Fir-raħal tas-Siġġiewi nsibu waħda mill-eqdem kappelli li hawn fil-gżejjer tagħna. Din il-kappella hi dedikata lill-Assunzjoni tal-Madonna, it-tlugħ is-sema ta' Marija, festa li aħna l-Maltin nafuha aħjar bħala Santa Marija. Din il-knisja tinsab fit-triq li twassal mis-Siġġiewi għal Qrendi, u hi magħrufa ukoll bħala ta’ Ħax-Xluq minħabba li fejn tinsab fl-antik kien hemm raħal żgħir li kien iġib dan l-isem.
Oriġini
Is-Siġġiewi huwa raħal antik ħafna. Fl-1436 kien diġa jeżisti bħala parroċċa u dan nafuh għax jissemma' fir-rollo tal-Isqof Senatore de Mello li kien għamel dik is-sena. Dak iż-żmien ir-raħal kien jikkonsisti f’erba’ rħula żgħar; Ħal Kbir, Ħal Niklusi, Ħal Kdieri u l-ikbar fosthom Ħax Xluq. Fir-rapport taż-żjara ta’ Monsinjur Pietru Dusina fl-1575, insibu li f’dawn l-erba’ rħula żgħar li kienu jiffurmaw is-Siġġiewi tal-lum sab xejn inqas minn 46 knisja, li sitta minnhom kienu jinsabu f'Hax Xluq. Fost dawn kien hemm din il-knisja li kienet tinsab f’Hax Xluq u kienet l-knisja prinċipali ta’ dan ir-raħal. Fil-fatt kien appuntu f’din il-knisja dedikata lil Santa Marija fejn kienu jsiru l-magħmudijiet tat-trabi, minkejja li l-knisja parrokkjali kienet dik iddedikata lil San Nikola, kif għadha sal-lum. Għalhekk ma nafux eżatt meta nbniet għall-ewwel darba din il-knisja iżda jidher li hi antika ħafna.

Fiż-żjara tiegħu Dusina pprofana ħafna knejjes, u fost dawn kien hemm il-Knisja ta’ Santa Marija li skont ir-rapport tiegħu, kienet fi stat diżastruż u ma setgħatx tkompli sservi bħala post fejn jitqaddes il-quddies.
Il-Knisja tinfetaħ mill-ġdid
Wara li l-knisja ġiet ipprofanata fl-1575, il-knisja intelqet għal kollox, u kienet waslet biex tiġġaraf. Iżda fl-1583 ċertu Ġann Pawl Buttigieg, missier Dun Stiefnu Buttigieg, reġa' bnieha mill-ġdid, għammarha b’kull ma' kien meħtieg, saħansitra anke bi kwadru titulari impitter fuq tlett tilari tal-injam. Buttigieg ħallielha wkoll ir-renti ta’ għalqa żgħira magħrufa bħala ta’ Kobbi biex tkun tista' tiġi ċċelebrata quddiesa u jinxtegħel il-lampier fil-festa ta’ Santa Marija. Fl-1596 Dun Stiefnu Buttigieg sar ir-rettur ta’ din il-knisja u ftit snin wara laħaq ukoll bħala l-kapillan tal-parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Hu kien ħalla fondazzjoni biex tiġi ċċelebrata quddiesa kull xahar. Fl-1615 ċertu Anton Dalli kien ħalla żewġ għelieqi li l-qliegħ tagħhom kellu jmur għal bżonnijiet tal-knisja.
In-nies tal-akkwata jidher li kellhom din il-knisja għal qalbhom għax kienu jżommuha fi stat tajjeb ħafna. Fiż-żjara pastorali tal-Isqof Molina fl-1680 fis-Siġġiewi, hu kien pprofana diversi knejjes fosthom oħra ddedikata lil San Nikola fl-inħawi ta’ Ħax Xluq stess, imma rrimarka li l-Knisja ta’ Santa Marija kienet fi stat tajjeb. L-Isqof Molina ttrasferixxa l-fondazzjonijiet li kellhom dawn il-knejjes ipprofanati għal knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħax Xluq.
Il-Knisja
Din il-knisja hija fost l-isbaħ li għandna fil-gżejjer tagħna. L-antikita tagħha nistgħu narawha mill-gwarniċa nofs tond li hemm fuq il-bieb prinċipali. Fortunatament meta saru alterazzjonijiet fil-faċċata matul iż-żmien, din il-gwarniċa tħalliet kif kienet fl-oriġinali. Oħrajn simili tagħha nisbuhom fi knejjes ta’ oriġini medjevali, bħal dik li naraw fil-knisja ta’ San Bażilju fl-Imqabba. Il-knisja għandha tieqa rettangolari li hi l-uniku sors ta’ dawl għal knisja, u bieb ieħor fuq in-naħa tax-xellug. Iktar tard żdied l-kampnar imdaqqas li hemm fuq l-knisja, fejn għad hemm il-qanpiena. Għadna nistgħu naraw ukoll xi mwieżeb tal-ilma tax-xita. Maġenb il-bieb prinċipali hemm żewġ bankijiet tal-ġebel wieħed fuq kull naħa tal-bieb.
Minn ġewwa l-knisja għandha saqaf xorok ċatt, li jistrieħ fuq arkati kbar ġejjin għall-ponta u li jibqgħu niżlin sal-art. Din hija xhieda oħra tal-qedem ta’ din il-knisja. Il-kwadru titulari tal-knisja juri x-xbieha ta’ Marija Santissima tiela' s-sema. Dan qiegħed f’perspettiva tal-ġebel li fiha pilastri li jżommu pediment segmentali. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru titulari naraw kwadru ieħor sabiħ ta’ Kristu quddiem Pilatu. Dawn iż-żewġ kwadri huma attribwiti għall-allievi tal-iskola ta’ Francesco Zahra.
Fuq in-naħa tax-xellug tat-titular hemm kwadru żgħir li juri lil Kristu mgħobbi bis-salib. Hemm ukoll kwadru tal-Madonna tar-Rużarju fis-sagristija tal-knisja. Fil-knisja nsibu wkoll statwi ta’ Santu Rokku u ta' Santa Rita.
Il-Festa
Fl-imgħoddi f’din il-knisja kienet tiġi ċċelebrata festa fil-jum tal-għid tal-Assunta, jiġifieri l-15 t’Awwissu. Hemmhekk kienu jitkantaw il-vespri, u l-Kapillan tas-Siġġiewi kien jitla' jqaddes quddiesa għal okkażżjoni. Kemmxejn kurjuża kienet id-drawwa li fil-quddiesa ta’ fil-għaxija ta’ nhar il-festa, l-paneġirku kien isir fuq Santu Rokku, il-protettur tal-morda bil-pesta. Jidher li dan il-qaddis minn Montpelier kellu devozzjoni ukoll f’dan ir-raħal, ħaġa komuni ħafna madwar Malta kollha. Fil-fatt fil-knisja għadna naraw statwa tal-ġebel iddedikata lil dan il-qaddis.
Il-festa llum għadha ssir ta’ kull sena, imma issa qed tiġi celebrata Ħadd fuq il-15 t’Awwissu. Il-knisja tiġi armata għall-okkażżjoni u wara l-quddiesa ta' fil-għaxija jkun hemm festin, u jinħaraq xi logħob tan-nar tal-art.
Il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħax Xluq
- Siġġiewi -
Kitba © Roderick Busuttil; Ritratti © www.is-siggiewi.com; Carmelo Vella, Anthony M. Brincat. Ritratti mis-sit www.siggiewi.com użati bil-permess espliċitu tal-webmaster ta’ dak is-sit.
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



