Il-kappella antika ta’ Sant’Agata fl-Imdina għandha storja twila u għalhekk hi ta’ interess storiku kbir. Tinsab fi Triq Villegaigon kantuniera ma’ Triq Inguanez. Tara l-ġenb u l-kampnar tagħha faċċata tiegħek hekk kif tidħol mill-bieb ewlieni tal-Imdina u minn Pjazza San Publiju tibda’ sejjer ‘il ġewwa. Il-kappella tinsab hekk kif mill-pjazza li semmejna iddur għal ġo Triq Inguanez kantuniera ma’ Triq Villegaigon.

406



Sant’Agata u l-Kult tagħha f’Malta

Ftit għandna nformazzjoni preċiża dwar il-qaddisa Verġni u Martri Sant’Agata, Qaddisa Patruna ta’ Katanja fi Sqallija, kif ukoll ta’ Malta. Jingħad Sant’Agata twieldet f’Katanja minn familja nobbli u sinjura u ħadet il-Martirju taħt l-Imperatur Decius madwar is-sena 251. Isimha jfisser “twajba” u hija waħda mis-seba’ qaddisin nisa li jissemmew fil-kanoni tal-quddiesa apparti l-Madonna. Minkejja li kienet wegħdet lilha nnifisha ‘l Alla, l-Uffiċjal Ruman Quinctianus ipprova jipperswadiha li tagħti lilha n-nifisha lilu sabiex b’hekk ikun jista’ ma jixlihiex li kienet Nisranija. Imma Agata rrifjutat. Minħabba f’hekk intefgħet fil-ħabs fejn sfat ittorturata billi qalgħulha sidirha barra. Imbagħad inagħtat il-mewt billi ħarquha fuq ġamar tal-faħam jaqbad.

StAgatha-Cariani(GiovanniBusi)NatGalleryScotlandFl-ikonografija, Sant’Agata tidher b’par iżdra fuq platt tal-fidda jew b’ġamar tal-faħam. Ġieli tidher ukoll bi strumenti ta’ tortura bħalma huma skieken u tnalji.

Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata nhar il-5 ta’ Frar.

F’Malta hawn erba’ kappelli ddedikati ‘l din il-qaddisa. Waħda hija din fl-Imdina li qed nitkellmu fuqha u t-tnejn oħrajn jinsabu fir-Rabat. Waħda minn dawn tar-Rabat hija dik medjevali u l-oħra hija dik troglodidika fil-katakombi Paleokristjani tal-qrib. Xi affreski f’dawn is-siti imorru lura għat-tnax-il seklu filwaqt li kitba fuq in-naħa tal-lemin tad-daħla tal-kappella troglodidika tista’ tkun aktar qadima u tista’ tmur lura saħansitra għas-sitt seklu.  Kappella oħra ddedikata ‘l din il-qaddisa tinsab fiż-Żurrieq ħdejn il-mitħna tax-Xarolla. Dan kollu jipponta lejn tradizzjoni qawwija ta’ devozzjoni lejn din l-qaddisa Kataniża li jingħad ukoll li għamlet xi żmien f’Malta maħruba mill-persekuzzjoni ta’ Decius.

Sant’Agata ssir Patruna ta’ Malta

Leġġenda marbuta ma’ Sant’Agata u li minħabba fiha l-qaddisa ġiet iddikjarata bħala waħda mill-Patruni ta’ Malta hija marbuta mal-attakk tal-Misilmin immexxija minn Sinam Pasha fuq Malta fl-1551. Il-Mislem żbarka f’San Pawl il-Baħar mnejn baqgħu sejrin sal-Imtarfa biex, f’dak li jidher li kien tħejjija u prova ġenerali għall-attakk tal-Assedju l-Kbir li seħħ ftit snin wara fl-1565, assedjaw il-Belt Notabile kif kienet magħrufa l-Imdna. Il-Maltin ġarrbu ħafna f’dak l-assedju u meta l-ħażniet fl-Imdina bdew jgħibu, ġew salvati b’miraklu.

BastimentTorkJingħad li soru tal-klawsura fl-Abbazija Benedittina ta’ Santa Skolastika, li dak iż-żmien kienet fuq is-sur fejn hemm Misraħ il-Bastjun, kellha viżjoni. Din stqarret mal-Vigarju Ġenerali Dun Giuseppe Manduca li deheritilha Sant’Agata u li qaltilha li biex il-Misilmin iħallu Malta u l-Maltin jirbħu, in-nies kollha tal-Imdina, militari u ċivili, kellhom jisimgħu quddiesa u wara ssir purċissjoni bl-istatwa ta’ Sant’Agata madwar is-swar. Ix-xbieha qaddisha fl-aħħar kellha titqiegħed fuq is-sur faċċata tal-għadu.

Il-Vigarju għamel kif qaltlu s-soru. Hu stess qaddes il-quddiesa li għaliha attendew il-Gvernatur tal-Imdina Adomo, flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, u n-Nobbli u n-nies kollha tal-Belt Kapitali ta’ Malta. Wara saret ukoll il-purċissjoni kif talbet is-soru skont il-viżjoni li rat. Għal xi raġuni il-Misilmin inħasdu b’dik il-manifestazzjoni – tfixklu u tħarbtu u telqu ‘l hemm. Iżda ma marrux lura f’pajjiżjom qabel ma ħarbtu Għawdex kollu.

Bħala ringrazzjament għal dan il-ħelsien, nhar Sant’Agata fil-5 ta’ Frar ta’ kull sena kienet issir purċissjoni b’tifkira ta’ din il-ġrajja. Din kienet titmexxa mil-Kapitlu tal-Katidral u fiha kienu jieħdu sehem għadd ta’ personalitajiet flimkien ma’ bosta nies mill-gżira kollha. Sal-lum din il-pruċissjoni għadha ssir mill-Katidral sal-kappella ta’ Sant’Agata. B’tifkira wkoll ta’ din il-ġrajja, il-Vigarju Dun Giuseppe Manduca ħallas minn butu għal pittura ta’ Sant’Agata. Din il-pittura llum tinsab fil-Mużew tal-Katidral filwaqt li fil-kappella naraw biss kopja tagħha.

L-Istatwa tal-Purċissjoni ta’ madwar is-swar

L-istatwa li jingħad li ttieħdet fuq is-sur f’dak is-sajf tal-1551, illum tinsab fil-Knisja ddedikata lilha fir-Rabat immexxija mill-Patrijiet tas-Soċjetą Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).

Din l-istatwa qiegħda fuq l-altar u hija tal-irħam abjad. Il-qaddisa narawha bil-qiegħda fuq siġġu ndurat, iżżomm salib u palma f’idha l-leminija u ktieb miftuħ fuq ix-xellugija.

SantAgataMSSP01Din l-istatwa qiegħda fuq pedestall maqtugħ ottagonali u hija għolja madwar metru u nofs. Fuq il-faċċata tal-pedistall hemm żewġ anġli bil-wieqfa jżommu plattin bl-isdra maqtuha fih u tnalja fuqhom – is-simboli tal-martirju tal-qaddisa. Fit-truf tal-pedestall naraw ukoll erba’ statwi ta’ qaddisin nisa. Iż-żewġ anġli jpoġġu l-kuruna tal-martirju fuq ras il-qaddisa jagħtu dehra aktar impressjonanti lil din l-istatwa.

Fr. Victor Camilleri M.S.S.P. fil-ktieb tiegħu dwar Sant’Agata jgħidilna li ma għandna ebda tagħrif bil-miktub dwar l-iskultur li ħadimha u lanqas dwar meta saret jew fejn inħadmet din l-istatwa . Iżda l-awtur Taljan Nino Urzi fil-ktieb tiegħu “Viva Sant’Agata – Storia Immagini Esperienze Devozione” jgħidilna li din l-istatwa hija attribwita lill-famuż Antonello Gagini li twieled f’Palermo, fi Sqallija fl-1478 u miet fl-1536. Hawn tajjeb li wieħed ifakkar li fil-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat wkoll hemm xogħol ieħor ta’ Gagini - statwa tal-Madonna bil-Bambin. Meta wieħed iqabbel din l-istatwa tal-Madonna  mal-istatwa ta’ Sant’Agata jara xebħ bejniethom. Ma’ dan il-ħsieb ta’ Urzi jaqbel ukoll Fr. Camilleri.

L-inforra tal-libsa ta’ Sant’Agata fl-istatwa tagħha tal-irħam illum il-ġurnata hija ta’ kulur aħmar irjali. Fr. Victor Camilleri, iżda, jgħidilna li aktarx li d- dekoratur Mikiel Fsadni biddel il-kulur oriġinali (minn blu għal dak li naraw illum: aħmar irjali). Jekk wieħed jifli sewwa dan il-kulur tal-lum jara wkoll xi tikek blu taħtu. Aktarx li Mikiel Fsadni biddel il-kulur oriġinali biex jarmonizza sewwa mad-dekorazzjoni li huwa stess għamel mad-dawra tal-istatwa.


Każ marbut mal-Kappella quddiem l-Inkwiżizzjoni

Patri Alessandru Bonnici, fil-ktieb tiegħu "Storja tal-Inkiżizzjoni ta' Malta" (l-ewwel volum) jikteb dwar każ li spiċċa quddiem l-Isqof ta' Malta, li f’dawk iż-żminijiet kien ukoll jagħmilha ta’ Inkiżitur tal-gżira. Is-sena 1574 kellha tkun l-aħħar waħda għall-Inkiżitur Royas għax imbagħad ġie Mons Dusina u l-Inkiżitur u l-Isqof ta' Malta bdew ikunu żewġ persuni distinti minn xulxin.

IsqofMartinoRoyasWieħed mill-aħħar każijiet li nstemgħu quddiem Royas għandu rabta ma' statwa li sa fi żmienna għadha meqjuma fir-Rabat fil-knisja msemmija għaliha (tal-MSSP), dik li semmejna aktar ‘l fuq. Fl-1551, l-istatwa tal-irħam ta' Sant'Agata kienet tqiegħdet fuq is-swar tal-Imdina bħala protezzjoni għall-Maltin, kif għidna fl-istorja li semmejna wkoll aktar ‘il fuq. Il-fatt jidher minn denunzja kontra Blas Zammit, li saret fit-18 ta' Ġunju tal-1574, quddiem Mons. Martin Royas, li kien għadu jsejjaħ lilu nnifsu "Isqof u Inkiżitur".

Deher fl-awla sigrieta tas-Sant'Uffizzju Mastru Bastjan Mallia, u ddikjara: "Darba waħda, waqt li, ma' Blas Zammit, fir-Rabat ħdejn Santu Wistin, kont qed nitkellem dwar l-assedju, għidt li kont nittama f'Alla, u fil-qaddisin, u b'mod speċjali f'Sant'Agata. Ittamajt li dawn jeħilsuna minn idejn l-egħdewwa. Dak Blas wieġeb: 'Jien nistagħġeb kif intom tittamaw f'biċċa rħama'. Hu kien qed igħid għall-istatwa ta' Sant'Agata li kienet fuq is-swar". Aktar tard, hu (Blas Zammit) kellu jgħid li qal hekk għax kien irrabjat. Imma d-denunzja kontra tiegħu, xorta waħda, wara 23 sena, tressqet quddiem l-Inkiżitur Royas.

Oriġini tal-Kappella

Ftit hawn informazzjoni miġbura dwar din il-kappella, speċjalment dwar il-kappella qabel dik li kien hawn illum. Iżda nformazzjoni xorta teżisti f’diversi dokumenti ta’ Viżti Pastorali u Atti Notarili. L-ewwel dokument li jsemmi ‘l din il-kappella hu wieħed tal-10 t‘Awissu tal-1414 u li jirrerferi għal din il-kappella bħala “Sancta Agatha de Civitate, ecclisia” u li jġib in-numru MS360 fil-Librerija Nazzjonali.

Il-kappella tissemma wkoll fir-Rollo ta’ Senatore de Mello tal-1436 bħala Animagium ta’ Santa Agata fl-Imdina. Dan l-Animagium kien l-uniku wieħed fl-Imdina li kellu marbut ukoll miegħu ientaculum, jiġifieri l-obbligu li jitqassam ikel lis-saċerdoti wara ċ-ċerimonja tal-Vespri nhar il-festa. Skont l-atti taż-Żjara Pastorali ta’ Mos. Pietru Dusina fl-1575, dan il-festin kien isir fil-kappella stess għax ma kienx hemm lok ieħor addattat.

IsqofDomenicoCubellesIl-Vista Pastorali tal-Monsinjur Cubelles tal-1539 issemmi ‘l din il-kappella bħala waħda minn ħamsa fl-Imdina, iżda kien hemm oħrajn li ma ssemmewx f’din il-viżta. F’dan id-dokument il-kappella tissemma’ bħala “Santa Agatha delli Inguanez”. Dan id-dokument, preżubilment ikkwotat aktar tard ukoll minn Achille Ferres, jgħid li din il-kappella nbniet minn Francesco Gacto Desguanez u l-mara tiegħu, il-Kataniża Donna Paola de Castelli, fl-1417. Iżda nafu wkoll, kif diġą għidna, li din il-kappella diġą tissemma f’dokument tal-1414. Għalhekk dan jindika li qabel din il-kappella li bnew il-koppja Gacto Desguanez seta’ kien hemm xi kappella oħra bl-istess isem u bl-istess dedika fl-istess sit. Dan kollu hu mniżżel fuq irħama li tidher fil-għoli minn barra fuq il-bieb tal-kappella, u li fiha jidhru wkoll l-armi familjari ta' Gatto u Castelli.

370


Barra li bnew il-knisja, il-koppja Gatto Desguanez waqqfu wkoll benefiċċju marbut ma’ din il-kappella fl-aħħar testment tagħhom li huma għamlu fl-1431. Oriġinarjamant il-benefiċju kien imħolli lil tlett kanonċi tal-Katidral tal-Imdina, li kellhom, fost ħwejjeġ oħra, jipprovdu li ssir quddiesa ta’ kuljum f’din il-kappella, apparti l-festa. Eventwalment dan il-benefikat beda jkun magħruf bħala ta’ “Sant’Agata ta’ Giawhar”, wara l-isem tal-art li fuqha kienet tinsab il-kappella.

Il-ħames kappelli msemmijin fiż-Żjara Pastorali ta’ Mons Cubelles fl-1539 jerġgħu jissemmew fiż-żjara tal-Isqof Royas fl-1575, liema żjara kienet intemmet ħesrem peress li fl-istess sena kien beda ż-żjara f’pajjiżna l-Viżitatur Appostoliku, il-Monsinjur Dusina.

L-atti tan-Nutar Giovanni Domenico Pace, datati 28 ta' Ġunju tal-1695 jgħidulna li fl-1661 kien ġie deċiż f'Ruma li din il-kappella ssir tal-Knisja u ġie inkarigat minnha Domenico Rosselli mill-Belt Valletta. Rosselli kien għamel bi spejjeż tiegħu saqaf ġdid, kien jagħmel il-festa bl-għasar u ħafna quddies baxx. Kien jissodisfa wkoll l-obbligu ta' quddiesa kull ħmistax-il ġurnata.

Fil-knisja kien hemm kwadru antik, xogħol fuq l-injam, li kien inħadem fl-1553. Dan kien juri lir-Rettur Dun Ġużepp Manduca, għarkubtejh. Illum dan il-kwadru jinsab fil-Mużew tal-Katidral.

L-Atti ta’ Monsinjur Dusina

Il-Monsinjur Dusina żar din il-kappella nhar is-Sibt, 22 ta’ Jannar tal-1575. Ir-Rettur tal-kappella, Don Leonardus Abela, ma kienx preżenti għax kien qed jistudja barra minn Malta. Fl-atti taż-żjara ta’ Dusina, dan Don Leonardus jissemma’ kemm meta tissemma’ l-kappella ta’ Sant’Agata, kif ukoll fil-lista tal-benefiċji li kienu jgawdu minnhom il-qassisin individwali kif ukoll fil-lista tal-obbligi li kellu l-Katedral. Minn dawn l-aħħar żewġ referenzi nafu li Don Leonardus kien igawdi l-Ġuspatronat lajkali ta’ Sant’Agata bl-awtoritą tal-Papa (Piju V) mogħti fid-9 ta’ Mejju tal-1570.

DusinaDusina jirreferi għal din il-kappella ta’ Sant’Agata bħala Ġuspatronat jew ta’ Alfonsi de Nava jew ta’ Marci Inguanez li jgħid li kellhom xi kawża fil-qorti dwarha. Jerġa’ jsemmi d-dmir tar-Rettur li jqaddes quddiesa waħda kuljum iżda pprojbixxa d-dmir l-ieħor tal-ientaculum li kien jingħata lis-saċerdot li jqaddes fil-festa, liema obbligu kien isir fil-knisja stess wara l-Vespri nhar il-festa.

Il-kappella kellha dħul ta’ ħamsa u għoxrin uqija meta żarha Mons Dusina. Kellha altar wieħed li kellu ventaltar tal-ġild u ieħor tad-drapp aħmar li jidher li kien antik. Kellha wkoll kwadru diċenti li juri lil Sant’Agata kif ukoll tvalja tal-għażel għall-altar.

Iżda kellha wkoll xi ħwejjeġ neqsin mill-lista li kien ħejja Don Alexander Abela, ħu r-Rettur Don Leonardus u li kien ukoll prokuratur ta’ ħuħ.

Il-kappella kellha wkoll xi ħsarat, fosthom is-saqaf li kien iqattar u li ried jissewwa. Dusina ordna wkoll li jinxtraw żewġ kandelabri tal-bronż, salib kbir tal-injam, paramenti sagri, fosthom alba u stola kif ukoll Missal skont ir-Rit Ruman. Ordna wkoll li quddiem l-altar tinħoloq tarġa żgħira tal-injam.

IsqofTumasGargalloPeress li l-kappella kienet mudlama, Dusina ordna li tinħoloq tieqa tonda (oculos) fuq il-bieb tal-kappella kif ukoll li tiġi pprovduta b’lampi skont il-ħtieġa peress li kienet, kif għidna, kemxejn imdallma. Dusina ordna li jiġu ssekwestrati l-benefiċji kollha tal-kappella sakemm ma jsirux it-tiswijjiet li kienu meħtiġin skont kif kien indika.

Fl-istess sena taż-żjara ta’ Mons Dusina, Don Alexander Abela iddikjara li d-dħul kien (waqa’) għal għoxrin uqija. Sal-1594, fiż-żjara tal-Isqof Gargallo, ġew prokurati żewġ kandelabri tal-injam għall-kappella kif ukoll kienet saret qanpiena fuq il-bejt tal-knisja. Fiż-żjara tal-istess Gargallo erba’ snin wara fl-1598, insibu li l-altar kien jinstab fuq pjattaforma b’żewġ tarġiet.


Dokument Privat

Dokument ieħor f’idejn privati jitfa’ ftit aktar dawl fuq l-istorja ta’ din il-kappella. Dan id-dokument jagħmel parti mill-arkivji tal-familja tal-Kav. John De Micoli Deguara. Mhux magħruf kif dawn id-dokumenti spiċċaw għand din il-familja iżda l-Kav. De Micoli Deguara hu dixxendent dirett tal-familja de Guevara u nafu li l-familja de Guevara kienu mħalltin biż-żwieġ mal-familja Gatto Inguanez. Il-Kav. John De Micoli Deguara ġentilment għaddielna scan ta’ dawn id-dokumenti sabiex inkunu nistgħu inkomplu nibnu l-istorja ta’ din il-kappella.

scan0001Dan id-dokument, li ma jidhirx li hu sħiħ, hu bit-Taljan iżda li għandu wkoll xi partijiet ukoll bil-Latin, l-aktar fejn jikkwota l-atti taż-żjara ta’ Dusina. Fl-ewwel faċċata juri l-kliem "Possesso per il Seminario" fil-kantuniera ta' fuq tax-xellug.  Għalhekk, jista’ jkun li dan id-dokument inkiteb wara li l-kappella waqgħet f’idejn is-Seminarju jew hu parti mid-dokument (jew kopja tad-dokument) notarili li bih il-kappella spiċċat għand is-Seminarju. Jista’ jkun ukoll li hu parti minn xi manuskritt ta’ xi ktieb.

Dan id-dokument jibda’ billi jagħti l-istorja bikrija ta’ din il-kappella u jżid xi dettalji ma’ dak li diġą għidna dwarha. Per eżempju, fl-ewwel faċċata jsemmi n-nutar Luca Sillato bħala n-nutar tal-aħħar testment tal-koppja Gatto Desguanez u li bih waqqfu l-benefiikat fl-1431. Dan id-dokument jindika wkoll li dawn it-tlett Kanoniċi kellhom jiġu magħżulin minn Imperia, bint Francesco u mart Antonio Inguanez, li kienet iżżewġitu fl-1428. Dan id-dritt, kif ukoll l-obbligi marbuta mal-benefikat, kien ukoll jaqa’ fuq is-suċċessuri u eredi ta’ Imperia.

Imbagħad jidher li hemm xi paġna jew paġni neqsin. Ikompli b’paragrafu bil-Latin u wara jerġa’ jaqleb għat-Taljan fejn jgħid li fl-1636 il-Kanonku Dun Ġwann Abela kellu l-ġuspatronat ta’ Sant’Agata li kien jirrendilu 117 skud u 6 tari fis-sena. L-istess paragrafu jgħid li nota dwar il-benefikat fl-1641 kien “jingħad” (“si dice”) li dan il-benefikat kien jirrendi 289 (?skud) fis-sena. 

Hawn id-dokument jikkwota, bil-Latin, parti mill-atti taż-żjara ta’ Mons. Pietru Dusina u jsemmi wkoll xi benefiċji oħrajn li, aktar tard, kellu dan Dun Ġwann Abela. 

F’nofs din il-paġna, imbagħad naqbżu lura għas-sena 1584 fejn jissemma’ legat ta’ Alfonsu de Nava li sar għand in-Nutar Antonius Cassar. Din il-parti hi bil-Latin u ma tantx hi ċara. Wara dan il-paragrafu, id-dokument jaqbeż mitt sena u jgħidilna l-skont l-atti tan-nutar Pietru Giusti, fl-1685 dan il-benefikat kien jirrendi 157 skud fis-sena u kien hemm l-obbligu li ssir quddiesa kuljum.

L-aħħar paġna (paragrafu żgħir) tagħti speċi ta’ lista ta’ flus li kellhom jitwarrbu għall-ħlasijiet ta’ spejjeż bħalma huma l-quddiesa, il-vespri, l-ikel u l-ħobż li kien jitqassam ‘il fqar kull sena.

Ma’ dan id-dokument hemm żewġ paġni li juru l-arblu tar-razza ta’ Francesco Nava u jindika r-relazzjonijiet bejn għadd minn dawk li jissemew fl-istorja ta’ din il-kappella.

Għalkemm mhux magħrufa n-natura eżatta ta’ dan id-dokument, xorta jżid ftit dettalji ‘l hawn u ‘l hemm fl-istorja, essenzjalment diġą magħrufa, ta’ din il-kappella.

Il-Kappella ta’ Lorenzo Gafą

Fit-terremot ta' Jannar 1693 il-kappella l-qadima, bħall-Katidral tal-Imdina, ġarrbet ħsarat kbar tant li kellha tinbena mill-ġdid. Il-kappella l-ġdida saret fuq pjanta ta' Lorenzo Gafa', li kien ukoll qed jieħu ħsieb il-bini mill-ġdid tal-Katidral, dak li naraw illum.


371



Il-kappella nbniet bi spejjeż tal-Kanoniku Adriano Bonnici (jew Bonvicino) li kien Dekan tal-Katidral u Rettur tal-kappella dak iż-żmien. Il-bini tal-kappella l-ġdida beda fl-1694 u ġiet inawgurata mill-Isqof Davide Cocco Palmieri u l-Gran Mastru Adrijan Wignacourt li l-armi tagħhom jidhru imnaqqxin fuq il-bieb minn barra.

 
St. Agata Chapel


Il-kappella tbierket mill-Arċidjaknu Giovanni Antonio Cauchi nhar is-26 ta’ Ġunju tal-1695. L-għada, l-istess Arċidjaknu, bierek il-kwadru l-ġdid ta' Sant'Agata, xogħol il-pittur Giuseppe Arena. Fil-kwadru jidher ukoll San Adriano Martri, li l-festa tiegħu kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta' Settembru. San Adriano ddaħħal fil-kwadru bħala l-qaddis tad-Dekan tal-Katidral Adriano Bonvicino, li ħallas l-ispejjeż għall-bini mill-ġdid tal-knisja.


264



260Jumejn wara t-tberik tal-knisja, fl-għodwa tat-28 ta' Ġunju tal-1695, fil-knisja tqaddset quddiesa mill-Arċidjaknu Cauchi u li għaliha attenda l-Gran Mastru Adrien Wignacourt. Bħala tifkira ta' dan, il-Gran Mastru nnifsu poġġa f’toqba fl-imramma fil-pilastru midalja bix-xbiha tiegħu u midalja oħra bl-arma tal-Isqof Cocco Palmieri.

Il-kappella għandha għamla kwadra, mibnija b'pilastri ta' stil Toskan, li jerfgħu erba' arkuni u erba' pendentivi bil-koppla tistrieħ fuqhom. Hemm kor naqra fond li fih jinsab l-altar waħdieni. Il-kwadru titulari ovali hu xogħol ta’ Giuseppe d'Arena li semmejna aktar ‘l fuq.

stagathachapeltitularIl-kwadru li hu mdawwar minn gwarniċ skolpit bil-weraq u raġġi ndurati u jinsab fi prospettiva sabiħa magħmula minn pilastri u kolonni ta' stil Korintu u arkata li fuqha, hemm żewġ puttini li jżommu 'cartouche' b'iskrizzjoni li ssemmi l-ismijiet tal-qaddisin murija fil-kwadru. Mal-ħitan tal-ġenb hemm żewġ kwadri-ikoni li juru l-qaddisa.

Il-faċċata għandha proporzjonijiet mill-aħjar. Fil-kantunieri għandha żewġ pilastri għoljin ta' stil Toskan, bil-bieb kwadru li fuqu għandu pediment segmentali u rħama b'iskrizzjoni fiha. Fuq nett hemm pediment ta' stil Vignola u fit-truf żewġ balavostri għamla ta' ġandra. Fuq il-ħajt tal-ġenb li jiġi faċċata d-dħul ewlieni tal-Belt Notabile hemm kampnar żgħir b’qanpiena waħda.


Ritratt © Caroline Camenzuli

279

DSCN5798




Il-kappella hija mgħammra wkoll b’żewġ kwadri, wieħed fuq kull naħa tal-ħajt tagħha, li juru l’Sant’Agata u l-Magħmudija ta’ Ġesł fil-Ġordan. Taħthom hemm ukoll sett kwadri tal-Via Sagra.

Ritratt © Caroline Camenzuli

258

259

262


Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kappella serviet ta' dar għal żewġ familji refuġjati.

Għal żmien twil wara, il-kappella li hija parti mill-wirt storiku ta' gżiritna, kienet ġiet mitluqa u kien qed isirilha ħafna ħsara. Ftit tas-snin ilu, bl-inizjativa tal-Kumitat Kulturali Mdina u bil-koperazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, li huma s-sidien attwali tagħha, inġabru fondi biex il-kappella tiġi restawrata.  Ix-xogħol ta’ restawr għadu sejjer sabiex din il-kappella terġa tieħu s-sura li kellha u li jixirqilha sabiex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.



Kitba: Noel Ciantar. Deskrizzjoni arkitettonika: Anthony M. Brincat. Deskrizzjoni tal-istatwa tal-irħam ta’ Sant’Agata: Peter Paul Ciantar. 
Ritratti: Caroline Camenzuli, Kav. John De Micoli Deguara, Fr. Jonathan Farrugia u mill-Internet.
Ħajr lill-Chev. John De Micoli Deguara
 

 Il-Kappella ta’ Sant’Agata
 - Imdina -

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small