Il-Kappella ta’ San Mikiel Arkanġlu
 - Is-Salini (Burmarrad)
-

Fis-Salina hemm kappella żgħira u antika ħafna, li jgħidhula “l-Imdawwra”. Din hi ddedikata lill-Arkanġlu San Mikiel, u ħadd ma jaf eżatt meta nbniet. Li jafu żgur hu li hija antika ħafna, għax issemmiet f’diversi rapporti ta’ Viżti Pastorali antiki.

Caroline_San Mikiel Salina 4



Ma' din il-Kappella hemm marbuta leġġenda li kienu jgħidu n-nanniet tagħna li kienu semawha mingħand xi bdiewa li kellhom ir-raba f’dawk l-akwati. Din il-leġġenda hija konnessa mal-bini ta’ din il-kappella.

Il-Leġġenda

chagall_praying_jew443x591Bosta snin qabel ma ġew il-kavallieri f’Malta, fir-raħal tan-Naxxar kien joqgħod Lhudi li kien jismu Ġakobb. Dan kellu tifla ta’ tmintax-il sena jisimha Rebekka. Ommha kienet mietet meta welditha u għalhekk kienet trabbiet mall-ħamest itfal subien ta’ Kieli u Vittor, li kienu ġar ta’ Ġakobb. Kieli li kien suldat fid-Dejma u kellu xi raba fis-Salina ħdejn ir-raba li kellu Ġakobb, li kien ukoll bidwi.

Kieli li ma tantx kien għadu jaħdem ir-raba tas-Salina minħabba l-biża mill-furbani li mhux l-ewwel darba li kienu jinżlu għal-għarrieda u jaħtfu xi bdiewa u jagħmlu ħerba mill-għelieqi ta’ dawk l-inħawi. Dan Kieli kemm il-darba wissieħ lil-Ġakobb sabiex joqgħod attent u ma joqgħodx fl-għalqa għat-tard.

sanmikielViċin ir-raba ta’ Ġakobb fi trejqa kien hemm niċċa ddedikata lil San Mikiel. Kieli kien devot ħafna tiegħu u meta kien jinzerta lil Ġakobb sejjer għas-Salina, kien jagħtieħ tazza żejt sabiex jixelielu quddiem ix-xbieha ta’ San Mikiel. Żmien qabel ma bdew jinżlu ta’ spiss il-furbani din in-niċċa kienet devota ħafna mall-bdiewa tal-lokal. Iżda issa kienet żdingata għax ma tantx kont għadek tara bdiewa f’dawk l-inħawi. Il-ħaxix kien kważi għattiha għall-kollox.

Għalkemm Ġakobb ma kienx nisrani, mhux l-ewwel darba li meta kien ikun għaddej minn quddiem in-niċċa kien jieqaf jixgħel it-tazza żejt meta kienet tintefa bir-riħ, u jaqtal-ħaxix li kien ikun għatta in-niċċa. Wara kien jieqaf u jagħti ħarsa lejn l-istatwa għax kien jemmen li kien l-Arkanġlu tal-Mulej li wara kollox kien jissemma' fit-tradizzjoni Lhudija.

Darba fost l-oħrajn wara li kien għadu kif xegħel iż-żejt u kien wieqaf quddiem ix-xbieha ta’ l-Arkanġlu sema leħen li qallu: “Ġakobb, għad impattilek ta' dak li qed tagħmel!” Il-Lhudi nħasad għal dak il-kliem u dar biex jara min kien qed ikellmu, iżda ma ra lil ħadd. Għalhekk telaq lejn ir-raba mifxul u mħawwad.

rd_slavery_pirateGħaddew bosta xhur, u jum fost l-oħrajn waqt li kien aljenat jaħdem fil-għalqa, qabżu fuqu ċorma furbani li wara li rabtulu jdejħ, kaxkruħ lejn il-bajja tas-salina fejn kellhom ix-xambek jistenihom. Xeħtuħ wara blata kbira sakemm tiġi d-dgħajsa sabiex tieħu lilu u lill xi bdiewa oħra li messithom l-istess xorti għal fuq ix-xambek.

Sa dak il-ħin l-imsejken Ġakobb beda jġib quddiem għajnejħ lil bintu Rebekka, kemm kienet ser tbati waħida, iżda beda jikkonsla meta ftakar f’Vitor u Kieli li kienu jħobbuha daqs binthom. Ftakar ukoll f’dak l-Arkanġlu tan-niċċa u fil-leħen li kien sema'. Lanqas laħaq għaddielu dak il-ħsieb kollu li ma semax tfaqieħ ta’ ġewnaħ u tvenvin qawwi ġej għan-naħa ta' fejn kienu qegħdin. F’daqqa waħda niżel quddiemu kavallier sabiħ bix-xabla f’idu u par ġwienaħ daqsiex, b’għajnejh bħal żewġ xrariet nar.
galleysml
F’daqqa xejjer ix-xabla u qata' l-ktajjen li kienu marbuta Ġakobb u sħabu, u dar fuq il-furbani li tant kienu mwerwra għal dik id-dehra, li fil-pront qabżu l-baħar u bdew jaqdfu għal fejn kien ix-xambek. Iżda l-Arkanġlu tar għal fuq ix-xambek u kif wasal fuqu, xejjer ix-xabla u qata' l-ħbula tal-qlugħ prinċipali, li waqa' għal fuq il-gverta u ma setax jiċċaqlaq minn fejn kien sorġut.

Hawn Ġakobb ħalef li jsir Nisrani u jibni kappella f’gieħ l-Arkanġlu San Mikiel. Sa dak il-ħin laħqu ġew tad-dejma li taw taptipa lill-furbani li spiċċaw maqbudin mis-suldati Maltin. Wara din il-ġrajja Ġakobb tassew sar nisrani u ħa l-isem ta’ Mikiel. Hu biegħ xi raba li kellu f’post ieħor u bil-flus li daħħal bena kappella u ddedikaha lil San Mikiel minflok in-niċċa li kien hemm fis-Salina.

Il-Kappella

Caroline_San Mikiel Salina 6Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel darba din il-Kappella: li hu żgur hu li hi antika ħafna. Intant l-aktar referenzi antiki fuq din il-kappella iwassluna sa l-aħħar snin tas-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax. Imbagħad fir-rapport tal-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Cagliares tal-1618, din il-kappella kienet ġiet ipprofanata. Dan ukoll jurina li kienet diġa teżisti minn snin qabel. Wara l-bini tal-knisja parrokjali li hemm preżenti, din il-kappella reġgħet inbniet mill-ġdid, ftit wara li tlestiet il-knisja il-kbira.

Fil-fatt nafu li l-kappella l-ġdida nbniet fil-1652 mill-ġbir tan-nies Naxxarin ħdejn fdalijiet ta' tempju neolitiku magħruf bħala Tal-Qadi. Daħlu għal dan ix-xogħol żewġ persuni, Joes Paulus Schembri u Antonius Sammut. Kienu dawn il-fundaturi ta’ din il-kappella u huma wkoll ħadu ħsiebha bħala prokuraturi sa snin wara li nbniet mill-ġdid. Il-mara ta’ Antonius Sammut, Hieronima, kienet waqqfet fundazzjoni biex issir iċ-ċelebrazzjoni tal-festa bil-kant tal-Vespri u quddiesa kantata u tlett quddisiet oħra fl-istess ġurnata. Fl-istess ġurnata tal-festa kellha issir priedka wkoll. Kull nhar ta’ Sibt kien jinxtegħel il-lampier. Dan kollu kien obligu perpetwu u jidħer f’kuntratt magħmul għand in-nutar Matteo Cauchi tal-15 ta’ April 1659.

Is-Sitwazzjoni Finanzjarja tal-Kappella

OldCoins3Minn madwar in-nofs tas-seklu tmintax nistgħu nsegwu dak kollu li għaddiet minnhu din il-kappella billi fil-paroċċa nsibu l-kotba tal-kontijiet tagħha. Għal żmien twil kien prokuratur tal-kappella Dun Franġisk Mifsud, u dan ħadem għal din il-knisja mill-1740 sal-1763. Meta huwa spiċċa kien ħalla dejn ta’ 22 skud, tari u 10 grani. Iżda dawn għamlet tajjeb għalihom oħtu Teresa, armla tal-mejjet Tumas Agius. Hija ħallsithom lura tlett snin wara, fil-1766.

Il-Kappella kellha dħul reġolari minn interesssi fuq kapital misluf. Petruzzo Bartolo kien iħallas 9 tari u 12 il-gran fuq self ta’ 10 skudi. Dan skont l-atti tan-nutar Giuseppe Gatt tal-25 ta’ Diċembru 1706. Lucrezia Micallef kellha mislufa 9 skudi. Giuseppe Gatt kellu 10 skudi bis-sitt tari fis-sena. Paolo Sammut u martu Giovanella kellhom 17 il-skud b’interessi ta’ skud u 12 il-gran fis-sena. Carolo Bezzina u martu Anna kellhom self ta’ 12 il-skud b’interessi ta’ 9 tari fis-sena. Dan skont kuntratt li sar għad in-nutar Darmanin, fit-23 ta’ Marzu 1763. Dħul ieħor reġolari kienet il-ġabra fil-jum tal-festa li kienet ta’ bejn 4 u 6 tari. Din kienet l-unika ġabra li kienet issir.

Caroline_San Mikiel Salina 6bMa nistgħux ngħidu li kienet waħda mill-kappelli, biex ngħidu hekk sinjuri, iżda ma kienitx nieqsa lanqas. Meta f’din l-istess sena , 1763, l-Isqof Bartolomeo Rull kien ħareġ digriet biex il-prokuraturi kollha tal-kappelli filjali jagħtu sehmhom biex jinxtraw paramenti ġodda għall-knisja parrokjali tan-Naxxar, il-prokuratur tal-kappella kien ħareġ is-somma ta’ 40 skud li għaddiha lil Veneranda Lampada. Aktar qabel, fil-vista pastorali tal-Isqof Cannaves fl-1716 hemm miktub li fil-kappella kien hemm madwar 20 kwadru tal-pittura barra dak tat-titular. Iżda l-unika oġġett li għad fadal fiha llum hu artal tal-injam iddekorat b' erba' anġli li jdawwru l-post fejn darba kien hemm it-titular.

Il-Knisja minn Barra

Caroline_San Mikiel Salina 2Minn barra din il-knisja għandha faċċata sempliċi. Il-bieb hu ta' stil rinaxximentali b'żewġ pilastri ta' stil Toskan fil-ġenb u entablatura u gwarniċ fuqhom. Eżatt fuq il-bieb hemm niċċa vojta li xi darba setgħet kien fiha xi statwa. Aktar 'l fuq hemm tieqa tonda u kampnar mingħajr qanpiena. Fuq il-ħitan tal-ġenb hemm erba' mwieżeb biex minnhom jinżel l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt mingħajr ma' jċarċar mal-ħajt.  Il-knisja għandha zuntier ċkejken quddien il-bieb prinċipali u peress li tinsab f'diżlivell, għandha tmin tarġiet biex tasal għall-livell taz-zuntier biex tidħol fiha.

Devozzjoni

Din il-kappella minn dejjem kienet tgawdi devozzjoni kbira mill-bdiewa li kienu jaħdmu r-raba f’dawk l-akwati, u nsibu li ħafna minn dawn il-bdiewa kienu jmorru ta’ spiss jitolbu lil Arkanġlu San Mikiel biex jaqlalhom xi grazzji f’din il-kappella.

Skont ir-‘Ragguaglio’ jew lista tal-kappelli li saret fl-1661 magħmula mill-kappillan tan-Naxxar ta’ dak iż-żmien, dawk li kienu mfittxija mill-ġustizzja qatt ma daħlu jistkennu f’din il-kappella għaliex kienet knisja devotissima sa mill-bidunett.

Wara li twaqfet il-paroċċa ta’ Burmarrad, din il-kappella, kif ukoll dik tal-Lunzjata tas-Salina, bdew jagħmlu parti minn din il-paroċċa.

Għeluq

F’dawn l-aħħar ħamsin sena, din il-kappella waqgħet daqsxejn fl-abbandun, iżda dan l-aħħar reġgħet infetħet mill-ġdid u ġiet irrestawrata. L-ispejjeż li kienu jammontaw għas-somma ta’ madwar ħamsa u erbgħin elf ewro daħlet għalihom ditta privata lokali. Għalkemm il-kappella ġiet irrestawrata sew minn barra, sfortunatament minn ġewwa tinsab imneżża u vojta. Kappella bħal din jixirqilha xi dilettant li jarmaha u jżejjinha biex ikunu jistgħu jibdew isiru xi attivitajiet fiha.

Nota Editorjali

Min jista' jagħtina xi ħjiel dwar it-titular li hemm nieqes f'din il-kappella jekk jogħġbu jiktbilna. Tajjeb li nkunu nafu x'kien juri, jekk għadux jeżisti l-oriġinal u jekk iva, fejn qiegħed. Nirringrazzjawkom bil-quddiem għal kull informazzjoni li tistgħu tagħtuna.


Kitba © Pawlu Catania; Ritratti © Caroline Busuttil; Illustrazzjonijiet mill-Internet.

L-aħħar tibdil sar
Tue, 04 November 2014
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small

 

 

 

Go To Page D