wkoll baqa’ jeżisti anki fi żmien meta l-Arab kienu ħakmu l-gżira fis-sena 870 W.K.

L-ewwel dokument li nsibu fuq Ħal Millieri jeħodna lura sas-sena 1419, meta jidher li f’dawn l-inħawi kien hemm xi 14 il-familja, li setgħu kienu dixxendenti ta’ dawk li kienu jgħixu fl-inħawi fi żmien l-Arab. In-nies li kienu jgħixu fl-inħawi kienu jaħdmu l-għelieqi, f’art li jidher li kienet fertili ħafna. Il-fatt li f’din iż-żona nstabu ammont ta’ ċisterni u bjar tal-ilma, li kienu importanti ħafna f’raħal agrikolu, ikompli jikkonferma li Ħal Millieri f’dawk iż-żminijiet kien abitat mill-bdiewa.
Fis-16 il-seklu ż-żewġ rħula jew “casali” ta’ Ħal Millieri u Ħal Armanin kienu magħqudin flimkien bħala rappreżentazzjoni quddiem l-kunsill tal-Universita tal-Mdina.
Ħal Millieri kien jikkonsisti f’4 knejjes jiġifieri dawk it-tnejn li għadna naraw sal-lum tal-Lunzjata u ta’ San Ġwann Evanġelista u tnejn l-oħra li spiccaw, dik tal-Viżitazzjoni li għadna naraw l-fdal tagħha maġenb dik tal-Lunzjata, u l-oħra ta’ San Mikiel li kienet tmiss ma’ dik ta’ San Ġwann Evanġelista.
Mid-dokumenti li nstabu u li ġew ippubblikati fil-ktieb ta’ Luttrell, jidher li r-raħal kien idur mal-knisja ta’ San Ġwann Evanġelista. Fil-fatt il-pjazza prinċipali tar-raħal kienet quddiem din il-knisja. Il-popolazzjoni tar-raħal jidher li baqgħat l-istess fil-bidu tas-seklu sbatax, biex imbagħad din naqset b’mod drastiku lejn tmiem dak is-seklu fejn l-aħħar twelid dokumentat kien fl-1711. Minn hemm ‘l quddiem jidher li raħal spiċċa diżabitat u llum kull ma fadal minnu huma ż-żewg kappelli ta’ San Ġwann Evanġelista u tal-Lunzjata, li jinsabu qalb l-għelieqi li kienu jifformaw dan ir-raħal.
Il-Kappella ta’ San Ġwann Evanġelista
Il-knisja li naraw llum ġiet mibnija mill-ġdid fl-1640, imma jidher li minfloka diġa kien hemm waħda li tmur lura sas-sena 1481. Meta Monsinjur Pietro Dusina żar din il-kappella fl-1575 sabha fi stat ħażin u pprofanaha. Izda fl-1822, Dun Ġakbu Gauci tħajjar jirranġaha mill-ġdid, u qabbad lil neputih il-bennej Franġisku Gauci biex jagħmel dan. Jidher fis-seklu għoxrin l-knisja ġiet imkabbra mill-ġdid fi żmien Dun Ġuzepp Gauci mit-tifel ta’ Franġisku Gauci. Ix-xogħol tlesta fl-1961 u l-knisja ġiet imbierka mill-Isqof Gaetano Pace Forno.

Il-knisja minn barra tikkonsisti f’zuntier sabiħ, li jingħad li qabel kien tal-Knisja parrokkjali taż-Żurrieq. Il-Knisja għandha forma kwadra u hi twila 15 il-pied. Is-saqaf tagħha jistrieħ fuq żewġ arkati. Il-knisja tikkonsisti f’artal wieħed u jinsab f’arkata sabiħa ħafna. Il-pittura titulari turi lil San Ġwann Evanġelista jikteb il-ktieb tar-Revelazzjoni magħruf ukoll bħala l-Appokalissi. Fil-kwadru tidher ukoll il-Verġni Mqaddsa f’apparizzjoni. Dan il-kwadru sabiħ kellu jitneħħa minn din il-knisja u jittieħed fil-Knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq għal raġunijiet tas-sigurta, peress li l-inħawi sfortunatament kienu ġew vandaliżżati għal diversi drabi.
Minflok dan il-kwadru titulari llum insibu żewġ stampi (għax "stampi" hu l-aħjar mod kif tista’ tiddeskrivihom), waħda tal-Qalb ta’ Ġesł u l-oħra ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu. Dawn huma tip ta’ stampi li sa ftit snin ilu kont issibhom f’kull dar u għalkemm huma devoti, la għandhom xi preġju u lanqas xi konnessjoni ma’ din il-kappella. Ħasra li ma sarx kopja-ritratt tal-oriġinal li għadu jeżisti bħalma sar f’kappelli oħrajn biex b’hekk inkunu qed nipproteġu l-kwadru oriġinali iżda nkunu qed nipproteġu wkoll il-karatteristika tal-kappella u l-ambjent ġewwieni tagħha. Soluzzjoni oħra tista' tkun li tiġi kkommissjonata pittura ġdida li tirrispetta l-ambjent storiku filwaqt li tkun espressjoni moderna tal-era li fiha tkun saret - soluzzjoni eċċellenti li ntużat ukoll b'effett tajjeb fil-kappella l-oħra ta' Ħal Millieri li għada teżisti: dik iddedikata lill-Lunzjata ftit metri 'l bogħod minn din il-kappella li qed nittkellmu fuqha.
Fl-antik ma’ ġenb din il-knisja kien hemm kappella oħra dedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Il-knisja kienet tmiss ma’ dik ta’ San Ġwann Evanġelista tant li kellhom zuntier komuni quddiemhom. Il-kappella ġiet profanata fl-1667 mill-Isqof Buenos, u biż-żmien intelqet u ġġarfet. Maġenb l-kappella ta’ San Ġwann Evanġelista naraw salib fuq kolonna, jew kif jissejħu ukoll Salib tad-Dejma, li jfakkar il-knisja ta’ San Mikiel.
Il-knisja tinsab fi stat tajjeb u ġieli tkun miftuħa fuq bieb tal-hadid. Iż-żona fejn hemm din il-knisja peress li hi f’nofs il-kampanja, hi mgħassa b’kameras tas-sigurta, minħabba atti vandali minn nies irresponsabbli li kienu jiġru fil-passat.
Il-Kappella ta' San Ġwann Evanġelista
- Ħal Millieri limiti taż-Żurrieq -
Kitba © ta’ Roderick Busuttil fuq informazzjoni mgħoddija minn Anthony Mangion.
Ritratti © Caroline Camenzuli u Noel Ciantar
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



