Kappella oħra sabiħa li nsibu fil-Belt Ħiemda tal-Imdina hija dik iddedikata lil San Pietru u lil San Benedittu li tinsab magħquda mal-monasteru tal-Benedittini. Din il-kappella tinsab fi Triq Villegaignon hekk kif wieħed jibda dieħel fl-Imdina.

356



Is-Sorjiet Benedittini fl-Imdina

Fl-Imdina fiż-zminijiet Medjevali tardivi kien hemm żewġ monasterji tas-Sorijiet Benedittini u t-tnejn kellhom il-kappella tagħhom. L-iċken waħda ddedikata lil Santa Skolastika kienet fejn kien hemm is-Sinagoga tal-Lhud u kienet twaqqfet mill-Isqof Valguarnera. Iżda sal-aħħar tas-seklu sbatax din kienet spiċċat. Is-sorijiet kienu telqu l-kunvent u marru jgħixu fil-monasterju l-ieħor ta' San Pietru bejn is-snin 1572-77. Il-kappella kienet baqgħet tintuża tant li Monsinjur Pietro Dusina kien zarha fl-1575. Fl-1578 is-sorijiet reġgħu nfirdu u dawk ta' Santa Skolastika marru l-Birgu. Mhux hekk ġara lill-kappella l-oħra, dik ta' San Pietru li fil-fatt għadna narawha sal-ġurnata tal-lum.

IsqofDomenicoCubellesTagħrif miż-żjara tal-Isqof Cubelles

Sa mill-1555, f'inventarju tal-Isqof Cubelles, insibu li din il-kappella kienet miżmuma tajjeb u ma kien jonqosha xejn u kellha ġafna oġġetti tad-deheb u l-fidda, paramenti sagri tal-ħarir u tal-bellus kollha rrakmati, u missali miksija bil-ġilda. Fiha kien hemm ukoll ħafna kwadri tal-pittura, fosthom xi xogħol ta' Salvo d'Antonio, li llum qegħdin fil-Mużew tal-Katidral.

Il-Beata Adeodata Pisani

Persuna importanti marbuta ma’ dan il-kunvent hi l-Beata Adeodata Pisani, li-fdalijiet tagħha jinsabu f’urna fil-kappella tal-kunvent. Maria Tereza (Adeodata) Pisani twieldet f’Napli fid-29 ta’ Diċembru tal-1806 għand missier Malti, il-Baruni Benedittu Pisani Mompalao Cuzker u omm Taljana, Vincenza Carrano. Missierha kellu t-totolu ta’ Baruni ta’ Frigenuini, Baronat f’Malta oriġinarjament maħluq fl-1375 mir-Re Frederiku III ta’ Sqallija. 

Adeodata_PisaniMissierha taha għax-xorb u dan wassal għat-tifrik tal-familja tant li bintu spiċċat tgħix ma’ nannitha. Meta mietet nannitha, Maria Tereża kellha biss 10 snin u ntbagħtet fl-“Istituto di Madama Prota” f’Napli fejn dament sa ma kellha 17-il sena. Intant, barra x-xorb, missierha daħal ukoll f’saram mal-awtoritajiet ċivili li eżiljawh f’Malta fl-1821 billi kien ċittadin Ingliż.

Fl-1825 Maria Tereża ġiet toqgħod ukoll f’Malta u marret tgħix m’ommha fir-Rabat. Kien fl-1828, meta kellha 21 sena, li ħasset il-ġibda li tidħol soru u daħlet bħala postulant f’dan il-monasteru tal-Benedittini kontra x-xewqa tal-ġenituri tagħha. Fl-1829 bdiet in-novizzjat u ħadet l-isem ta’ Maria Adeodata, kif nafuha llum. Il-professjoni sollenni tagħha saret fir-8 ta’ Marzu tal-1830 u imbagħad għamlet 25 sena tgħix ta’ soru tal-klawsura fejn ukoll kellha għadd ta’ karigi differenti fil-kunvent. Għamlet 4 snin mastru tan-novizzi u sentejn, bejn l-1851 u l-1853, bħala l-badessa tal-kunvent.

Kienet magħrufa għall-qdusija u l-ispiritwalita tagħha u riflessjonijiet spiritwali tagħha kitbithom fi djarju bejn is-snin 1835 u 1843. Fl-aħħar sentejn ta’ ħajjitha saħħitha bdiet tmur lura u mietet ta’ 25 ta’ Frar tal-1855 ta’ 48 sena.

Il-kawża għal-Kanonizzazzjoni tagħha nbdiet fl-1892. Fl-1897 sar l-ewwel miraklu bl-interċessjoni tagħha, li aktar tard serva fil-proċess tal-Kanonizzazzjoni tagħha. Il-kawża kienet twaqfet bejn is-snin 1913 u 1989 minħabba nuqqas ta’ fondi, iżda mbagħad kompliet wara petizzjoni mis-sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina. Adoedata Pisani ġiet iddikjarata Venerabbli (digriet ta’ Virtujiet Erojċi) mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-24 t’April tal-2001. Aktar tard, fid-9 ta’ Mejju tal-istess sena (2001), waqt żjara f’Malta, Adeodata Pisani ġiet iddikjarata Beata mill-istess Papa Ġwanni Pawlu II, flimkien mal-Beatu Nazju Falzon u San Ġorġ Preca. Il-kawża għall-Kanonizzazzjoni tagħha għadha għaddeja.

Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Frar.


StampAdeodataPisani



362
Il-Kappella minn barra

Il-kappella kif narawha llum inbniet fl-1625, l-aktar bil-għajnuna tal-Isqof Baldassere Cagliares. Hawn min jaħseb li l-arkitett tagħha kien Tumas Dingli.
 
Il-faċċata tal-kappella tifforma parti mill-ħajt tal-monasterju. Żewġ pilastri għoljin tal-ordni Toskan jerfgħu entablatura li minn fuqha jitla ħajt għoli li jgħatti parti mill-monasterju. F'nofs dawn il-pilastri hemm żewġ niċeċ bi statwi ta' San Pietru u San Benedittu. Il-bieb hu ta' stil Rinaxximentali, ġej għat-tond u b'pilastri dojoq tal-ordni Toskan fil-ġenb li jerfgħu l-entablatura li fuqha hemm pediment triangolari maqsum. Aktar 'il fuq hemm speċi ta' niċċa żgħira, maħsuba biex fiha titqiegħed l-arma tal-isqof, u li fuqha jistrieħ pediment segmentali. Fil-faċċata nsibu tliet twieqi, waħda tonda fil-għoli 'il fuq mill-bieb u tnejn fil-ġenb tiegħu iżda li qegħdin ftit fil-għoli.



Ritratti © Caroline Camenzuli

358

359

San Pietru

San Benedittu




Il-Kappella minn ġewwa

Il-kappella għandha pjanta rettangolari, msaqqfa b'saqaf troll li hu mimli bil-kaxxi (Coffered barrel vault). Hemm altar wieħed, xogħol mill-isbaħ fl-irħam, li fil-ġenb tiegħu għandu żewġ twieqi bil-gradilja minn fejn is-sorijiet kienu jistgħu jsegwu ċ-ċerimonji fil-kappella. Minn fuqhom jitilgħu żewġ pari ta' pilastri tal-ordni Korintin li bejniethom hemm kwadri ovali, wieħed juri lil Kristu Salvatur tad-Dinja u l-ieħor lil San Pawl. L-arkata ta' fuq fiha ħafna skultura indurata b'disinji ta' fjuri u żewġ anġli. Il-kwadru tat-titular sar fl-1682 minn Mattia Preti, u juri lill-Madonna bil-Bambin flimkien ma' San Pietru, San Benedittu u oħtu Santa Skolastika. Dan kien rigal tal-Isqof Michele Molina (1678-82) u fil-kwadru tidher l-arma familjari tiegħu. Fil-kappella naraw żewġ kwadri oħra, xogħol ta' Francesco Zahra, li juru lil Kristu jidher lil Ommu wara r-Reżurezzjoni, u l-ieħor juri lil Madonna ta' Pilar.


Ritratti © Anthony M. Brincat

S Pietru Mdina ptg 1

S Pietru Mdina tit ptg

S Pietru Mdina ptg 2

Kristu jidher lil Ommu wara r-Reżurezzjoni

Il-Madonna bil-Bambin flimkien ma' San Pietru, San Benedittu u Santa Skolastika

Il-Madonna ta' Pilar

























S Pietru Mdina ceilingFil-kaxxi tas-saqaf fir-ringiela t'isfel hemm għaxar kwadri oħra ta' qaddsin, ħamsa fuq naħa juru lil Santa Marta, Santa Roża ta' Lima, Santa Katerina ta' Siena, San Duminku u San Mikiel u l-oħrajn lil Santa Tereża t'Avila, Santa Briġida, Santa Kjara, San Franġisk t'Assisi u l-Anġlu Kustodju.

Fil-ħitan tal-ġenb hemm żewġ niċeċ. F'waħda nsibu l-fdalijiet tal-martri Santa Feliċissima u fl-oħra urna bil-fdalijiet tal-Beata Adeodata Pisani, li għal xi żmien kienet il-Badessa tal-Monasterju. Fuq il-bieb tal-kappella hemm gallerija magħluqa li minn fiha s-sorijiet wkoll ikunu jistgħu jaraw dak li qed isir fil-kappella.

Il-kappella tinsab fi stat tajjeb u tkun miftuha regolarment.


S Pietru Mdina int





Kitba © Anthony M. Brincat
Ritratti © Caroline Camenzuli, Anthony M. Brincat u mill-Internet.



 

 Il-Knisja ta’ San Pietru u San Benedittu
- L-Imdina -

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small