Fir-Rabat wieħed isib għadd ġmielu ta’ kappelli kemm fin-naħa ta’ ġewwa tas-subborg kif ukoll fil-kampanja sabiħa li ddawwar ir-Rabat. Ta’ min iżomm f’moħħu li fi żmien ir-Rumani l-Belt tal-Imdina kienet ħafna ikbar milli nafuha llum. Dak iż-żmien Melite, kif kienet magħrufa, kienet testendi żgur sa’ fejn illum hemm il-Knisja ta’ San Pawl. Fil-fatt ħafna Rabtin għadhom jiftakru l-foss li kien idawwar il-knisja u li llum m’għadux jidher minħabba li nbniet it-triq ta’ quddiem il-knisja. L-użanza f’dak iż-żmien kienet li d-dfin kien isir barra l-belt u għalhekk fl-inħawi tal-Knisja ta’ San Pawl illum insibu ammont kbir ta’ katakombi fosthom dawk magħrufa ta’ San Pawl, ta’ Sant’Agata, ta’ San Katald u xi kilometru ’l bogħod insibu l-katakombi tad-Dejr. 


IMG_0129



Fost dawn il-katakombi l-iżgħar huma dawk magħrufa ta’ San Katald, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-Knisja ta’ San Pawl. Minkejja d-daqs tagħhom huma wkoll importanti għax fihom instabu mwejjed “agape”, imwejjed tondi li kienu jintużaw biex issir l-aħħar ikla qabel jindifen il-mejjet. Importanti wkoll huma t-tipi diversi ta’ oqbra bħal dawk magħrufa bħala stil “baldachino” bi speċi ta’ saqaf fuqhom, dawk li jieħdu żewġ katavri u “arcosolia” li kienu niċeċ fil-ħajt.


IMG_2682-Rabat-Knisja SanKatald-gewwa-fil-Katakombi



Fuq dawn il-katakombi, li jinsabu faċċata tal-knisja ta’ San Pawl qabel ma taqbad it-triq li twassal għall-katakombi ta’ San Pawl u Sant’Agata, insibu l-kappella ta’ San Katald bi statwa ta’ dan il-qaddis quddiemha.

Min kien San Katald?

Desciption-_Statue_of_St._Cataldo_bishop_(Taranto)_(Taranto)
San Katald kien patri Irlandiż, ħabib ta’ San Patrizju, li għex bejn is-snin 400 u 480 WK. Hu kien ipproklamat qaddis madwar is-sena 685 WK. L-ewwel snin ta’ ħajtu qattagħhom f’monasteru f’Lismore f’County Waterford. Dejjem ried jgħix ta’ eremita u aktar tard hu mar f’pellegrinaġġ ġewwa Ġerusalem. Fil-vjaġġ lura lejn l-Irlanda hu sofra n-nawfraġju fuq il-kosta ħdejn il-belt ta’ Taranto fl-Italja. In-nies t’hemm ħabbewh u għażluh bħala l-Isqof tagħhom. Ħafna mirakli huma attribwiti għalih fosthom li ħeles dik il-belt mill-marda tal-pesta u minn għargħar kbar. Illum hu meqjus bħala l-Patrun ta’ din il-belt Kalabriża. 

Skont tradizzjoni qadima ħafna San Katald qatta’ wkoll xi żmien f’pajjiżna waqt il-vjaġġ tiegħu lura lejn pajjiżu. Huwa żgur li l-post fejn inbniet din il-kappella kien minn żmien il-qedem post ta’ qima għax inbniet fuq katakombi u l-qima lejn il-qaddis tmur lura saż-żminijiet medjevali. Il-kappella tinsab f’tarf il-ħara li tissejjaħ Ħal Bajjada u fejn hemm ħafna katakombi – dawk ta’ San Pawl, ta’ Sant’Agata u ta’ Santa Venera (illum mitlufin) u kif ukoll qrib ħafna tal-Grotta ta’ San Pawl.

L-ewwel kappella

03-IMG_2601-Rabat-Statwa ta' San Katald quddiem il-knisja2L-ewwel kappella li kien hemm f’dan il-post inbniet fi żminijiet medjevali u ma kinitx għajr kamra kbira rettangolari msaqqfa b’xorok li jistrieħu fuq arkati bil-ponta, tipika ta’ dawk iż-żminijiet. Ir-Rollo tal-Isqof de Mello tal-1436 diġà isemmi “il benefitio di S. Cataldo” iżda s’issa għad ma nstabitx rabta bejn dan il-benefiċċju u din il-kappella partikolari. Minkejja dan, l-ewwel knisja ddedikata lill-San Katald iddokumentata f’dan il-lok tmur lura almenu sal-1495. L-inħawi wkoll iġibu isem il-qaddis minħabba d-devozzjoni li kien hemm hemmhekk. Ta’ min jirrimarka li d-devozzjoni lejn dan l-qaddis, minkejja li hi ftit jew wisq ristretta f’dawn il-gżejjer, insibuha wkoll f’Għawdex b’lok ħdejn l-Għarb imsemmi wkoll għalih sa mill-1570.

Meta Mons. Dusina żar din il-kappella fl-1575 sabha f’qagħda ħażina ħafna tant li ordna li tingħalaq u sit tagħha tingħata lill-parroċċa ta’ San Pawl (tar-Rabat) jew lir-rettur ta’ din il-parroċċa. Il-bini tagħha sabu għoddu mġarraf u l-kappella la kellha rettur, la ħwejjeġ biex tiffunzjona u lanqas xi benefiċċju li ddaħħal xi flus minnu.

Iżda, għal xi raġuni, l-ordni ta’ Mons. Dusina ma twettqitx. Xi snin wara saru xi tiswijiet minn Alessandro Calabro u reġgħet infetħet għall-qima tal-poplu Rabti. Il-kappella kienet għadha tiffunzjona fl-1594 u f’dik is-sena, dan il-qaddis beda jitqies bħala protettur kontra “il male della Quartana”, jiġifieri l-“marda li tfeġġ kull erbat ijiem” – din hi karatteristika tad-deni ta’ dik li llum insejħulha “malarja”. In-nies tal-inħawi kienu jirreferu għall-qaddis bħala San Katald Tal-Bard.

IMG_2677-Rabat-Knisja SanKatald-gewwa-L-artal fil-KriptaFl-1595 in-Nutar Mario Mallia u l-werrieta tiegħu ħallew somma flus biex biha jkunu ċċelebrati l-vespri u l-quddiesa fil-festa tal-qaddis li ssir fl-10 ta’ Mejju. Iżda sal-1598 kien għad ma kellha l-ebda benefiċċju minn xi art u kienet tiddependi biss mill-ġenerożità tal-fidili.

Fost l-obbligi li kellha din il-knisja kien hemm dak ta’ żewġ quddisiet fix-xahar imħollija minn Ġakobb Xuereb fit-testment tiegħu fl-Atti tan-Nutar Ġakobb Xiberras.

Matul is-sena kien jitqaddes ħafna quddies ieħor. Obbligu ieħor kien li kull nhar ta’ Sibt jinxtegħel il-lampier. Dan l-obbligu kien fuq dik il-persuna li f’idejha kienet tkun biċċa art żgħira qrib il-knisja li kienet ingħatat mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt fl-1615.

Il-kappella tal-lum

Fl-1739 twaqqgħet il-kappella qadima u nbniet waħda ikbar u aktar eleganti fl-istil Barokk. Il-bini tagħha tlesta fl-1745, iżda sfortunatament ma nafux min kien l-arkitett jew il-bennej tagħha. Iżda żgur li din il-kappella hija eżempju sabiħ ħafna tal-Barokk ta’ żmien nofs is-seklu tmintax. Fl-istess żmien ukoll twaqqfet l-istatwa tal-ġebel tal-qaddis imqiegħda fuq pedestall għoli quddiem il-kappella. Il-qima lejn il-qaddis baqgħet qawwija fost ir-Rabtin tant li maż-żmien saru offerti ta’ kwadri exvoto u oġġetti tal-fidda.


06-IMG_2600-Rabat-Knisja ta' San Katald minn barra



06-IMG_2669-Rabat-Knisja SanKatald-gewwa-Pittura fuq l-artalIl-kappella għandha pjanta ottagonali. Pilastri ta’ stil Tuskan mal-ħitan jerfgħu l-entablatura, li minnha jitilgħu erba’ arkuni u erba’ pendentivi li fuqhom tistrieħ il-koppla bil-lanterna. L-uniku altar jinsab f’kor naqra fond u hu miksi b’irħam fin u għandu tabernaklu. Fuqu hemm il-kwadru titulari li juri lil San Katald liebes ta’ isqof. Dan hu xogħol mill-isbaħ tal-pittur Franċiż, Antoine de Favray (1706-1798), li għal ħafna snin għex f’Malta. Madwar il-kwadru hemm “reredos” jew perspettiva sabiħa u indurata bid-deheb fi stil Rokoko. Fil-ġenb tal-kor hemm żewġ bibien, wieħed jagħti għas-sagristija u l-ieħor għal taraġ li jinżel fil-kripta u katakombi ta’ taħt il-kappella. Fuq dawn il-bibien hemm żewġ kwadri ovali fi gwarniċi indurati.
 

St Cathaldus Rabat int 1




Ritratt © Anthony M. Brincat

St Cathaldus Rabat ptg 1

St Cathaldus Rabat ptg 2



Il-kwadri ovali li hemm fuq il-bibien tal-ġenb juru lil San Vinċens de Paul u lil Santa Giovanna Francesca de Chantal. Hi kienet il-Fundatriċi tal-Ordni tas-Sorijiet tal-Visitazzjoni u San Vinċens kien id-direttur spiritwli tal-kunvent tagħhom f'Pariġi.

Il-faċċata tal-kappella hi mżejna mhux ħażin. Il-parti tan-nofs li fiha l-bieb hi sporġuta naqra ’l barra u fil-ġenb għandha żewġ nofsijiet ta’ pilastri ta’ stil Tuskan. Il-ġnub huma konkavi u l-binja kollha tal-kappella għandha erba’ pilastri ta’ stil Tuskan fil-kantunieri kollha. Fuq kollox iddur entablatura sħiħa u fin-nofs hemm pediment għoli li jispiċċa b’pediment ieħor segmentali. Fil-ġnub hemm żewġ pedistalli b’balavostri forma ta’ ġandra. Il-bieb hu kwadru u fuq il-blata tiegħu hemm salib Grieg u aktar ’l fuq pediment segmentali. Fuq kollox titla’ l-koppla bil-lanterna u li hi mibnija fuq tanbur ottagonali.

F’ġenb wieħed hemm bieb li hu iżda mbarrat u fuqu tieqa tonda. Dan kollu jagħmel din il-binja waħda mill-isbaħ u li żgur iżżejjen iċ-ċentru tar-Rabat. Dan l-aħħar sar restawr professjonali ħafna fuq din il-kappella li kompla joħroġ is-sbuħija tagħha. J’Alla naraw ukoll li l-ġewwieni tal-kappella jkun restawrat.

Kitba: Roderick Busuttil
Ritratti: Tony Bonello, Anthony M. Brincat u Roderick Busuttil u mill-Internet
Proof Reading: Tony Bonello



 

Il-Kappella ta’ San Katald
- Rabat -

L-aħħar tibdil sar
Mon, 02 April 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small