Il-Kappella ta' Santa Katerina
- f’Wied il-Għasel, fin-Naxxar -
Kappella oħra ddedikata lil Santa Katerina nsibuha f’Wied il-Għasel, fil-limiti tan-Naxxar. Biex tasal fejn din il-kappella trid taqbad in-niżzla t’Alla u Ommu u tikser mill-ewwel fuq ix-xellug, u tibqa' dieħel sakemm tasal ħdejha. Il-post fejn hemm il-kappella qabel kien jagħmel parti mar-raħal ta’ Ħal Pissa.
Oriġini
Jidher li din il-kappella li naraw llum ma kinitx l-ewwel waħda ddedikata lil Santa Katerina fin-Naxxar. Fil-fatt Monsinjur Pietro Dusina fiż-żjara tiegħu tal-1575 isemmi kappella ddedikata lil din il-qaddisa, imma ma jgħidx eżatt fejn kienet. Fil-1608 l-Isqof Cagliares isemmi lil din il-kappella u jgħid li kienet "fir-raħal".
Kien fis-sena 1659, meta l-isqof Balaguer kien ipprofana numru ta’ kappelli, li jgħidilna eżatt fejn kienet din il-kappella ddedikata lil Santa Katerina meta sejħilha "tal-Gweidia". Mela din kienet fejn ftit snin wara, meta feġġgħet il-pesta tal-1676, kienu difnu lil dawk li mietu b’din il-marda qerrieda. Dan jiġi sewwasew fejn hemm il-ground tal-football fejn kien hemm it-Trade Fair Grounds, f’biċċa għalqa mitluqa fejn qabel kienu wkoll ħaffru għaż-żejt. Barra minn din il-kappella, kien hemm oħra fin-naħa tax-Xwieki ddedikata lil Santa Katerina, li llum ma baqa’ xejn minnha, ħlief l-isem tat-triq.
Il-kappella terġa’ tinbena
Kien Marianu Mangion Ii fl-1602 kien ħalla somma flus biex tinbena din il-kappella u biex fiha jibda’ jiġi ċċelebrat il-quddies fil-Ħdud u fil-festi. Marianu Mangion kien miżżewweġ lil Agata u kellhom erbat it-tfal, Duminku, Nikola, Bendo u Katerina. Jidher li t-tifla Katerina kienet mietet żgħira u probabilment nistgħu ngħidu li għaliha nbniet din il-kappella mill-familja. Marianu kien Massaro (wieħed li jieħu ħsieb l-oqsma tas-Sultan), u għaldaqshekk kien xi daqsxejn tat-tajjeb. Huwa miet fl-1616.
Kitba li hemm fuq il-faċċata, fuq il-bieb tal-kappella, tgħid li dak il-bini ġie magħmul fuq inkarigu ta’ Marianu Mangion fl-1607 għal unur ta’ Santa Katerina biex hi titlob għalih quddiem Alla. Din il-knisja tissemma għall-ewwel darba fil-viżta pastorali ta’ l-Isqof Cagliares ta’ l-1616. Dan jgħid li kienet inbniet fuq digriet ta’ l-Isqof ta’ qablu, jiġifieri l-Isqof Tumas Gargallo, u hu kien qiegħed jivverifika dan id-digriet. Mhux biss, huwa jgħid ukoll li kienet iddekorata sabiħ ħafna. Dan ma kienx tifħir li kien iħobb jagħmel dan l-Isqof u għalhekk dan hu sinjal li kien sab lil din il-kappella fi stat tajjeb ħafna.
Il-familja Mangion u l-kappella
Ġieli jissemma Dun Nikol Mangion bħala l-fundatur ta’ din il-kappella, li kien jiġi iben Marianu. Fit-testment li huwa kien għamel għand in-nutar Mario Attard fl-1624 Dun Nikol kien ħalla ġnien bid-dwieli imsejjaħ ta’ Hejmem u għalqa li kienet tmiss miegħu lil ħuh Bendu bħala eredi universali. Dan kellu jgawdihom matul ħajtu u wara mewtu. L-eredita kella taqa’ fuq wieħed mit-tfal magħżul minnu jew fuq il-kbir wara mewtu. Jekk xi wieħed mid-dixxendenti ta’ l-eredi jilħaq qassis, allura dan ikollu d-dritt għall-użufrutt tal-ġnien matul ħajtu. Marbutin ma’ dan kien hemm obbligi ta’ quddiesa kull nhar ta’ Ħadd in perpetwu għall-ruh Dun Nikol, il-ġenituri tiegħu u ħutu bniet u subien fil-kappella ta’ Santa Katerina fin-naħa ta’ Ħal Pissa jew Wied il-Għasel. Kellu jiġi wkoll iċċelebrat quddies fi-istess kappella fit-twelid ta’ San Ġwann Battista, f’San Pietru u f’San Pawl.
Il-kwadru titulari ta’ l-altar appuntu kien juri lil Santa Katerina fin-nofs biż-żewġ qaddisin, San Ġwann il-Battista u San Pawl Appostlu fil-lemin u x-xellug tagħha. Il-Kappella kienet kompluta b’kollox, bil-bżonnijiet kollha għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies u wkoll b’qanpiena żgħira imdendla minn speċi ta’ arkata żgħira fuq il-faċċata u fuq din salib tal-ġebel. Quddiem tal-kappella kien imdawwar b’ċint baxx.
Iktar żjarat pastorali f’din il-kappella
Fl-1659 din il-kappella, bħal disgħa oħra mill-parroċċa tan-Naxxar, kienet ġiet ipprofanata mill-Isqof Balaguer. Iżda jidher li l-kappella kienet baqgħet tiffunzjona wara din id-data bħal oħrajn li kienu wkoll ġew ipprofanati fi-istess sena. Fil-fatt tibqa’ tissemma dejjem fil-viżti pastorali tas-snin ta’ wara. Hekk, per eżempju, fl-1716 l-Isqof Cannaves jagħti deskrizzjoni sħiħa u fit-tul tal-kappella minn ġewwa. Huwa jgħid ukoll li kellha ċimiterju mdawwar tajjeb b’ħajt. Jista’ jkun li kien qed jirreferi għal biċċa magħluqa ta’ quddiem il-kappella. Din iżda ma jidhirx li tista’ tkun ċimiterju. Il-blat qawwi qiegħed fil-wiċċ u ma hemmx ħlief ftit ħamrija biex timla’. Il-kappella tissemma wkoll fil-viżti ta’ l-Isqof Labini fl-aħħar tas-seklu tmintax. Hekk fl-1785 huwa jinnota li kienet ġiet ordnata pittura ġdida għall-kappella li kienet turi lil Santa Katerina, il-Konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu u lil-San Ġwann Battista.
Fil-kappella kien jinxtiegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u fil-Ħdud u kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi ta’ twelid ta’ San Ġwann Battista, ta’ San Pietru u ta’ San Pawl. Naturalment kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kantata fil-festa ta’ Santa Katerina u kien jitkanta wkoll l-Għasar.
Il-Kappella minn barra
Il-faċċata ta’ din il-kappella hi waħda sempliċi, bħal dawk li kienu jinbnew fi żmienha. Il-bieb li fuq għandu forma ta’ nofs tond, għandu fuqu arkata. Maġenb il-bieb fuq in-naħa tal-lemin hemm bħal tieqa żgħira ħafna fejn wieħed seta' jinviżta l-kappella meta din kienet tkun magħluqa. Fin-naħa l-oħra hemm l-irhama bil-kliem “Non gode l’immunita ecclesias”, kif insibu ma' ħafna faċċati ta’ kappelli oħrajn. Fuq il-bieb hemm tieqa tonda jew kif inhi magħrufa aħjar l-“oculus”, li hija l-uniku sors ta’ dawl lil din il-kappella.
It-tieqa għandha forma ta’ fjura u taħta kif diġa semmejna qabel hemm l-iskrizzjoni li tfakkar li kien Marianu Mangion bħala li kien dak li bena din il-kappella. Fuq kull naħa tat-tieqa tonda hemm gwarniċa, li jidher li qabel fihom kien hemm skolpiti xi armi eraldiċi. Il-kampnar hu sempliċi, b’salib fuqu, imma ma fihx qanpiena. Fil-ġenb tal-kappella hemm ukoll xi mwieżeb tal-ilma. Quddiem il-kappella hemm zuntier zgħir, li jissemma f’xi viżti pastorali, li fih possibbilment seta' kien isir xi dfin.
Il-kappella minn ġewwa
Minn ġewwa l-kappella hi ħelwa ħafna. Għalkemm mhux kbira mill-ewwel jolqtok l-apside jew l-artal tagħha. Mad-dawra tal-artal hemm xi fdalijiet tal-affreski li l-familja Mangion kienet ikkumissjonat biex iżżejjen din il-kappella. Fil-fatt Marianu kien żejjen l-apside ta’ l-altar b’affreski li kienu juru fuq naħa waħda ‘l San Ġużepp u l-oħra San Nikola. Fuq, imbagħad, kienet tidher it-Trinità Mqaddsa waqt l-inkoronazzjoni tal-Madonna. Dun Nikol aktar tard kompla jżejjen b’affreski oħra l-faċċata ta’ l-altar madwar l-apside b’xeni mill-ħajja ta’ Santa Katerina. Dan għadu jidher fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata ta’ l-altar fejn hemm miktub ċar li dak kien sar fuq inkarigu ta’ Dun Nikol Mangion. L-artal qiegħed fuq tarġa, imma jidher li mhux dak originali. Il-kappella minn ġewwa ma fiha l-ebda kwadru, lanqas dak titulari.
Is-saqaf ta’ din il-kappella hu tax-xorok u hu miżmum minn tlett arkati, li ma jibqugħx niżlin sal-art.
Il-kappella taqa’ fi stat t’abbandun
Billi din il-kappella kienet dejjem taqa’ għand xi qassis eredi tal-familja Mangion jew, aktar qrib ta’ żmienna, għand xi qassis li kien igawdi l-frott ta’ din il-benefiċċju, ma jeżistux dokumenti fl-arkivju parrokkjali dwarha. Bħal kappelli oħra wieħed irid jassumi li baqgħet tintuża sa żmienna għal xi quddiesa iżda mhux regolarment. Żgur li għal dawn l-aħħar ħamsin sena kienet dejjem magħluqa jew aktar tard mitluqa billi ħadd min-Naxxar ma kien prokuratur tagħha bħal ma kien hemm għall-kappelli l-oħrajn. B’hekk waqgħet taħt idejn il-vandali. Mhux l-ewwel darba li nbidel il-bieb għax inħaraq jew tkisser u saret ħsara fuq l-altar u l-affreski ta’ mal-ħajt. Dawn soffrew l-akbar ħsara meta l-ħajt tbajjad bil-ġir u inagħta kisja kulur isfar. Bejn l-1980 u l-1981 saret tiswija fuq il-filati ta’ fuq u saru l-imwieżeb mill-ġdid. L-antiki kienu diġà nsterqu minn xi ħadd. B‘xorti tajba l-pittura tat-titular ittieħdet lejn iż-Żejtun minn qassis li kien jieħu ħsieb dawn il-benefiċċji. Illum din il-pittura tinsab fil-Mużew tal-parroċċa.
Ma’ dan l-abbandun bdiet tidher il-ħsara. Il-ħitan tal-ġnub bdew jiftħu ‘l barra. Mill-fili miftuħin tal-bejt beda dieħel ħafna ilma tax-xita li neħħa t-tajn fl-imramma. Il-filati ta’ fuq tmermru u xi ġrieden sa għamlu l-bejta tagħhom hemm fuq. Trabba ħafna tixrib u ħażiż fuq ġewwa. Il-ħnejjet bdew isiru laxki u xi partijiet baqgħu iżommu biss bi ftit tajn. Inkisru xi xoroq. Iz-zuntier kien inħatt u reġa’ nbena mill-ġdid. Iċ-ċangatura tal-wiċċ sparixxiet. It-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb tkissret bid-tfigħ tal-ġebel. L-irħama bil-kitba "Non gode immunita ecclesiastica" insterqet. L-altar, li jista’ jkun li ma huwiex l-oriġinal, kellu l-mensula mkissra u xi ħadd ipprova jieħu l-parti tal-qabar.
Restawr tal-kappella
B’dawn il-ħsarat kollha l-kappella kienet qabdet it-triq tan-niżla u ma kellhiex ħajja fit-tul. Is-sur Anton Spiteri, li kien ilu snin jagħti każ ta’ din il-kappella, tkellem mal-arċipriet tan-Naxxar u ssuġġerixxa li ssir xi ħaġa. Billi fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jeżisti grupp ta’ restawr, saret talba uffiċċjali. F’Awwissu 2002 l-arċipriet kiteb lid-Direttur u fisser l-urġenza li jsir xi restawr f’din il-kappella qabel ma tispiċċa biex taqa’ għal kollox. Ir-restawr tal-kappella seta’ wkoll iservi biex ikun il-bidu tar-riabilitazzjoni ta' Wied il-Għasel. It-talba ntlaqgħet mill-awtoritajiet u t-taqsima tar-restawr kienet issa ser tibda x-xogħol.
|
Ritratt © Roderick Busuttil
|
|

|

|
|
Kien jonqos il-finanzjament tal-materjal li jkun hemm bżonn għal dan ix-xogħol. Għalhekk Anton Spiteri, li issa kien qed jidher bħala l-bniedem inkarigat mill-arċipriet, kiteb lill-Kunsill Lokali fejn bagħat ukoll stima ta’ l-ispiża kollha. Ftit jiem wara l-Kunsill wieġeb li kien lest li jgħin finanzjarjament u kien approva ssomma ta’ Lm500 (bejn wieħed u ieħor €1165) lejn il-materjal meħtieġ. Għajnuna oħra waslet m'għand l-għaqda Din l-Art Ħelwa. B’hekk seta’ jibda ix-xogħol.
Ix-xogħol kien taħt is-supervizjoni tal-perit Ivana Farrugia (il-perit Farrugia għaddiet rapport tax-xogħol li kien sar lill-awtur ta’ dan l-artilklu). L-ewwel ma sar kienet dokumentazzjoni ddettaljata ta’ storja, ritratti u surveys minn-naħa tal-perit. Dan ta’ l-aħħar sar mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa u b’mod speċjali mal-ħajt ta’ l-altar fejn kienu jidhru traċċi ta’ affreski taħt it-tibjida tal-ġir. Imbagħad beda r-rinfurzar tal-bini inkluż tikhil minn barra u minn ġewwa, tibdil ta’ xorok u t-tisħiħ tal-arkati. Ġie ttrattat dak li jissejjaħ “ħass” ta’ mal-ħitan, u fuq kollox ġie msaħħaħ u rrestawrat l-affresk ta’ l-apside ta’ fuq l-altar. Dan ta’ l-aħħar kien l-akbar biċċa xogħol għax kien xogħol kompless u li ried isir f’fażijiet differenti. L-ewwel reġgħu twaħħlu mal-ħajt dawk il-biċċiet li kienu inqalgħu jew li kienu ser jaqgħu. Imbagħad l-aktar xogħol diffiċli kien li tneħħa t-tibjid tal-ġir li kien hemm fuq l-affresk. Wara tnaddfu l-biċċiet ikkuluriti.
Ix-xogħol fuq barra, minbarra t-tikħil tal-ħitan kollha, kien jinkludi r-restawr tas-sistema tad-drenaġġ ta’ l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt. Dan kien ifisser tibdil tad-deffun kollu u tibdil tal-imwieżeb. Imbagħad kien hemm xi biċċiet li kehhom isiru mill-ġdid billi kienu insterqu jew tkissru. Dawn kienu jinkludu t-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb u l-irħama. Tnaddfu wkoll in-naħat viċini ta’ mal-kappella.
|
Ritratt © Roderick Busuttil
|
|

|

|
|
Fuq ir-restawr prinċipali tal-affreski intalab ukoll il-parir tal-espert Dr. Keith Sciberras. Dan hu tal-fehma li ħafna mill-kappelli tas-seklu sbatax kienu mżejna b’dan il-mod. Iżda mal-mixja tas-snin flit li xejn baqgħu jidhru. Għalhekk l-impoprtanza ta’ dawn l-affreski f'din il-kappella hija għall-fatt li huma forsi uniċi f’kappelli ta’ dan iż-żmien li baqgħu jeżistu. Il-valur tagħhom qiegħed hawn għax bħala pittura huma pjuttost vernakulari.
Il-Kappella llum
Il-kappella llum tinsab fi stat tajjeb ħafna, iżda minn ġewwa hi totalment battala u tinfetaħ biss fil-festa ta’ Santa Katerina biex fiha ssir quddiesa.
Ta’ min jgħid ukoll li l-post ta’ fejn tinstab il-kappella hu mitluq u żgur tkun idea tajba jekk jibda' r-reabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel u b’hekk nerġgħu nagħtu ftit ħajja lir-raħal antik ta’ Ħal Pissa.
Kitba © Paul Catania; Ritratti © Roderick Busuttil
Ħajr lil Paul Catania li apparti li għaddielna din il-kitba, fetħilna l-kappella flimkien ma' oħrajn li nsibu fin-Naxxar.
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008