Il-Kappella ta’ Santu Rokku
- Ħaż-Żebbuġ -

Waħda mill-eqdem kappelli li nsibu fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ hija dik iddedikata lil Santu Rokku. Din il-kappella, li llum inbidlet f’mużew bil-patrimonju tal-Belt Rohan, tinsab fi Triq il-Kbira.

Oriġini

Fl-1592 Malta intlaqtet mill-epidemija tal-pesta. Dan kien nissel biża' kbir fost il-poplu Malti, għax kulħadd kien jaf x’ifisser flaġell bħal dan. Santu Rokku hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ dawk li jkunu morda b’mard infettiv, bħall-pesta. Bejn Mejju tal-1592 u Settembru tal-1593, din il-marda infettiva ħalliet 3800 ruħ mejta. Dan kabbar bil-kbir id-devozzjoni lejn dan il-qaddis u għal gieħ tiegħu twaqqfu kongregazzjonijiet, inbnew knejjes u artali fi knejjes oħra. Fost dawn il-knejjes li nbnew kif spiċċat il-pesta nsibu dik ta’ Ħaż-Żebbuġ li hemm fi Triq il-Kbira.

DSCN3455



DSCN3456Kien fis-sena 1593, sena wara li faqqgħet il-pesta, li Tumas Vassallo u martu Katarin bnew din il-kappella minn flushom, fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dawn ħallew ukoll għalqa fl-inħawi ta’ Ras il-Weħla, biex mir-renti tagħha jitħallsu l-ispejjeż tal-festa tal-qaddis, kif ukoll spejjeż oħra meħtieġa għal manteniment ta’ din il-kappella. Il-festa ta’ Santu Rokku kienet tiġi ċċelebrata nhar is-16 t’Awwissu. Din il-kappella kienet ġuspatronat tal-familja Spiteri Agius.

Il-Kappella minn barra

Il-faccata ta’ din il-kappella hija tipika ta’ dawk li kienu jinbnew fis-16 il-seklu. Il-faċċata hija sempliċi u ma fiha l-ebda tiżjin jew skultura. Fuq il-bieb prinċipal tal-kappella naraw tieqa tonda li kienet saret biex idawwalha minn ġewwa. Fuq din it-tieqa naraw gwarniċa ta’ forma kwadra li ma fiha xejn skolpit ġo fiha. Il-kappella għandha wkoll kampnar żgħir, fejn fih għadna nistgħu naraw qanpiena żgħira, li fl-antik kienet idoqq biex isejjaħ in-nies għal quddies. Ta’ min isemmi li fuq il-bieb hemm tidher forma ta’ arkata li taf tindika li fl-antik il-bieb ma kellux il-forma li naraw llum, imma kellu forma ta’ arkata nofs tond.

Il-Kappella minn ġewwa

Il-Kappella minn ġewwa tikkonsisti f’saqaf troll miżmum minn tlett ħnejjiet, li jaqsmu l-knisja f’erbgħa partijiet. Il-Kappella fiha artal wieħed. Fuqu hemm pittura li turi lil Santu Rokku kif normalment jiġi rappreżentat fil-pitturi jiġifieri liebes ta’ pellegrin fqir waqt li qed jgħolli ħwejġu biex jikxef il-ferita tal-pesta fuq kuxtejh. Jinstab ukoll akkumpanjat minn kelb li qed iġorr ħobża f’ħalqu.


DSCN3436



Din il-pittura tidher li saret fil-bidu tas-sbatax il-seklu. Għalkemm din il-pittura ma nafux ta’ min hi, Tony Terribile jissuġġerixxi li din tfakkrek f’pitturi ta’ Filippino Dingli. Dan il-pittur Malti għandu diversi pitturi fi knejjes oħra fil-gżejjer tagħna. Il-kwadru titulari fuqu għandu skolpita gwarniċa nofs tond, li tagħti elaganza lil dan l-artal. Il-kappella hi tmien metri twila u seba’ metri wiesgħa.

Fl-antik jidher li kien hemm lampier tal-fidda li kien sar b’wegħda minn Dun Mikelanġ Callus fl-1813.

DSCN3466In-Niċċa ta’ fejn il-knisja

Id-devozzjoni tal-poplu Żebbuġi lejn Santu Rokku, jidher li kienet kbira ħafna għax faċċata fuq quddiem tal-knisja, kantuniera bejn Triq il-Kbira u Triq Mamo, insibu niċċa iddedikata lil dan il-qaddis protettur mill-mard infettiv. Din in-niċċa hija anqas qadima mill-knisja, u nbniet fl-1736. Skont it-tradizzjoni din l-istatwa saret fuq id-daqs ta’ qassis li kien joqgħod fl-inħawi. L-istatwa turi lil Santu Rokku, bil-bastun f’idu juri l-feriti tal-pesta, b’kelb iġorr ħobża maġenbu. Din l-istatwa hi waħda mill-ikbar li nsibu ġo niċeċ f’pajjiżna u għandha xogħol fl-iskultura verament sabiħ. Illum din l-istatwa ġiet mizbugħa bil-kulur, li forsi naqqset xi ftit mill-preġju tagħha.

Restawr tal-Kappella

Fl-1980 l-Arċisqof ta’ Malta il-Monsinjur Mikiel Gonzi għadda din il-kappella lill-għaqda non governattiva Din l-Art Ħelwa għal 150 sena. Dan għadu jitfakkar b’irħama fuq l-artal tal-kappella. Wara kien inbeda xi xogħol ta’ restawr fuq l-inizzjattiva ta’ Michael Bonnici, il-kustodju ta’ din il-kappella, u din ġiet inawgurata fl-1989. F’dik is-sena ġie rrestawrat ukoll il-kwadru titulari li għadna naraw f’din il-kappella.

Ritratti © Caroline Camenzuli

DSCN3447

DSCN3457




Iżda ftit snin wara reġgħet inħasset il-ħtieġa li din il-kappella terġa' tiġi rrestawrata b’mod aktar professjonali u l-kappella tinbidel f’mużew ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-kappella reġgħet infetħet fit-3 t’April 2007. Ix-xogħol ta’ restawr inkluda l-kxif tal-ħitan u t-tikħil tal-fili tal-ġebel b’mod aktar professjonali. Wara saret sistema ta’ illuminazzjoni ġdida li tat dehra mill-isbaħ lil din il-kappella.

Il-Kappella llum

Kif għedna l-kappella llum inbidlet f’mużew ta’ patrimonju Żebbuġi. Fiha nsibu żewġ bustijiet, wieħed ta’ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali Malti u ieħor ta’ Dun Mikiel Xerri, li kien mexxa l-konġura kontra l-Franċiżi.

Ritratti © Caroline Camenzuli

DSCN3439

DSCN3438

DSCN3449



 Fil-knisja hemm ukoll tifkiriet ta’ nies oħrajn li għamlu isem lil Ħaż-Żebbuġ. Fost dawn ma jistgħux ma jissemewx Mikiel Anton Vassalli, missier l-ilsien Malti, Lazzaro Pisani, artist li pitter kwadri f’diversi knejjes, kif ukoll Antonio Sciortino u ħuħ Franġisk Sciortino li kienu skulturi kbar. F’dan il-mużew insibu ukoll fdalijiet tal-fuħħar li kienu nstabu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll ritratti tal-kappelli kollha li għadna naraw fil-Belt Rohan. Insibu ukoll diversi ritratti antiki ta’ bini antik f’Ħaż-Żebbuġ, ritratti ta’ personaġġi Żebbuġin u pitturi oħrajn.


DSCN3445



Din il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa regolarment. Ħajr lil Michael Bonnici, kustodju ta’ din il-kappella, li bl-entużjażmu tiegħu iżomm din il-kappella fl-istat tajjeb li tinsab illum.

Note Editorjali:
In-numru "50" fit-titlu ta' din il-paġna jirreferi għall-fatt li din hi l-ħamsin kappella li ktibna dwarha f'dan is-sit.

Kitba © Roderick Busuttil; Ritratti © Caroline Camenzuli

50

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small