Waħda mill-knejjes mill-aktar antiki ta’ Malta hija bla dubju l-knisja ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Din tinsab fuq il-għolja li tħares fuq il-Wilga ta’ Burmarrad, lejn il-port tas-Salini, u hija mibnija fuq fdalijiet ta’ żmien ir-Rumani f’Malta.


San Pawl Milqi7



Oriġini

Skond tradizzjoni antika ħafna, kien propju f’dan il-lokal, fuq il-għolja ta’ Ġebel Għawżara, li San Publiju laqa’ lil San Pawl u sħabu, wara li ħelsu mill-għarqa, u kien hawnhekk li l-Appostlu fejjaq lill-missier dan Publius, Alvinus. L-Insara Maltin kienu ilhom żmien kbir li jemmnu f’dan, u għożżewh bħala post qaddis. Tant hu hekk fi żmien antik ħafna bnew knisja biex jikkommemoraw dan l-avveniment.

San Pawl Milqi5Maż-żmien din il-knisja qdiemet u waqqawha u bnew oħra flokha, u anki din reġgħet qdiemet u reġgħu waqqawha u wara, bnew il-knisja li hemm illum. Għalhekk din il-knisja hija it-tielet waħda li nbniet f’dan il-post. Dan juri biċ-ċar kemm dan il-post ilu żmien kbir jiġi meqjuż bħala post qaddis. Biex ikompli jissaħħaħ dan l-argument li dan il-lokal kellu ċerta mprotanza għall-antennati tagħna, taħt u ħdejn din il-knisja nstabu xi sejbiet arkeoloġiċi.

Fl-1372, is-sultan Federiku III, ta lil Giacomo de Peregrino il-fewdu ta’ Beniarrat, li hu kwalifikat bl-aġġettiv ‘Venerando’. Fil-lista ta’ benefizzji li saret fl-1436 fi żmien l-Isqof De Mello, il-benefizzju jingħad li hu ta’ “fondazzjone antica”. Fit-testment fl-atti tan-nutar Luqa Sillato tat-28 ta’ Marzu tal-1448, tħalliet art għall-knisja ta’ San Pawl ta’ Bindichi li ġejja mill-lingwa Griega, u tfisser ħames’t idjar.

Tagħrif minn żjarat ta’ Isqfijiet

San Pawl Milqi8Issa biex nispjegaw sew, dan il-lokal kellu ħafna ismijiet bħal Burmarrad, Buwarrad, Beniarrat, Benwerrat, Bindichi u San Pawl Milqi. L-isem Milqi jissemma' l-ewwel darba fir-rapport tal-viżta pastorali ta’ l-Isqof Cagliares fl-1616. Imma dam ħafna jintuża wkoll l-isem ta’ Ġebel Għawżara. Benwarrat, skont xi wħud, tfisser "iben il-werriet" li skont dawn ma kien ħadd ħlief Publiju, il-gvernatur ta’ din il-gżira. Il-“werriet” tiġi nterpretata bħala “werriet tal-fidi” li ġab San Pawl għax Publiju tradizzjonalment hu meqjum bħala l-ewwel isqof ta’ Malta.

Meta żar lil din il-knisja Monsinjur Pietro Dusina fl-1575, dak iż-żmien din kienet taqa’ taħt il-parroċċa tal-Mellieħa. Hu jgħid li sab knisja ddedikata lil San Pawl tal-Menchichir fil-lokal Tabeigirad. Il-knisja kellha l-obbligu li l-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl kellha tiġi mfakkra billi jingħata ikel lil fqar fil-knisja. Din ma kellix rettur, introjti, dħul u tiżjin ieħor biex isir il-quddies fiha. Il-viżitatur appostoliku ordna li ma jsirux ċelebrazzjonijiet ta’ quddies qabel jerġa jsirilha bieb tal-injam u ħwejjeġ oħrajn meħtieġa.

IsqofMichaeleMolinaGħalkemm kif diġ semmejna qabel minn dejjem kien hemm tradizzjoni li torbot il-post fejn insibu l-knisja llum mal-post fejn Pawlu fejjaq lil missier Publiju, l-ewwel kitba ta’ dan l-irbit insibuha fl-atti taż-żjara ta’ l-Isqof Gerolamo Molina, tat-28 ta’ Mejju 1879 meta hu żar din il-knisja. Dan jgħidilna li skont it-tradizzjoni hawn iltaqgħu San Pawl u San Publiju u li s-sidien tal-għelieqi tal-qrib kellhom l-obbligu li jħallsu tnax-il skud lill-prokuratur biex jitqaddsu quddisiet fil-festi ta’ San Pawl u fil-festi kmandati u l-Ħdud.

L-Isqof Cagliares qal ukoll fir-rapport tiegħu li fil-festa ta’ San Pawl kienu jitqassmu 36 modd qamħ, 36 kartoċċ inbid ta’ Siracusa, 9 tari fi flus, u 200 ħjara lill-foqra. Fost dawk obbligati li jħallsu għal dan, kienu l-kavallieri ta’ San Ġwann.

Sir_Alexander_John_BallFatt Storiku

Nhar l-ewwel ta’ Frar tal-1799 fil-Kappella ta' San Pawl Milqi saret laqgħa bejn Sir Alexander John Ball, il-Logutenent Kaptan John Vivion, il-Kaptan John Cresswell tal-Marines u l-mexxeja tal-Maltin. Is-suġġett prinċipali tal-laqgħa kien rigward xi Maltin li kienu ġew imxaħħma mill-Franċiżi sabiex wara li jitkeċċew mill-Belt Valletta, jinfiltraw fl-ibliet u l-irħula sabiex iqajmu moviment favur l-istess Franċiżi.

Sejbiet Arkeoloġiċi

Hekk kif bdiet toqrob l-ewwel gwerra dinjija tal-1914 – 1918, is-suldati Ingliżi tar-Royal Engineers bdew iħaffru trunċiera ħdejn din il-knisja biex iqiegħdu kanun. Waqt it-tħaffir ta’ din it-trunċiera, inkixfu xi ħitan antiki mibnija b’ġebel kbir. Imma donnu ħadd ma tahom l-importanza li kien jistħoqilhom. B’xorti tajba l-Viġendarju ta' din il-knisja kien Dun Karm Gauci, li ħa ħsieb biex il-ħafna fuħħar u fdalijiet li bdew jinqalgħu mal-moħriet f’dawn l-inħawi, jinġabru u jintrefgħu.

Imbagħad fl-1964 ġiet f’Malta il-Missione Archeologica Italiana li għamlet tiftix kbir f’dawn l-akwati u f’Tas-Silġ. It-Taljani ħaffru madwar il-knisja u ġewwa fiha u kixfu kumpless ta’ bini li jikkonsisti f’villa tal-kampanja u magħha mpjant kbir għall-għasir taż-żebbuġ u l-għeneb, u xogħol ieħor tar-raba, kif ukoll imkejjen fejn joqgħodu l-ħaddiema. Kumpless kbir ħafna li sidu bilfors li kien għani ħafna. Huwa kkalkulat li dan il-kumpless inbena xi 40 sena qabel Kristu, u li kien għadu jintuża sas-sena 870 wara Kristu, meta l-Arab ħadu f’idejhom lill-Malta. L-istudjużi jsostnu li din kienet il-villa ta’ Publius, u allura kien f’dan il-post fejn laqa' lil Pawlu u lil sħabu li kienu miegħu fuq il-ġifen li nkalja.

San Pawl Milqi skavar



Waqt l-iskavi nstabu ukoll żewġ knejjes oħra eqdem minn din il-knisja tal-lum. It-tliet knejjes huma medjevali, u setgħu inbnew meta l-Knisja Kristjana reġgħet ġiet stabbilita f’Malta wara l-wasla tan-Normanni. Tant niżlu fil-fond l-iskavi li l-bieb tal-knisja illum huwa xi tliet metri ‘l fuq minn fejn kixfu.

Għalkemm saru dawn l-iskavi, b’danakollu xejn ma kien konkluż, u dejjem kien għad baqa xi jsir. Għalhekk fl-erbatax ta’ Lulju 2000, ingħata bidu biex ġemgħa ta’ arkeoloġi Taljani oħrajn jerġgħu jibdew jiskavaw. Dan ix-xogħol ta l-frott tiegħu għax komplew inkixfu aktar kmamar minn din il-Villa Rumana.

Il-Knisja

Din il-kappella tal-lum hija knisja ħelwa ħafna, u x’aktarx li nbniet għall-ħabta tal-bidu tas-seklu sbatax, fil-qalba ta’ Villa Rumana, madwar il-ftuħ ta’ ġiebja, li maż-żmien rat ħafna tibdil.


San Pawl Milqi1



San Pawl Milqi6Kellha altar wieħed tal-ġebel u fuq dan l-altar kien hemm kwadru li juri l-miraklu tal-lifa kif ukoll tliet episodji oħra mill-ħajja ta’ San Pawl - il-Konverżjoni, il-laqgħa tiegħu ma' Publiju u il-Martirju tiegħu. L-altar illum inqala' minn postu biex ikunu jistgħu isiru l-iskavi taħt l-art tal-knisja, u minflok il-kwadru titulari infetħet tieqa biex tkun tista' tagħti iktar dawl lil dan it-tempju minn ġewwa. Il-kwadru, u kull ma kien fiha din il-kappella, ittieħdu kollha fil-Katidral ta’ l-Imdina.

Din il-kappella għandha faċċata ħelwa ħafna, fejn għandha żewġ niċec vojta, waħda fuq kull naħa tal-faċċata. Fuq il-bieb prinċipali għandha tieqa tonda li qiegħda tkompli iżżejjen il-faċċata. Fuq il-faċċata hemm bħal kampnar fin-nofs, u kellha qanpiena żgħira mdendla fih. Fuq il-kampnar hemm salib tal-ġebel. Din il-knisja għandha wkoll sagristija mibnija magħha.



Għeluq

Minħabba s-sejbiet arkeoloġiċi li nstabu madwar u taħt din il-knisja, illum din u l-isakvi ta' madwara qed jieħdu ħsiebhom il-Heritage Malta u ġiet magħluqa għall-publiku ġenerali. L-aċċess għal din il-knisja ġie magħluq permezz ta’ ħajt għoli, li nbena mad-dawra kollha tal-kappella minħabba l-biża’ li jistgħu isiru xi atti vandali lill-iskavi li diġa nkixfu.

Il-Kappella iżda saritilha art tal-injam u fl-10 ta’ Frar ta’ kull sena tinfetaħ għall-pubbliku u ssir quddiesa biex tikkommemora l-miġja ta’ Missierna San Pawl fil-ġżejjer tagħna.

 Il-Kappella ta’ San Pawl Milqi
- Burmarrad -

Kitba © Joe Brincat, Ritratti © Roderick Busuttil

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
 

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

Go To Page D