Il-Kappella ta’ Sta Margerita “tal-Ħereb”
- San Ġwann
-

Kappella oħra li nsibu fir-raħal ta’ San Ġwann hi dik iddedikata lil Santa Margerita Verġni u Martri, li ġiet maqtula taħt il-persekuzzjoni ħarxa tal-Imperatur Djoklezjanu. Din il-kappella tinsab fit-triq ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann.



Santa Margerita San Gwann 4



Oriġini

DSCN4517Jidher li din il-kappella ġiet mibnija għall-ewwel darba fis-seklu sittax, għall-ħabta tal-Assedju l-Kbir. Fl-atti taż-żjara appostolika ta’ Monsinjur Pietro Dusina fl-1575 insibu li hu kien żar din il-kapppella f’Birkirkara fil-parti magħrufa bħala “tal-Arar”. Hu sab li l-knisja kellha altar iżda la kellha bieb tal-injam, la rettur, la ħwejjeġ meħtieġa u lanqas biss xi dħul. Dusina jikkumenta wkoll, iżda, li ċertu Salvus Calleja, minħabba d-devozzjoni li kellu, kien jara li titqaddes quddiesa fiha fil-ġurnata tal-festa. Dusina ordna wkoll li ma jitqaddisx quddies fiha sakemm ma jsiriliex bieb tal-injam u tibda’ tiġi miżmuma tajjeb.


IsqofMichaeleMolinaAktar tard, fis-sena 1680, l-Isqof Michele Girolamo Molina żar dawn in-naħat u rraporta li żar il-kappella ta’ Santa Margerita magħrufa bħala "Tal-Bakkar". L-isqof jgħid li din il-knisja tant kienet fi stat ħażin li fl-1658, kienet ġiet ipprofanata mill-isqof ta’ dak iż-żmien, Mikiel Balaguer. Wara talba tal-kappillan ta’ Birkirkara, l-Isqof Mikiel Balaguer fl-1658 ta l-permess meħtieġ biex Giacomo Pullucino u l-familja tiegħu jkollhom id-dritt jindifnu f’din il-kappella.  Għalhekk, ftit snin wara fis-sena 1666, reġgħet tranġat mill-ġdid mill-istess Giacomo Pullucino. Fiha dan Pullucino waqqaf fondazzjoni ta’ quddies li kellu jitqaddes fil-Ħdud kollha u fil-festi tal-preċett. Fondazzjoni oħra kienet imħollija biex kull nhar ta’ Sibt jinxtegħel il-lampier ta’ din il-kappella. Iżda l-knisja ma kelliex sagristan u għalhekk, ġieli l-qassis li kien imur iqaddes kien ikollu jistenna’ xi sigħat qabel ma kien isib ‘l xi ħadd biex jgħinu fil-quddiesa. Minħabba f’hekk kienet tintuża biss f’dawn il-ġranet partikolari.

S.Marg.S.Gwann_0003 (2)Il-festa titulari ta’ Santa Margerita kienet tiġi ċċelebrata kull sena b’fondazzjoni mħollija mill-aħwa Luca u Giacomo Calleja minn Birkirkara.

Peress li din il-kappella kienet tinsab f’lok imwarrab, ma damitx ma reġgħet intelqet u kważi minsija għall-kollox. Minn hemm il-kappella baqgħet sejra lura u saret ukoll l-mira ta’ nies irresponsabbli li minnha serqu partijiet ta’ skultura antika li kienu jżejnuha.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, din il-kappella ġiet distrutta kważi kompletament.

Referenzi oħra għal din il-kappella nsibuhom fl-atti taż-Żjarat Pastorali tal-Isqfijiet Cagliares fl-1618 u Canaves fl-1716.

Il-Knisja tiġi restawrata

Bit-tħabrik tal-Patri Kapuċċin Donat Spiteri din il-kappella ġiet restawrata minn barra u minn ġewwa mit-taqsima tar-Restawr tal-Ministeru tal-Infrastruttura. Ix-xogħol ta’ restawr beda fl-10 ta’ Lulju tal-1990 fuq il-pjanta tal-perit Conrad Buhagiar u taħt it-tmexxija ta’ Innocenzo Centorino. Ir-restawr sar kemm jista’ jkun skont il-pjanta oriġinali tal-kappella tas-seklu sbatax biex jinżammu l-karateristici li jsawruha.
Santa Margerita San Gwann 3
Fil-21 ta’ Settembru tal-1990 li jaħbat jum il-25 sena minn mindu San Ġwann sar parroċċa u nqata’ mill-Arċimatriċi ta’ Birkirkara din il-kappella ġiet inawgurata b’ċerimonja qasira imma sinifikattiva. Ġiet mikxufa ukoll irħama li tfakkar dan l-avveniment.

Fl-1994 il-kappella ġiet skedata fi Grad 1 (GN Number 731/94).

Il-Kappella minn barra u minn ġewwa

L-faċċata ta’ din il-kappella hi sempliċi ħafna b’forma ta’ kaxxa. Fuq il-bieb tal-knisja hemm tieqa kwadra u fuq nsibu kampnar sempliċi ħafna b’salib fuqu. Il-knisja tinsab nistgħu ngħidu f’central strip u mdawra mill-abitat. Fil-ġenb jidhru xi mwieżeb għall-ilma.


DSCN4524



Mar07S.Marg 003 (2)Minn ġewwa l-kappella hi żgħira imma ħelwa ħafna. Il-kappella hi kollha fuq il-ġebla li tagħtiha dehra verament sabiħa. Għandha saqaf troll u għandha gwarniċa fuq iż-żewġ ħitan tal-ġenb. Peress li din il-kappella saret sagramentali u fiha jiġi espost is-Sagrament il-ġurnata kollha, minflok l-artal tpoġġa board tal-injam li fih jiġi espost is-Sagrament. Meta staqsejna jekk qabel tpoġġa dan il-board li jistona ftit mal-kumplament tal-kappella minħabba l-qies u l-għamla tiegħu qalulna li din il-knisja ma kelliex artal u lanqas kwadru titulari ta’ Santa Margerita.

Skont Achille Ferris fil-kitba tiegħu tas-seklu dsatax 1866 isemmi li l-pittura titulari kienet tinsab fil-Kapellun tar-Ruzarju tal-Bazilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara, li sa dak iż-żmien din il-kappella kienet tagħmel ma’ Birkirkara.


Ritratti © Caroline Camenzuli

DSCN4523

DSCN4518

DSCN4522



Il-kappella għamlet żmien tintuża mill-Kunsill ta’ San Ġwann għal skopijiet kulturali, bħal taħdidiet u wirjiet artistiċi, filwaqt li ħa ħsieb isebbaħ mad-dawra tagħha. Illum qed tintuża għal adorazzjoni tas-Sagrament.


S.Marg.S.Gwann_0001 (2)




S.Marg.S.Gwann_0002 (2)




SanGwannTonyCutajarSantaMargerita1


Kitba ta’ Roderick Busuttil minn infomazzjoni mill-kitba ta’ Patri Donat Spiteri O.F.M. Cap u l-Kav. Tony. C. Cutajar. Ritratti © Carmelo Vella, Philip Xuereb, Caroline Camenzuli u Tony C. Cutajar

 

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small