Il-Kappella ta’ San Ġwann Ta’ Għuxa
 - Bormla -

Waħda mill-iżgħar knejjes ta’ Bormla hija bla dubju ta’ xejn dik ta’ San Ġwann t’Għuxa jew San Ġwann l-Elemożinier. Sa ftit taż-żmien ilu, ftit kienu dawk li jgħaddu minn ħdejn din il-knisja, għax dawn l-akwati kienu disabitati. Iżda llum minħabba l-iżvilupp kbir li sar f’din in-naħa ta’ Bormla, ħafna huma dawk in-nies miiil-inħawi tal-Kottonera li marru joqgħodu fil-qrib ta' din il-knisja.

Ħafna wkoll huma dawk li meta jkunu sejrin lejn il-Belt Valletta jgħaddu bil-karozza tal-linja minn quddiem din il-knisja antika u storika.

Il-Knisja l-Antika

SaintjohnthealmonerTitianVeniceFlok il-knisja li hemm illum kien hemm oħra li kienet qadima ferm. Tant kienet antika li kellha l-arma ta’ l-Isqof Antonio Vulpano, li kien Isqof ta’ Malta fis-sena 1373. Ma' din il-knisja kien hemm dar bil-ġnien. Din id-dar kien joqgħod fiha eremit.

Dik il-knisja l-antika kienet tagħmel ma' l-parroċċa tal-Gudja, u meta fis-sena 1593 twaqqfet il-Paroċċa ta’ Ħal-Tarxien, dik il-knisja antika spiċċat tagħmel taħt il-ġuriżdizzjoni tal-kappillan ta' dan ir-raħal peress li ġiet fil-konfini tiegħu.

Il-festa ta’ San Ġwann ta’ Għuxa, li taħbat fit-23 ta’ Jannar, kienet tiġi ċċelebrata kull sena, l-ewwel mill-Kappillan tal-Gudja, u wara mill-Kappillan ta’ Ħal-Tarxien. Dan insibuħ miktub fir-rapporti li kien għamel Mons. Pietru Dusina fil-visti pastorali tiegħu.

Fi żmien il-Kavallieri din il-knisja twaqqgħet b’ordni tal-Gran Mastru għaxi setgħet tkun ta’ ħsara għall-fortifikazzjonijiet ġodda tal-Kottonera.

Il-Knisja li hemm illum

IMG_0097Meta iżda bdew jinbnew is-swar ta’ Bormla, inbniet ukoll il-knisja li hemm illum u ħallas għaliha il-Pirjol Fra Pietru Viany. Din inbniet 'il ġewwa mis-swar fil-limiti tal-Parroċċa ta’ Bormla fis-sena 1682. Dan jixdhu l-annu li jinsab imnaqqax taħt is-salib ta' tmien ponot tal-Kavallieri li hemm inaqqax fuq il-bieb tal-knisja.

Ma' din il-knisja kien hemm palazz li fih kellu appartament għaliħ il-Kappillan Konventwali li kien iqaddes u jieħu ħsieb din il-kappella. Sfortunatament dan il-palazz ġarrab ħsarat kbar mill-ħbit ta’ l-għadu fl-aħħar gwerra dinjija, u minflok ma ġie rranġat u rrestawrat, twaqqa' kollu kemm hu mill-ħaddiema tal-Public Works.


IMG_0099



Id-Dedika ta’ din il-Kappella

Din il-knisja antika hija ddedikata lil-San Ġwann Elemożinier jew ta’ Għuxa. Dan il-qaddis mhux San Ġwann il-Battista, Padrun tal-Kavallieri u lanqas huwa San Ġwann l-Evanġelista.

IMG_0093San Gwann Elemożinier jew ta’ Għuxa kien Isqof, Patrijarka ta’ Lixandra, li twieled fil-gżira ta’ Ċipru fis-sena 556. Wara li tilef 'il martu u 'l uliedu, qassam flusu kollha lill-foqra, u mar lejn l-Eġittu biex jgħix ħajja qaddisa ta’ eremit. Iżda minħabba l-fama tiegħu ta’ qaddis ħatruħ Patrijarka ta’ Lixandra. Kien imlaqqam “Ta’ Għuxa” jew “Elemożinier” għal karita kbira li kien jgħamel ma’ min kien fil-bżonn. Fi ħwejġu u fl-ikel tiegħu għex ta’ fqir. 

Il-kelma “Elemożinier” tfisser wieħed li jagħti l-elemożina, jiġifieri għajnuna lil min hu batut sabiex ikun jista' jgħix. Hekk il-kelma “Ta Għuxa”, li ġejja mill-kelma għexien, tfisser wieħed li jagħti għexien lil min huwa fil-bżonn. Mela San Ġwann ta’ Għuxa tfisser San Ġwann li kien iqassam l-ikel jew l-għexien.

Din hija l-unika knisja f’Malta li hi ddedikata lil dan il-Qaddis.

IMG_0090Xogħol Artistiku li kien hemm f’din il-Knisja

F’arkivju tal-kolleġġjata ta’ Bormla hemm lista jew inventarju ta’ l-oġġetti kollha li kienu jappartjenu lill-Knisja ta’ San Ġwann ta’ Għuxa. L-aktar oġġett ta' pregu artistiku li kien hemm żgur li kien il-kwadru titulari, xogħol sabieħ ferm tal-magħruf Mattia Preti. Dan il-famuż kwadru, li juri 'il San Ġwann ta’ Għuxa liebes ta’ Isqof, iqassam l-elemożina lil-fqar. Illum dan il-kwadru kif ukoll il-lunetta ta' fuqu jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Belt Valletta, u qiegħdin f’post prominenti f’waħda mis-swali ta dan il-mużew. Minflokhom fil-kappella ta' Bormla hemm kopji.

IMG_0092Kien hemm ukoll pittura oħra ta’ Mattia Preti li turi 'il Missier Etern. Din ukoll illum tinsab f’Mużew Nazzjonali tal-Belt. Fis-sagristija kien hemm pittura oħra, xogħol artistiku ieħor, iżda ta’ pittur mhux magħruf. Dan il-kwadru ħadd ma jaf x’sar minnu.

Jingħad ukoll li kien hemm statwa antika ħafna li turi 'il dan il-qaddis Ċipriott. Din ukoll ħadd ma jaf x’sar minnha.

Il-Knisja f’dawn l-aħħar snin

ItalianBomberMaltaSa ftit qabel l-aħħar gwerra din il-knisja ġieli serviet għal xi laqgħat jew konferenzi u ġieli anke saret xi quddiesa fiha. Ix-xjuħ Bormliżi jgħidu li nhar ta’ Ħadd kienu jmorru passiġġata f’dawk l-inħawi ma’ Dun Spir Penza, u qabel jirtiraw lejn id-dar kien jagħtihom il-barka bis-Santissimu Sagrament, wara li jkunu rreċitaw hemm ir-rużarju flimkien. Dawn ix-xjuħ ukoll jiftakru lil-Kurat Camilleri li fil-ġranet tal-Karnival kien itella' hemmhekk it-tfal tad-Dutrina biex jevitalhom it-taħwid ta' dawk il-ġranet.

Fl-aħħar gwerra dinjija din il-knisja intlaqtet mill-bombi tal-għadu u għamlet żmien twil mitluqa u abbandunata, sakemm fl-aħħar ħa ħsiebha il-Gvern Malt, u rrestawraha bis-sehem tal-istudenti ta’ l-Iskola “Gerolomo Cassar”.

Għeluq

Minħabba l-iżvilupp li sar f’dawn l-akwati ta’ Bormla, din il-Kappella ħelwa ġiet issa fl-abitat, u hija ħasra li għada ma bdietx tintuża biex isiru fiha servizzi reliġjużi, għan-nies numerużi ta’ dawk in-naħat. Din il-kinsja qeda tintuża biss għal xi exhibitions.

Kitba © Kan. Joseph Bonello Ritratti © Joe Brincat u mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small