Kappella oħra verament ħelwa ddedikata lil Assunta tinsab fin-Naxxar. Din il-kappella tista’ tidħol għaliha minn fejn il-Kappella ta’ San Pawl tat-Targa jew inkella wara l-bini li sa ftit snin ilu kien jintuża għall-Fiera Internazzjonali ta’ Malta.

Santa Marija tax-Xaghra _ Naxxar 5



Oriġini

Din il-kappella tista’ titqies bħala waħda mill-antiki fil- kampanja tan-Naxxar. Fl-1575, il-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina isemmi lil din il-kappella ddedikata lit-Tlugħ is-Sema tal-Madonna u jgħid li kienet id-devozzjoni tal-poplu li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-kappella. Fl-1588 ċerta Maria Bonello ħalliet somma flus biex tibda ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-festa. Fl-1618 din il-kappella ġiet ipprofanata mill-Isqof Balthassar Cagliares li ordna wkoll li l-pittura fuq l-altar kellha tittieħed fil-knisja parrokkjali.
 
X’aktarx iżda li l-poplu baqa’ jiffrenkwenta din il-kappella devota. Dan innotaħ l-Isqof Pontremoli fl-1634 fejn qal li l-kappella li kienet tinsab fin-naħa magħrufa bħala “tax-Xagħra” u kienet frekwentata minn numru ta’ devoti ta’ dawk in-naħat. Fl-1636 imbagħad l-Isqof Balaguer jikteb li kien hemm żewġ pitturi iżejnu l-altar prinċipali. Allura jidher li l-kappella baqgħet tiffunzjona.

Il-kappella tinbena mill-ġdid

DSCN2563
Il-Kappella reġgħet inbniet mill-ġdid flit qabel l-1653 bħal numru oħrajn ta’ kappelli fln-Naxxar. Il-Kappillan Dun Dumink Azzopardi, li ħallielna deskrizzjoni tal-kappelli kollha f’kitba f’wieħed mir-reġistri tal-Mejtin, kitba tal-1661, jgħid li l-kappella kienet mibnija mill-ġdid minn flus il-poplu u li kienet miżmuma tajjeb ħafna u servuta bil-bżonnijiet kollha. Jgħid li kienet twila erba’ kanni u wiesgħa tnejn u żewġ palmi. L-għoli tagħha kien ta’ tlett kanni u erba’ palmi. Minn din id-deskrizzjoni ma jissemiex il-bini li hemm mal-kappella. Kappelli oħrajn tal-istess żmien kellhom bħal sagristija żgħira fuq wara tal-bini. Din il-kappella għandha kamra mal-ġenb tax-xellug b’bieb għall-kappella u ieħor għal barra fuq il-faċċata. Din il-kamra għandha ukoll statwa fuq il-bieb tagħha. Interessanti ukoll hu z-zuntier kbir li jdawwar il-kappella mal-ġenb tal-lemin u fuq quddiem. Forsi il-kamra nbniet wara u allura ħadet il-parti taz-zuntier li kien hemm fuq ix-xellug tal-kappella.

Il-Kappella kellha wkoll xi artijiet mogħtija b’ċens, allura kellha dħul regolari. Fil-festa tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna kien jitkanta l-għasar u quddiesa. Kien isir l-istess fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, kif ukoll fil-festa ta’ Santa Marija Maddalena. Dan kien isir permess ta’ legat imħolli mill-Kommendatur tal-Ordni Pietro Cannozz. Kienet kappella devota ħafna u kienu jiġu nies minn parroċċi oħrajn. Kemm-il darba ukoll nies mfittxija mill-ġustizzja kienu refuġjati fil-kappella.

Jidher, skont kif jgħidilna Ferres, li mal-bini ġdid il-kappella bdiet tissejjaħ « Delle Grazie » iżda il-festa xorta waħda baqgħet tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awissu. Fir-rapport tal-isqof tal-1653 insibu li kellha pittura ġdida titulari li kienet tirrapprezenta lill-Madonna fin-naħa ta’ fuq, u San Pietru u l-Maddalena fin-naħat t’isfel, fuq il-lemin u x-xellug. Fl-istess pittura fin-naħa t’isfel kien jidher ukoll il-padrun ta’ dik il-pittura, il-Kavallier Petris de Blacas li kien x’aktarx il-Kaptan fit-torri tal-istess isem ftit il-bogħod minn din il-kappella.

IsqofJacobusCanavesInteressanti ħafna huwa r-rapport tal-Isqof Cannaves tal-1716. Dan jiddeskrivi l-pittura bil-Madonna bit-tarbija f’idejha waqt li b’idha x-xellugija kienet qed ixxerred il-ħalib minn sidirha. Fil-pittura kienu jidhru wkoll l-Appostlu San Pietru u Marija Maddalena. Kien hemm imbagħad l-arma tal-Gran Mastru Lascaris u taħtha dik tal-Kavallier de Blacas. Sa kien hemm ukoll il-figura ta’ dan il-kavallier li l-isqof ordna li kellha titneħħa. Nota importanti fi-istess rapport tgħid li kien hemm żewġ kitbiet, waħda min kien ordnaha u f’liema sena, Petro de Blacas fl-1642; u l-oħra min kien il-pittur, Filippo Dingli.

Prokuraturi tal-kappella maż-żmien

Il-Kappella issa tidher li kienet mogħnija b’kollox. Dan nistgħu nifmuħ sew mill-kotba tal-kontijiet li għandna fl-arkivju parrokkjali tan-Naxxar. L-ewwel prokuratur li nafu bih kien Giuseppe Frendo li ħa ħsieb il-kappella sal-1736 meta imbagħad kien laħaq Petruzzo Bezzina. Il-kappella kellha dħul regulari minn interessi fuq flus mislufa lil diversi persuni, fosthom Oratio Mangion (45 skud), Alfonso Calleja (50 skud), Maximilla Pisano (25 skud). Din tal-aħħar kienet minn Ħaż-Żebbuġ. Dawn kellhom iħallsu l-interessi darba fis-sena iżda ħafna drabi ma kinux jagħmlu hekk. Allura kien jiġri li kienu isiru ħlasijiet ta’ numru ta’ snin f’daqqa. Dan x’aktarx kien jiġri meta l-prokuratur ikun wasal biex jinbidel. Kull sena kienu jidħlu minn interessi aktar minn 13-il skud. Dħul ieħor kien mill-kaxxa li kienet titħalla matul is-sena kollha u mill-ġbir fil-knisja waqt il-quddies.
 
St Marija tax-Xaghra_ Naxxar2Petruzzo kellu jdum jieħu ħsieb il-kappella għal ħafna snin, sal-1751 . Fi żmienu sar l-inkwadru ġdid tat-titular. Dan jidher mill-ktieb tal-kontijiet. Fid-9 t’Awwissu 1740 huwa ħallas lill-pittur Ġian Nikola Buhagiar 75 skud. F’dawn is-snin minbarra l-festa tal-Assunzjoni li kienet issir bil-kant tal-għasar u quddiesa kantata bil-priedka, kien għadhom isiru wkoll quddies fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl fid-29 ta’ Ġunju, kif ukoll quddiesa oħra fit-22 ta’ Lulju fil-festa ta’ Maria Maddalena. Għall-festa titulari kien jinkera d-damask. Ma’ dawn l-ispejjeż regolari kien hemm imbagħad l-ispiża taż-żejt għall-lampier matul is-sena kollha u xi spejjes oħra ta’ manutenzjoni bħal tranġar tal-bjut u l-ħitan u tibjid tal-kappella. Fl-1743 inbidlu l-bibien u l-injam tal-qodma nbiegħ. Iż-żewġ bibien ġodda kienu qamu 22 skud u 3 tari.
 
Wara Petruzzo Bezzina laħaq prokuratur tal-kappella Giovanni Mifsud iben Salvatone. Dan kien irċeva minn l-eredi ta’ Petruzzo, li kien miet, is-somma ta’ 69 skud 4 tari u 10 grani li kien il-bilanċ fil-kotba tal-kontijiet. Iżda l-aktar ħaġa ntenessanti li ħalla Petruzzo kien inventarju ta’ dak kollu li kellha l-kappella. Minn dan jidher kemm il-kappella kienet tassew mogħnija b’kollox. Dawn huma affarijiet imsemmija fl-inventanju: inkwadru tat-titutlar; żewġ kurċifissi, wieħed indurat, l-ieħor tal-bronz; 6 kandlieri indurati u sitta oħra suwed, tnejn oħra żgħar tal-injam, 6 fjuretti kbar u 6 oħra żgħar; statwa tal-Madonna tal-irħam; karti tal-Glorja bil-gwarniċ indurat u sett ieħor normali; l-inkwadru antik kbir tal-Madonna u inkwadru ieħor ex-voto. Fis-sagnistija imbagħad kien hemm kaxxa kbira fejn kienu jinżammu l-ventartali. Mit-tlieta li kien hemm wieħed kien tal-ħarir bi tpingija fuqu. Kien hemm ukoll 3 pjaneti, 14-il tvalja għall-altar, kif ukoll żewġ tapiti ġodda.

Fi żmien il-prokuratur Giovanni Mifsud saru aktar ħlasijiet interessanti. F’Diċembru tal-1753 il-prokuratur ħallas is-somma ta’ 40 skud lill-prokuratur tal-Veneranda Lampada tal-parroċċa għall-iskannel (altar) ġdid tal-irħam li kellu jsir fil-knisja parrokkjali. Imbagħad fl-1759 tħallsu 20 skud 3 tari għall-ventartal il-ġdid tal-ġilda, indurat, li kien inġab minn Venezja. Ftit wara fl-1760 tħallsu żewġ skudi biex dan jiġi ppreparat u wara 4 tari għat-trasport mill-belt Valletta san-Naxxar. Fl-1761 saru sitt kandlieri u Kurċifiss ġodda li qamu 12-il skud u flit wara intefqu 24 skud oħra biex dawn jiġu indurati flimkien mal-gwarniċ tal-ventartal. Fl-istess sena saru 12-il fjurett.
 
DSCN2576Id-devozzjoni lejn din il-kappella tidher wkoll minn graffiti ta’ xwieni li hemm imnaqqxa fil-ħitan fuq in-naħa ta’ barra ħdejn il-bieb prinċipali. Dawn kienu jsiru minn xi persuna li tkun taħdem fuq ix-xwieni u x’aktarx tkun għamlet xi wegħda lill-Madonna. Jistgħu jitqiesu bħala ex-voto bħalma kienu jagħmlu b’xi pittura.
 
Fil-festa tal-1759 jidher għall-ewwel darba ħlas għal suffarelli. Fl-1769 bdiet issir il-kwindiċina, u għalhekk kienet issir priedka żgħira għal ħmistax-il ġurnata qabel il- festa. Is-sena ta’ wara laħaq prokuratur ġdid, Angelo Muscat. Giovanni Mifsud, il-prokuratur ta’ qablu żiedlu mal-lista tal-inventarju l-affarijiet ġodda li huwa kien għamel: ventartal, gwarniċ ġdid indurat, 12-il f]urett, 6 kandlieri u kurċifiss, kif ukoll leġiju żgħir għall-altar. Huwa żied jiktiblu wkoll li l-kappella kellha kapital ta’ 300 skud li kienu ta’ kull sena idaħħlu lill-kappella 15-il skud u 8 tari.
 
DSCN2573Fi żmien il-prokuratur Angelo Muscat nafu li kienet inbiegħet dar lill-Joannes Attard u martu Margarita għas-somma ta’ 37 skud u 6 tari. Fl-1777 il-prokuratur għamel talba biex jibdel il-qanpiena li kienet żgħira u mtarrxa. Kien qal li lanqas ma kienet tinstema’ mir-raħal. Huwa xtaq jagħmel waħda ġdida u akbar. Din it-talba ġiet approvata mill-Kurja fit-22 t’Apnil 1777.
 
Sa l-aħħar tas-seklu tmintax għalhekk wieħed jista’ jgħid li l-kappella, bħal ħafna mill-kappelli l-oħrajn tan-Naxxar, kienet mogħnija b’dak kollu li kien meħtieġ għas-servizz tal-quddies. Fil-fatt fis-seklu ta’ wara flit li xejn insibu tibdil. Nafu li fil-bidu tas-seklu kien prokuratur Marcello Bonavia. Fl-1806 kien sellef is-somma ta’ 25 skud lil Andrea Camilleri u martu Anna. Il-qanpiena li hemm imdendla fuq il-kappella illum iġġib id-data 1836. Allura dik ta’ qabel kienet reġgħet inbidlet.

DSCN2566Mill-1853 insibu prokuratur lil Carlo Grech. Dan kien irċeva par imsielet tad-deheb ta’ valur ta’ fuq it-30 skud u magħhom kien hemm marbut l-obbligu li ssir quddiesa kantata skont l-intenzjoni tad-donatur. Meta għamel dan ir-rikors huwa kien qal ukoll li l-bibien tal-kappella kellhom bżonn jitrangaw. Talab għalhekk li jkun jista’ ibiegħ dawn l-imsielet biex jieħu l-ammont neċessarju għall-obbligu tal-quddiesa u milli jibqa’ jirranġa l-bibien. Mill-bejgħ tal-imsielet fil-fatt kien daħħal 17-il skud u 3 tari kif jidher mill-kontijiet. Wara Carlo laħaq prokuratur Dun Salv Grech li dam sal-1886. Fi żmienu, fl-1874 kienet saret Via Sagra li wara kellha indulgenza marbuta magħha. Wieħed jista’ jifhem sew kemm il-kappella f’dawn is-snin kienet tassew ‘komda’ mill-kontijiet globali. Bejn is-snin 1865 u l-1885 id-dħul kollu kien jammonta għal 433 skud 7 tari u 3 grani minbarra li kien hemm dovuta 39 skud oħra. Mill-ġbir matul il-kwindiċina kien hemm 193 skud 11 tari u 7 grani. Dan ifisser dħul ta’ ‘il fuq minn 9 skud kull sena, li kienet somma tajba għal-raħal fqir.
 
Mill-1886 sal-1908 ħa ħsieb il-kappella Dun Fortunat Debono. Fi żmienu sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni. Fost il-ħlasijiet jidher l-isem ta’ Vittorio Scerri għal xogħol ta’ pittura; lil Salvu Debono għal 13-il kandilabru li wara ġew indurati minn Domenico Vassallo. Kienu nxtraw sett karti tal-Glorja, ġie ndurat kalċi u sar ukoll gwarniċ ġdid għall-ventartal. Kien inxtara wkoll xi damask. F’dawn is-snin kien beda jmur organista fil-jiem tal-festa u allura kien jinkera armonju.

Il-kappella fis-seklu 20
 
DSCN2570Mill-1909 beda jieħu ħsiebha Dun Pietro Pawl Mercieca u baqa’ sa ma miet fl-1941 . Interessanti l-fatt li f’din is-sena beda jidher dħul minn ġabra madwar ir-raħal għalkemm fis-sena ta’ wara ma saritx minħabba il-bini tan-navi. Fis-sena 1910 inxtara armonju ġdid u saret induratura tas-Salib. Minn din is-sena wkoll jidher ħlas minn qbiela ta’ ġnien żgħir wara l-kappella li kien miżmum minn Giuseppi Cachia tal-konġuntur. Qbiela fuq dan il-ġnien baqgħet titħallas sal-1969 meta Franġisk Galea kien ċediha. Nafu wkoll li fl-1918 Ġużeppi Grima ta’ Marikarm kien irranġa l-fjuretti.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kappella kien għadha soda. Fl-1911 is-somma ta’ 13O skud kienet reġgħet ġiet mislufa lill-Veneranda Lampada taż-Żurrieq. L-interessi fuq din baqgħu jitħallsu sal-1973. Il-kapital kollu misluf kien jammonta għal 258 skud. Interessanti wkoll il-fatt li fl-1931 Dun Nerik għamel talba f’isem Franġisku Saverju Scicluna li xtaq jagħmel fondazzjoni għal paniġierku fil-kappella il-Ħadd ta’ wara l-festa ta’ kull sena. Għal dan il-għan huwa kien lest iħalli s-somma ta’ għaxar liri sterlini. Din it-talba kienet ġiet aċċettatha fit-18 ta’ April tal-1931 . Mill-kontijiet jidher li dan il-paniġierku baqa’ jsir sal-1973.

Matul dawn is-snin il-qassisin li ppriedkaw fil-festa kienu kważi dejjem mill-
parroċċa. Jissemmew Dun Fortunat Debono, Dun Ġwann Debono, Dun Ġużepp
Zammit, Dun Odilone Scicluna, Dun Andrea Micallef, Dun Karm Zammit, Dun
Alwiġ Schembri.
 
Wara li miet Dun Pietro Pawl beda jieħu ħsieb il-kappella l-kappillan Dun Manwel Micallef. Dan sfortunatament kellu ħsibijiet oħra fuq il-kappella għax huwa ried li tingħata lill-Azzjoni Kattolika tal-irġiel. Dan izda ma kienx sar sal-1953. Is-sena ta’ wara laħaq kappillan ġdid. Minħabba dan il-ħsieb tal-kappillan ta’ qabel bejn 1947 u 1953 ma kienx sar aktar il-paniġierku fil-kappella.

DSCN2572Meta laħaq kappillan Dun Pawl Said beda jieħu ħsieb il-kappella huwa stess. Minn dik is-sena, 1954, l-għasar kantat u quddiesa bdew isiru fil-parroċċa u mhux aktar fil-kappella. Dan ma jfissirx li fil-kappella ma kien isir xejn. Fil-fatt sa mill-1958 tidher ta’ kull sena donazzjoni ta’ lira jew żewġ liri minn Paola Sammut, li wara ż-żwieġ saret Paola Vella. Din baqgħet tagħmel hekk sal-1973 . Fl-1971 daħal fil-kappella l-elettriku u l-ilma. F’dik is-sena kien sar ukoll bieb ġdid u tieqa.
 
Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Din il-kappella għandha faċċata sempliċi iżda mżejna b'bieb rinaxximentali li fuqu hemm tieqa u fil-ġnub tiegħu nsibu s-soliti żewġ twieqi baxxi. Fuq nett tal-faċċata hemm pediement triangolari u li f'nofsu hemm kampnar. Fit-truf naraw speċi ta' żewġ balavostri bi sfera tal-ġebel fuqhom. Il-kappella għandha zuntier fuq quddiem u ħdejha hemm kamra li sservi ta' sagristija. Din fuq il-bieb tagħha għandha niċċa bi statwa antika tal-Madonna. Kif diġà semmejna mal-faċċata hemm ukoll ammont ta’ graffiti ta’ xwieni, li huma forma oħra ta’ ex voto.


Santa Marija tax-Xaghra - Naxxar 5



Il-kappella għandha pjanta rettangolari, b'saqaf troll li jistrieħ fuq ħames kustilji li jitilgħu minn fuq gwarniċa fil-għoli tal-ħitan tal-ġenb. Dan is-saqaf hu mpitter b'disinji floreali. L-altar hu tal-irħam u warajħ hemm prospettiva miżbugħa u ndurata. Hi magħmula minn żewġ pilastri ta' stil Korintin li jerfgħu entablatura skulturata u fuq din hemm żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum. Bejniethom hemm gwarniċa b'pittura tal-Assunta u fuq nett pediment ieħor segmentali li jġib id-data 1647. Fil-bażi tal-pilastri hemm l-arma tal-kavallier Pietro de Blacas li fl-1653 kien irregala kwadru titulari lill-kappella.

It-titular li hemm illum hu tal-Madonna tal-Grazzja għax għal xi żmien il-kappella kienet magħrufa taħt dan it-titlu, iżda qabel kien hemm kwadru li juri ‘l Assunta, xogħol ta' Gian Nikola Buhagiar, li llum qiegħed fil-parroċċa tan-Naxxar.

Il-kappella llum

F’dawn l-aħħar erbgħin sena l-kappella baqgħet tintuża regolarment għall-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Għamel żmien kien imur jieħu ħsiebha Fr. Sciortino fi tmeninijiet. Għal xi żmien kien imur iqaddes Fr. Pitre, il-Ġiżwita. Sa mis-sena 1997 beda jieħu ħsieb il-kappella Mario Vella, iben Pawla, li kienet għamlet snin twal tieħu ħsieb din il-kappella. Illum, bil-hidma ta’ Mario, il-kappella għandha set bankijiet ġodda għall-aktar kumdità tan-nies. L-altar, li ma jidhirx li għadu dak l-antik, issa huwa mżejjen b’sett kandlieri ġodda li nxtraw fl-2005 għas-somma ta’ Lm1,200 (€2,800). Saru wkoll sett fjuretti li qamu Lm70 (€163)-il wieħed. Dalwaqt ukoll ser ikun hemm tabernaklu ġdid. Għall-espożizzjoni tas-Sagrament inxtrat sfera. Dawn l-ispejjeż kolla nġabru mill-poplu devot li jżur din il-kappella.

Bejn nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Gimgħa issir adorazzjoni kontinwa u nhar ta’ Ħadd titqaddes quddiesa fl-1O.30 am.


Kitba © Paul Catania. Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti © Caroline Busuttil

 

Il-Kappella ta’ Santa Marija Tax-Xagħra
- Naxxar -

L-aħħar tibdil sar
Mon, 25 February 2013
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small

 

 

 

Go To Page D