Il-kappella ta’ San Pawl hija waħda mid-diversi kappelli li nsibu fir-raħal sbejjaħ ta’ Ħ’Attard. Biex tasal għal din il-kappella kif tasal f’salib it-toroq fi Triq Notabile tiġbed lejn it-telgħa li twasslek lejn Ħaż-Żebbuġ u tidħol l-ewwel triq fuq ix-xellug. Din it-triq kemmxejn dejqa twasslek quddiem din il-kappella verament ħelwa.

DSCN3679



Origini
DSCN3672
Oriġinarjament fuq l-istess sit fejn tinsab din il-kappella ta’ San Pawl illum kien hemm oħra dedikata lil Marija Assunta. Din tal-aħħar, kienet inbniet lejn l-1629, u dan skont manuskritt iffirmat mis-saċerdot Gio Batta Sammut. Dan il-manuskritt f’għamla ta’ fuljett, għandu miktub fuqu fih deskrizzjoni tal-oriġini tar-raħal ta’ Ħ’Attard u tal-knisja tiegħu.  

DSCN3678Gio Batta Sammut, hawn fuq imsemmi, kiseb parti mit-tagħrif minn certu Padre Pelagio u jsemmi xi dokumenti antiki oħra li hu qassar f’kitbietu.  Iżda wara li l-Isqof Alpheran de Bussan kien ipprofana l-ewwel knisja, din twaqqgħet u minflokha nbniet il-kappella li hemm illum, iddedikata lil San Pawl Nawfragu. Skont dokumenti oriġinali, l-ewwel spejjeż għat-tqattiegħ tal-blat u l-bini tal-pedamenti tal-kappella ddedikata lil San Pawl, huma reġistrati f’Diċembru ta’ 1728, filwaqt li x-xogħol fuq din il-kappella ntemm fl-1729. Ta’ min jgħid li l-ispejjeż għall-bini ta’ din il-kappella kienu laħqu 205 skudi, 8 tari’ u 6 grani.

Il-Kappella minn barra u minn ġewwa
 
DSCN3669Il-faċċata tal-knisja hija mħaddna minn żewġ pilastri Doriċi, filwaqt li fin-nofs fuqani, jiddomina l-frontispizju. Il-bieb huwa nkwadrat bil-bsaten u fuqu hemm friża bid-data ta’ meta tlestiet il-kappella, jiġifieri dik tal- 1729. ‘Il fuq minn dil-friża hemm pediment segmentali u akatar ‘il fuq fil-faċċata nsibu l-arma tal-Isqof Alpheran de Bussan. Mal-ġnub tal-bieb hemm żewġ twejqiet fil-baxx, li fil-ħoġor ġewwieni tagħhom hemm kaxxi maqtugħa fil-ġebla, fejn kienu jinġabru xi flejjes li kienu jintefgħu minn naħa milħuqha minn barra. Fil-ġnub tal-knisja hemm żewġ twieqi fuq kull naħa. Fuq il-bejt hemm jixxabbat kampnar mat-tromba tal-bejt u ieħor baxx mal-ġenb, wara l-frontispizju. 


DSCN4718It-titular tal-kappella, kif diġà ssemma, juri lil San Pawl Nawfragu li flimkien miegħu hemm meqjuma San Publiju u San Franġisk ta’ Paola. Skont dokumenti misjuba, jissemmew ħlasijiet mgħoddija lill-pittur li wettaq din il-biċċa xogħol, is-Sur Arrigo Ornace (l-isem kif jinqara fid-dokumenti oriġinali), li huwa misjub ukoll bħala Enrico Regnaud.  Flimkien mat-titular hemm erba’ pitturi oħra tal-erba’ Evanġelisti li huma attribwiti lil Francesco Zahra u li llum jinsabu fis-sagristija tal-parroċċa. It-titular kien miżmum fil-Mużew tal-Parroċċa, iżda issa jinsab mill-ġdid fil-kappella. 

Hemm reġistrat li kienu jsiru ċelebrazzjonijiet u quddies f’ġieħ dawn ix-xbihat. Fil-fatt hemm spejjeż imniżżla għall-festi ta’ San Publiju, il-Konverżjoni ta’ San Pawl u dik tan-Nawfraġju. Fost id-dati msemmija hemm spejjeż li saru fl-1798, u li kienu jlaħħqu 3 skudi 4 tari' u 10 grani. 
DSCN4717
It-titular huwa mdawwar bi kwarniċ skolpit sabiħ ħafna, fejn hemm żewġ puttini (anġli) iżommu midaljun tond li kien iħaddan pittura żgħira. Fil-ġnieb tal-kwadru hemm jixxebilku weraq tar-rand li jaqbżu nofsu. Fil-kappella nsibu altar wieħed tal-ġebel, bl-iskannel tal-injam li huwa dekorat bil-fjuri minquxa fih. 



DSCN4710



Restawr estensiv fil-kappella

Kappella San Pawl Restawr.jpg (1)Għal dawn l-aħħar snin kien għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Pawl li tinsab fiż-żona magħrufa bħala “Taħt ir-Raħal”, f’Ħ’Attard. Il-proċess ta’ dan ir-restawr tnieda fi Frar tas-sena 2004, meta l-Kappillan ta’ Ħ’Attard, Rev. Dione Cutajar, ħatar lis-Sur Reno Saliba, sabiex jikkoordina l-imsemmi restawr u eventwalment jieħu ħsieb l-organizzazzjoni u l-manteniment tal-kappella.

L-ewwel li sar kien rapport dwar dak misjub, bħala punt ta’ tluq. Mill-evalwazzjonijiet li saret, ġew innutati xi interventi żbaljati li twettqu fl-imgħoddi b’dannu għall-istess binja tal-kappella. Għaldaqstant ġew issuġġeriti xi rimedji, filwaqt li ġew elenkati wkoll l-interventi tar-restawr meħtieġa; dejjem skont l-aħħar prattiċi użati fir-restawr, b’enfasi li x-xogħol kellu jsir b’mod professjonali.

Ritratti © Reno Saliba

DSCN4716

Kappella San Pawl Restawr.jpg (6)

DSCN4711

DSCN4713



Intgħażlet il-Perit Shirley Cefai, esperta f’dan il-qasam, illi ħejjiet il-pjanti u r-rapporti għall-interventi meħtieġa sabiex ssir l-applikazzjoni lill-MEPA. Din eventwalment ħarġet il-permess f’qasir żmien. Sar ukoll rikors lill-Kurja tal-Arċisqof, illi kien approvat ukoll. 

DSCN3670Ix-xogħol kollu tar-restawr kien finanzjat minn benefatturi, li nsatbu biex dan il-proġett ikun attwat. Wara li saru r-rapporti meħtieġa, flimkien mal-applikazzjoni lill-MEPA, beda x-xogħol fuq il-lavur. Tbiddlu l-bsaten mherrija tal-koxxa tal-bieb prinċipali, sar salib għall-frontispizju biex jissostitwixxi dak oriġinali li kien waqa’ bil-maltemp, sar miżieb minflok katusa li kienet tissostitwixxi dak tal-ġebel li kien waqa’ maż-żmien. Inbidel ukoll xi ġebel mad-dawra minn barra, fejn kien meħtieġ biss. 

Kien imiss li l-knisja titnaddaf minn ġewwa, mill-kisja qadima ibbażata fuq is-siment, illi tant jagħmel ħsara lill-ġebla Maltija. Minflok tħejjiet taħlita poruża sabiex tagħti nifs lill-ġebla. Minn barra, l-kappella tnaddfet ukoll mit-tikħila qadima u ntużat ukoll taħlita poruża. Din il-ħidma tat dehra aktar sħiħa u eleganti lill-binja hekk sbejħa. Minn ġewwa, il-kappella tbajdet lewn isfar ċar fl-isfond, filwaqt li l-pilastri tbajdu bojod. 

L-aperturi, li kienu fi stat ta’ abbandun, ġew restawrati wkoll u llum qegħdin isebbħu dan il-monument. It-twieqi ntramaw bi ħġieġ lewn l-arma ta’ Ħ’Attard biex issa jidhru tant sbieħ. Inbidel it-tagħmir tad-dawl sabiex illum il-kappella qiegħda tgawdi l-glorja li jixraqilha. 

Ritrattti © Reno Saliba

Kappella San Pawl Restawr.jpg (4)

Kappella San Pawl Restawr.jpg (3)




Għad baqa’ xi jsir, fosthom ir-restawr tal-iskannell tal-altar, il-kwadru tal-ġebel li jħaddan it-titular u s-sett gandlieri li jeħtieġu restawr xieraq. Illum il-knisja qiegħda tħaddan mill-ġdid it-titular li għadu fi stat tajjeb. Fih hemm San Pawl Nawfragu, San Publiju u San Franġisk ta’ Paola. Din l-opra hija xogħol ta’ Enrico Regnaud kif diġà semmejna aktar ‘il fuq.  Wieħed għad irid jara x’jagħmel bl-Evanġelisti attribwiti lil Francesco Zahra, li kienu fil-ġenb tal-kappella u llum iżejnu s-sagristija tal-parroċċa. 

Nistgħu ngħidu li għall-kappella ta’ San Pawl, illum żernaq jum ġdid. J’Alla din il-ġawhra sservi bħala post ta’ qima, spiritwalita’ u għajn kulturali.  Ħajr kbir għal kulmin ikkontribwixxa sabiex sar dan kollu.


Kitba © ta’ Reno Saliba. Ritratti © Roderick Busuttil u Reno Saliba


Nota Editorjali

Reno SalibaB’xorti tajba, filwaqt li s-Sur Saliba kien qiegħed jagħmel ir-riċerka tiegħu, iltaqa’ mal-kontijiet oriġinali ta’ meta nbniet din il-kappella. Dawn imorru lura għas-snin 1728-1729. Ma’ dawn is-Sur Saliba ġabar xi tagħrif miż-żjara tal-Isqof Alpheran de Bussan, kif ukoll minn dokumenti qodma fl-arkivji tal-Parroċċa. Hu ppubblika ktieb dwar ġrajjet din il-kappella li ġie inawgurat ftit ġranet ilu meta ġie inawgurat ir-restawr ta’ din il-kappella f’Lulju li għadda (tal-2008). Fih wieħed isib ħafna tagħrif ġdid li rnexxielu joħroġ mis-sejbiet li għamel waqt ir-riċerka tiegħu. Dan kollu, barra li jitfa’ dawl ġdid fuq dan il-monument hekk sbejjaħ, kien xieraq li f’din is-sena Pawlina, itellgħa fil-wiċċ ġrajjet din il-kappella ddedikata propju lil San Pawl Nawfragu. 

Kull min jixtieq kopja ta’ dan il-ktieb, jista’ jagħmel dan billi jmur fl-uffiċċju Parrokkjali ta’ Ħ’Attard, u jistaqsi għall-ktieb hemm jew jikkuntattja lis-Sur Reno Saliba, l-awtur tal-ktieb b’posta elettronika fuq renosaliba@yahoo.com



 

 Il-Kappella ta’ San Pawl
- Ħ’Attard -

L-aħħar tibdil sar
08 September 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small