Faċċata tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta, fl-inħawi tal-Gudja, wieħed isib il-knisja ta' Bir Miftuħ, knisja mdawra bis-siġar taż-żebbuġ illi mill-ewwel tiġbed l-għajn ta’ min jgħaddi minn dawn l-inħawi. Din il-knisja li hi dedikata lil Santa Marija hi waħda mill-aktar knejjes antiki li nsibu f’dawn l-gżejjer.
Oriġini
Meta fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello semma l-għaxar parroċċi antiki li sab f’dawn l-gżejjer fl-atti taż-żjara tiegħu, dawn kienu jinkludu wkoll dik ta’ Bir Miftuħ. Iżda jista’ jingħad fiż-żgur li l-knisja ta’ Bir Miftuħ kienet ilha sservi ta’ parroċċa minn ħafna snin qabel. Din kellha limiti estensivi ħafna li kienu jinkludu il-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Imqabba, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Farruġ u Birżebbuġia.

Il-knisja, li kienet iddedikata lil Santa Marija, jingħad li nbniet iktar minn 600 sena ilu. Fil-fatt jidher li l-knisja kienet nbniet fil-15-il seklu. Il-Knisja kienet akbar minn dik li naraw illum u ċċekknet fid-daqs fl-1512. Jingħad li ma’ ġenb din il-knisja kien hemm diversi knejjes zgħar oħra. Fost dawn konna nsibu dawk ta’ l-Assunta, tan-Nattivitą ta’ Sidtna Marija, San Bastjan, San Ġorġ u Santa Katerina, li maż-żmien ġew abbandunati, ipprofanati u mġarrfa.
Iż-żjara ta’ Monsinjur Dusina f’Bir Miftuħ
Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu Malta huma kienu waqqfu kmand tad-difiża f’Bir Miftuh. Il-knisja ġiet iddisakrata fl-1565 matul l-Assedju l-Kbir kontra t-Torok.
Meta d-Delegat Appostoliku Monsinjur Dusina żar lil Bir Miftuh fl-1575, sab lil din il-knisja fi stat tajjeb ħafna biex isservi l-Uffiċċju Divin. Hu semma li l-knisja kellha żewġ artali li t-tnejn kienu ddedikati lill-Assunta; għaldaqstant hu rrakkomanda li wieħed minnhom jinbidillu d-dedika. Peress li din il-knisja, bħal oħrajn bħalha, kienet tintuża għad-dfin, Monsinjur Dusina rrimarka li għandhom jitħaffru oqbra aktar addattati minn dawk li kien hemm f’nofs il-knisja. Fi żmien ż-żjara ta’ Monsinjur Dusina fl-1575 insibu li l-parroċċa ta’ Bir-Miftuh kienet tħaddan 55 knisja filjali.
Il-Knisja attakkata u misruqa għal diversi drabi
Sfortunatament din il-knisja ġiet attakkata għal aktar minn darba mill-furbani Torok. Rigward dawn l-attakki nsibu diversi stejjer u tradizzjonijiet fosthom li, minħabba s-serq ta’ spiss li kien isir minn din il-knisja, it-teżori li kienu jinstabu fiha kienu ġew moħbija f’oqbra fil-knisja u skont storja oħra dawn ġew mitfugħa ġo bir viċin l-knisja, flimkien mal-qniepen l-antiki li kien hemm fuq il-kampnar tagħha.
Serqa kbira kienet dik tas-24 ta' Jannar 1663, fejn kienu nsterqu diversi affarijiet u fost dawn kien hemm pissidi b'ostji kkonsagrati. Dan is-sagrileġġ kbir ġiegħel lil Gran Mastru ta’ dak iż-żmien, Rafel Cottoner, u l-Isqof Balaguer li jikkundannaw dan l-att gravi u ħarġet l-iskomunika lil dawk li għamlu dan l-att faħxi. Dan il-pissidi kien instab fil-knisja ta' San Ġakbu, il-Belt, vojt mingħajr ostji, tlett ijiem wara. Wara dan il-fatt n-nies tal-Gudja ddeċidew li jibnu knisja parrokkjali oħra li tkun iktar lejn iċ-ċentru tar-raħal, peress li din qiegħda kemxejn imbiegħda. Il-Knisja ta’ Bir Miftuh baqgħet isservi bħala parroċċa sa l-1676.
Il-Knisja
Il-Knisja ta’ Bir Miftuħ hija eżempju mill-aqwa ta' arkitettura Medjevali. Il-pjanta hija sempliċi u mingħajr l-ebda elaborazzjoni. L-arkati tagħha jitilgħu għall-ponta u hija msaqqfa b'xorok twal tal-ġebla tal-franka. L-altar li hemm fil-kappella nħadem fit-18-il Seklu u nġieb minn Ħal Farruġ (ir-raħal u d-djar ta' Ħal Farruġ twittew mill-Gvern Kolonjali biex saret l-airstrip fin-naħa tal-Imqabba).
Din il-knisja hi ddedikata lill-Santa Marija tax-xahar t'Awwissu, għandha artal wieħed, b’titular li jirrappreżenta lill-Missier Etern iżomm salib u mdawwar bl-anġli. Fl-ispazju ta’ taħtu hemm xena ta’ għolja fejn il-Madonna bil-Bambin tidher bil-qiegħda fuq is-sħab, filwaqt li jidhru ukoll San Pietru u San Pawl, fuq kull naħa. L-altar maġġur kien ġie kkonsagrat fis-26 ta' Marzu 1591 mill-Isqof Tumas Gargallo. Fuq il-bieb prinċipali nsibu affreski li jmorru lura qabel nofs is-seklu sittax. Dawn l-affreski kienu ġew irrestawrati bil-hidma ta' Din l-Art Ħelwa u l-Ħal-Millieri Bir-Miftuħ Trust.
Fost il-kappillani li kellha din il-kappella nsemmu lil Dun Bartolomeo Mangion li kien jagħmilha ta' Locum Tenens fl-assenza tal-Isqof Gargallo. Tifkira tiegħu hija lapida b'mitra fuqha li tinsab fil-knisja parrokkjali tal-Gudja. F'din il-knisja twaqqfu minn Monsinjur Dusina, l-ewwel tliet fratellanzi fir-raħal tal-Gudja. Dawn huma tas-Santissmu Sagrament fil-1575, dik tar-Rużarju fil-1588 u, fl-istess żmien, il-fratellanza ta’ l-Agunija.
Fl-1830 il-Baronessa Bettina Muscat Cassia D’Aurel irrestawrat din il-knisja. Dan kien kkommemorat b’emblema tal-familja tagħha li kienet fuq wieħed mill-bibien tal-knisja. Sfortunatament din l-emblema nsterqet mill-knisja xi snin ilu.
Fid 9 t'April 1942, il-knisja ta’ Bir Miftuh ġarrbet ħsara kbira meta nofs is-saqaf waqa' fil-gwerra, iżda mbagħad aktar tard issewwa mill-Kapillan tal-Gudja Dun Rapa. Huwa kien ukoll għamel paviment ġdid fil-Knisja.
Ta’ min jghid illi l-knisja kienet mitluqa sakemm fl-1970 il-Knisja Maltija afdatha "in trust" lill-għaqda volontarja Din l-Art Ħelwa.
Restawr estensiv minn Din l-Art Ħelwa
Minħabba t-telqa kbira li kienet waqgħet fiha din il-knisja, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi Maltin għaddew din il-knisja f’idejn l-għaqda volontarja Din l-Art Ħelwa. Dawn mill-ewwel għarfu li din il-knisja kienet teżor kbir u middew għonqhom għax-xogħol ta’ restawr. Matul ir-restawr tal-knisja li nbeda fl-1973, wara li tneħħew sitt saffi ta’ kisi, inkixef affresk faċċata tal-bieb ta' barra. L-affresk imur lura sas-16-il Seklu. Dan l-affresk inkixef bejn l-1978 u l-1980. Għalkemm baqgħalna biss ftit biċċiet mill-affresk oriġinali, m'hemmx dubju li s-suġġett huwa l-Ġudizzju Universali ta’ l-aħħar tad-dinja. Dan huwa mqassam fi tliet saffi ta’ figuri.

Fuq il-ħajt tat-Tramuntana hemm pittura ta’ mara b’ġiljuwa f’idha u tipponta lejn il-pittura prinċipali. Il-ħwejjeġ li liebsa din il-figura femminili kienu komuni fil-bidu tas-sittax-il seklu. X’aktarx il-beneffatturi ta’ dan l-affresk kienu l-familja Bonnici għax l-emblema tagħhom hija l-fjura tal-ġilju.
L-affreski uniċi li nstabu f’din il-Knisja kienu rrestawrati minn George Farrugia li għamel l-istudji tiegħu fl-Istitut tar-Restawr ta’ Ruma.
Ir-restawr tal-knisja kompla billi tneħħa l-pavimentar tal-knisja li kien sar fl-1942 u floku tpoġġiet ċangatura kemm fil-knisja nfisha, kif ukoll fuq l-passaġġ li jwassal għaliha. Minn żmien għal żmien esperti tar-restawr ta’ l-affreski jżuru biex jispezzjonaw id-deterjorament tagħhom. Finalment fis-sena 2004 tlesta x-xogħol kollu ta’ restawr fil-knisja, kif ukoll fl-inħawi ta’ madwarha. Fil-preżent il-kumpannija Malta International Airport qiegħda tikkontribwixxi għall-manteniment u r-restawr tal-Knisja ta’ Bir Miftuħ.
Il-knisja tinsab fi stat tajjeb ħafna u hija taħt il-kura ta’ l-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa. Fiha jsiru diversi attivitajiet kulturali bħal kunċerti u wirjiet. Il-knisja tinfetaħ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar, bejn 9.30 a.m u 12.00 p.m.
Il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ
- Il-Gudja -
Kitba © Roderick Busuttil; Ritratti © Noel Ciantar, Caroline Camenzuli
L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

