Waħda mill-knejjes sbieħ li nsibu fir-raħal ta’ Ħal Balzan hija dik iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidtna Marija, magħrufa fostna l-Maltin bħala Santa Marija. Il-knisja tinsab ftit metri ’l fuq mill-knisja parrokkjali, f’wesgħa żgħira fuq in-naħa tal-lemin tiegħek. Quddiem il-knisja ma tistax ma tolqtokx statwa ta’ Santa Marija merfugħa fil-għoli fuq pedestall f’nofs dik il-pjazzetta. Din il-knisja, miżmuma tajjeb ħafna, illum isservi bħala kappella tal-adorazzjoni, fejn ħafna nies minn dan ir-raħal u oħrajn mill-inħawi tal-qrib imorru jgħaddu ftit ħin ta’ talb fis-skiet u l-ħemda tagħha.

Il-knisja ta’ Santa Marija tinsab fil-qalba tar-raħal, f’waħda miż-żoni antiki ta’ Ħal Balzan. Madwar din il-knisja, u l-aktar fit-triq ta’ warajha li ġġib l-istess isem, Triq Santa Marija, għadhom jidhru wħud mid-djar qodma ta’ dan ir-raħal, u waħdiet minnhom eqdem saħansitra mill-knisja li naraw illum. Iżda tajjeb li niftakru li l-knisja preżenti mhijiex l-ewwel knisja ta’ Santa Marija f’dan ir-raħal; qabilha kien hemm tnejn oħra mibnijin fl-istess post.
L-ewwel knisja ta’ Santa Marija
Meta l-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina żar lil Ħal Balzan nhar l-1 ta’ Frar 1575, l-ewwel knisja ta’ Santa Marija kienet għadha kif inbniet. Huwa jgħidilna li l-knisja nbniet f’Awwissu tas-sena ta’ qabel jiġifieri fl-1574. Jgħidilna wkoll li kienet “ħelwa ħafna” u kellha altar wieħed iddedikat lil Marija Assunta. Iżda mill-viżta pastorali tal-Isqof Tumas Gargallo, nhar l-4 ta’ Diċembru 1601, insiru nafu li l-knisja żdidulha żewġ altari oħra: altar iddedikat lill-Madonna tas-Sokkors in-naħa tax-xellug, u altar ieħor iddedikat lil Santa Katerina minn Siena n-naħa tal-lemin. Il-kwadru ta’ dan l-altar, li juri ż-żwieġ mistiku ta’ Kristu ma’ din il-qaddisa, illum jinsab fis-sagristija tal-knisja parrokkjali.
Tagħrif ieħor dwar din il-knisja jagħtihulna l-Isqof Baldassare Cagliares, fil-viżta tat-28 ta’ Novembru 1615. Jgħidilna li l-knisja kellha tliet bibien u quddiemha kien hemm ċimiterju mdaqqas imdawwar b’ċint, u li kienet “twila u wiesgħa biżżejjed” għan-nies ta’ dik in-naħa. Skont l-istess viżta, l-altar prinċipali kien tal-ġebel u kien qiegħed taħt apside rettangolari. L-Isqof Cagliares isemmi wkoll altar ieħor, iddedikat lil San Ġużepp, u għalhekk il-knisja issa ġiet b’erba’ altari. L-orjentazzjoni ta’ din il-knisja kienet differenti minn kif inhi llum. Il-Vigarju Kapitulari Pier Francesco Pontremoli (8 ta’ Ottubru 1634) jgħidilna li l-bieb prinċipali tal-knisja kien iħares lejn il-punent, u l-bibien l-oħra wieħed lejn it-tramuntana u l-ieħor lejn nofsinhar.
Mill-viżta pastorali tal-Isqof Mikiel Ġwanni Balaguer, nhar it-2 ta’ Mejju 1637, insiru nafu li l-knisja kienet miżmuma tajjeb ħafna u nadifa, il-bieb kien għadu kif sar ġdid, u quddiem l-altar prinċipali kien hemm ventaltar sabiħ ħafna tal-ġild. Jagħtina deskrizzjoni wkoll tal-kwadru titulari: jgħidilna li n-naħa ta’ fuq jidher il-Missier Etern u n-naħa t’isfel ix-xbieha ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Il-kwadru kellu gwarniċ indurat bid-deheb fuq sfond iswed. Iżda jidher li maż-żmien l-affarijiet inbidlu, u kellu jkun l-istess Isqof Balaguer li, wara li l-Vigarju Ġenerali Mons. Alessandru Bologna żar din il-knisja fit-12 ta’ Diċembru 1658, iddikjara l-knisja pprofanata, flimkien mal-knejjes ta’ San Mikiel u tal-Vitorja, u ordna li l-ġid u l-obbligi tagħha jkunu trasferiti lill-knisja parrokkjali.
It-tieni knisja ta’ Santa Marija
Id-deċiżjoni tal-profanazzjoni tal-knisja xejn m’għoġbot lill-Balzanin tal-inħawi, li ħassew li mhux biss ma kenux se jibqgħu jinqdew fis-smigħ tal-quddies iżda li kienu se jinfatmu mill-għeżież tagħhom midfunin fil-knisja u fiċ-ċimiterju tagħha. Għaldaqstant huma kitbu lill-Isqof biex iqis mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu. Huma wegħduh ukoll li kienu se jagħmlu ħilithom biex jirrestawraw il-knisja. Għaddew ħdax-il sena mit-talba tal-Balzanin, iżda d-deċizjoni ma ġietx irtirata. Huma reġgħu ressqu t-talba tagħhom lill-Isqof Lawrenz D’Astiria meta żar lil Ħal Balzan nhar is-26 ta’ Settembru 1673. Tennewlu li kienu lesti jagħmlu kulma jordnalhom basta jkunu jistgħu jerġgħu jużaw il-knisja ta’ Santa Marija. Il-wegħda tagħhom żammewha, u wara biss sentejn il-knisja kienet tista’ tgħid mibnija mill-ġdid. Fil-fatt, nhar l-10 ta’ Marzu 1675, il-Kappillan Dun Dumink Ellul bierek il-knisja fost il-ferħ tal-Balzanin kollha.
L-ewwel deskrizzjoni ta’ din it-tieni knisja ta’ Santa Marija nsibuha fir-relazzjoni tal-viżta pastorali tal-Isqof Ġlormu Molina nhar it-3 ta’ Jannar 1679. Jgħidilna li l-knisja kellha żewġ bibien, u mhux tlieta bħal ta’ qabilha, u l-bieb ewlieni kien iħares lejn in-nofsinhar, u l-ieħor lejn il-punent. Minbarra l-altar prinċipali li kien tal-ġebel, il-knisja kellha wkoll tliet altari żgħar. Dawn l-altari kienu tneħħew biex jinkiseb aktar spazju għan-nies. Fil-fatt ma jissemmewx fil-viżta pastorali tal-Isqof Bartilmew Rull tad-9 ta’ Ottubru 1758. Minn din il-viżta nsiru nafu li fil-faċċata tal-knisja kien hemm qanpiena waħda mdendla taħt ħnejja żgħira. Il-kwadru titulari, li juri lil Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem, huwa l-istess wieħed li qabel kien fl-ewwel knisja. Dettall ieħor jagħtihulna l-Isqof Vincenzo Labini, li fir-relazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 1781 jgħidilna li l-knisja għandha forma rettangolari.
Jidher ċar li tul il-medda tas-snin din il-knisja kienet miżmuma b’għożża min-nies li kienu jiffrekwentawha, li mhux biss ħadu ħsiebha iżda żejnuha mill-aħjar li setgħu. Għal xi raġuni jew oħra ġara li mal-mogħdija tas-snin bdiet tiġi ttraskurata, kif insibu fir-relazzjoni tal-viżta pastorali tal-Isqof Labini tat-12 ta’ Diċembru 1791 u f’viżti oħra li għamel wara. B’danakollu, fil-viżta pastorali tiegħu lil din il-knisja nhar it-18 ta’ Ottubru 1811, l-Isqof Ferdinando Mattei faħħar il-mod kif kienet miżmuma. Dak iż-żmien il-prokuratur tagħha kien Dun Salv Sammut, benefattur kbir ta’ din il-knisja. Minkejja li fl-1818 saritilha tiswija tajba, jidher li l-ħolma ta’ Dun Salv kienet li tinbena knisja ġdida fuq l-istil li kien dieħel fil-gżira dak iż-żmien.
It-tielet knisja ta’ Santa Marija
Il-knisja preżenti, iddedikata wkoll lil Santa Marija, inbniet fis-sena 1846 bit-tħabrik ta’ Dun Salv Sammut, kif jgħidilna l-Isqof Publju Maria Sant fir-relazzjoni taż-żjara tiegħu lil din il-knisja nhar il-25 ta’ April 1849. Kif diġà ssemma, il-knisja għandha pjazzetta quddiemha u zuntier li titla’ għalih b’żewġ tarġiet. Kien hawn li fl-imgħoddi nsibu ċimiterju u li maż-żmien kien tneħħa. Il-knisja għandha tliet bibien, għad li tnejn biss jistgħu jintużaw: il-bieb ewlieni jħares lejn in-nofsinhar, u żewġ bibien oħra, wieħed iħares lejn il-lvant, u l-ieħor lejn il-punent li llum huma mbarrat bil-ġebel, billi tmiss mal-knisja hemm dar privata.
Il-knisja minn barra tolqot l-għajn għall-arkitettura sabiħa tagħha. Il-faċċata hija eleganti, b’pilastru u żewġ nofsijiet fuq kull naħa b’kapitelli ta’ Ordni Joniku. Il-bieb il-kbir huwa mdawwar bl-iskultura li tispiċċa b’arkitrav, u fuqu tieqa ovali li tasal sal-friż li minnha jidħol id-dawl għal fuq l-orgni u l-altar maġġur. Il-gwarniċun tal-faċċata jagħlaq bi frontispizju maqsum fi tliet partijiet b’salib tal-ġebel fin-nofs. Fuq il-knisja tiddomina koppla tonda b’lanterna b’salib fuqha li tkompli ddawwal il-knisja minn ġewwa. Il-knisja għandha wkoll żewġ twieqi oħra mdaqqsin, waħda fuq kull bieb tal-ġenb.

Jekk il-knisja ta’ Santa Marija hi sabiħa minn barra, hija bil-bosta isbaħ hekk kif tirfes mill-għatba ’l ġewwa. Il-knisja għandha pjanta ċentrali, b’erba’ pilastri prinċipali ta’ Ordni Kompost li minn fuqhom jitilgħu l-erba’ ħnejjiet li fuqhom tistrieħ il-koppla. Mill-bieb il-kbir mal-ewwel tolqtok il-prospettiva tal-altar, l-altar waħdieni tal-knisja, mgħolli b’tarġa mill-paviment li hu taċ-ċangatura. Il-mensa tal-altar hija tal-ġebel, bil-faċċata tagħha mimlija skultura; fin-nofs hemm il-post fejn kien jista’ jitqiegħed xi korp sant. L-iskannell tal-altar hu tar-rħam isfar bl-isfond aħdar.
Fuq l-altar insibu l-kwadru li juri t-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidtna Marija, imdawwar bi gwarniċ tal-ġebel kollu skultura. L-apside tagħlaq b’arzella li fiha nsibu minquxa fil-ġebel raġġiera, u f’nofsha pittura tal-Missier Etern imdawwar minn għadd ta’ anġli. Fuq kull naħa tal-altar insibu bieb li jagħti għas-sagristija tal-knisja.
Mal-ħajt tax-xellug tal-knisja, fejn fl-imgħoddi kien hemm il-bieb li jħares lejn il-punent, naraw irħama li tfakkar lil Dun Salv Sammut, il-benefattur kbir ta’ din il-knisja kif ukoll tal-knisja parrokkjali. Din il-lapida, li dari kienet tgħatti l-qabar ta’ dan is-saċerdot ħabrieki, tgħid li dan il-post qaddis, iddedikat lil Sidtna Marija, inbena mill-ġdid bil-ħila u l-ħidma ta’ Dun Salv Sammut Pullicino fis-sena 1846, u għalih iddedika ġidu kollu. L-iskrizzjoni tgħid ukoll li dan is-saċerdot għażel dan l-imkien biex fih jindifen, meta miet nhar il-21 ta’ Settembru 1859, fl-għomor ta’ 73 sena.

Il-knisja ta’ Santa Marija mal-medda tas-snin
Tul il-medda tas-snin il-knisja ta’ Santa Marija għaddiet minn ħafna ġrajjiet. Biżżejjed ngħidu li għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija sabu l-kenn fiha bosta refuġjati li ġew Ħal Balzan mit-tlitt ibliet. Wara li dawn ġew allokati fi djar f’Ħal Balzan, il-knisja bdiet isservi bħala awla tal-Università ta’ Malta għall-istudenti tal-Liġi. Wara l-gwerra kompliet tintuża bħala maħżen għall-istatwi li jintramaw fit-toroq fil-festa tal-Lunzjata. Fl-1987 il-lanterna tal-knisja, li kellha ħafna ħsara, reġgħet inbniet mill-ġdid minn grupp ta’ voluntiera Balzanin li jaħdmu fis-sengħa tal-bini, bl-inizjattiva tal-kappillan Dun Tarċisju Delicata.
L-aħħar żvilupp fl-istorja ta’ din il-knisja kien ir-restawr tagħha sabiex tkun tista’ tinfetaħ ħalli titgawda mill-pubbliku. Okkażjoni tajba kienet il-festi li kellhom isiru f’Ħal Balzan fl-2005 biex jitfakkru t-350 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Għaldaqstant il-kappillan Dun Kalċ Vassallo ħa ħsieb li din il-knisja tiġi restawrata b’mod professjonali biex tkun tista’ sservi bħala Kappella tal-Adorazzjoni. L-inawgurazzjoni tagħha mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, nhar it-18 ta’ Ġunju 2004, kienet il-bidu tal-festi ċentinarji tal-2005. Illum il-knisja ta’ Santa Marija tinsab fl-istat oriġinali ta’ meta nbniet ’il fuq minn 150 sena ilu. Mhux biss tista’ titgawda mil-lat artistiku imma wkoll biex fis-skiet u s-serenità tagħha ħafna nies jiltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija biex fih isibu l-faraġ ta’ ruħhom.
Kitba u ritratti © Carmel Bezzina
Il-Knisja ta’ Santa Marija
- Ħal Balzan -
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
