Il-Knisja ta’ San Pawl tal-Qlejja
 - Mosta -

Knisja ħelwa oħra li nsibu fil-limiti tal-Mosta hija dik iddedikata lil San Pawl, li tinsab eżattament f’nofs Wied il-Qlejja (Chadwick Lakes). Din il-knisja għal din ir-raġuni hija magħrufa bħala ta’ San Pawl tal-Qliegħa, jew tal-Qlejja. Xi kultant hija magħrufa ukoll bħala tal-Minġiba. Din il-knisja toffri wieħed mill-isbaħ kwadri mlewwna tal-ambjent bejn ir-Rabat u l-Mosta.

Oriġini

Il-knisja tiġbed l-attenzjoni ta’ kull min ikun għaddej minn dawn l-inħawi għax hi maqtugħa minn kull bini u mdawwra biss bil-beraħ tal-kampanja. Jidher li bdiet tinbena għal ħabta tas-sena 1690 flok oħra iktar qadima. Skont il-vizti pastorali tal-isqfijiet li żaru din il-knisja, ta’ kull sena kienet tiġi ċċelebrata festa tal-Konverzjoni ta’ San Pawl. Magħha kien hemm ukoll ċimiterju li fih kienu jindifnu bosta nies tal-inħawi.

San Pawl tal-Qlejja Mosta 19



Fuq l-artal, kien hemm pittura ta’ San Pietru u San Pawl. Maż-żmien iżda, in-nuqqas ta’ interess wassal għall-abbandun ta’ din il-knisja. Għamlet żmien twil hekk sakemm inbniet din li naraw illum fis-seklu sbatax. Il-Knisja tbierket minn Dun Ferdinando Casteletti nhar id-9 ta’ Frar tas-sena 1695.

Il-Knisja minn barra

SAn Pawl tal-Qlejja Mosta Frontispizju 16Din il-knisja għandha arkitettura barrokka mill-isbaħ. Jidher li ġiet mibnija bejn is-sekli sbatax u tmintax meta dan l-istil kien fl-aqwa tiegħu fil-gżejjer tagħna.

Il-frontispizju tagħha għandu stil uniku, li m’hawnx ieħor bħalu fil-gżejjer tagħna. Minflok kif imdorrijin naraw is-soltu, jiġifieri li dan jitla’ għal ponta fil-parti ċentrali, f’dan il-każ jogħla fil-ġnub u jinżel fin-nofs, biex jagħti spazju għal kampnar. Fil-ġenb jitilgħu wieħed fuq kull naħa żewġ fjammi tal-ġebel. Il-kampnar, li xi darba kellu qanpiena mdendla fih, hu sabiħ ħafna u hu skolpit fil-ġnub tiegħu.

San Pawl tal- Qlejja Mosta Zuntier10Uniku wkoll huwa għall-għamla tat-tifsila taż-żuntier ta’ quddiem il-knisja, li għandu forma ta’ nofs tond. Fuq dan jitilgħu tlett tarġiet li jwasslu għall-bieb tal-knisja. 

San Pawl tal-Qlejja Mosta 17Fil-bieb prinċipali li llum jinsab taħt il-livell tat-triq, u li trid tinżel għalih bit-taraġ, hemm gwarniċa trijangulari. Fuq il-bieb insibu tieqa kwadra li ddawal il-knisja minn ġewwa. Fil-ġnub tal-faċċata jitilgħu żewġ pilastri skont l-ordni Toskan li jżommu l-frontispizju tal-knisja, u li jkomplu jżejnu l-faċċata tal-knisja. F’wieħed mill-ġnub tal-knisja għadhom jidhru xi mwieżeb tal-ilma.

Għadna ukoll naraw tieqa żgħira fuq il-bieb li kienet tippermetti lid-devoti, l-iktar xi raħħala li kienu jkunu għaddejin bil-merħla tagħhom, biex meta l-knisja tkun magħluqa jaraw l-artal u jkunu jistgħu jgħidu xi talba lil Missierna San Pawl.

Il-Knisja minn ġewwa

Jekk din il-knisja hija sabiha minn barra, daqshekk iehor hi minn ġewwa. Is-saqaf tagħha hu magħmul sistema troll u magħmul bi preċiżjoni kbira. Hu l-aqwa xhieda tal-kapaċita artistika ta’ min għamel il-pjanta tagħha u tal-bennejja li bnewha.

St Paul Mosta intTinħass l-influwenza arkittetonika ta’ Lorenzo Gafa’ li kien fl-aqwa tiegħu fiż-żmien li nbniet din il-knisja. Billi fiha ma naraw l-ebda tiżjin u pitturi, l-arkittetura tagħha aktar tiġbed l-attenzjoni ta’ kull min jidħol ġewwa fiha.

Il-kwadru titulari, li kien jirrapreżenta n-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, tneħħa minħabba raġunijiet ta’ sigurta u llum minfloku naraw kwadru żgħir komuni tal-istess qaddis.

Graffiti

Fis-snin l-imgħoddija, din il-knisja kienet devota ħafna min-nies li kienu joqgħodu fl-inħawi. L-aqwa turija ta’ xhieda ta’ dan hu n-numru sabiħ ta’ graffiti li naraw minquxa mal-faccata tal-knisja. Dawn jgħoddu għal madwar tletin u juru kemm xwieni, idejn mgħollija b’sinjal ta’ talb, għasafar, forma ta’ salib, kif ukoll qatta’ tiben.

St Paul graffito 1Jispikka fost dawn graffit forma ta’ xini li d-daqs tiegħu jagħmlu wiehed mill-ikbar li nsibu ma’ faċċata ta’ knisja fil-gżejjer tagħna. Dawn il-graffiti li jmorru lura għal tmiem is-seklu sbatax u l-ewwel nofs tas-seklu dsatax juru d-devozzjoni kbira li kellhom il-Mostin li meta kienu jaqilgħu xi wegħda kienu jridu jxandru dan kollu, u fost l-ohrajn iħallu graffit biex dak li kien ġara jibqa’ mfakkar maż-żmien.

Illum il-Knisja ta’ San Pawl tal-Qlejja tinsab fi stat tajjeb ħafna għax xi ftit żmien ilu ġiet restawrata. Il-faċċati kellhom ħafna mill-fili miftuħin li kienu qed iwasslu għal dħul ta' ilma li jikkawża ħafna ħsara fil-ġebla u fl-intern tal-kappella.

S Pawl qlejja ptgIx-xogħol ta' restawr inkluda t-tindif tal-faċċati kollha u t-tberfil tal-fili tal-ġebla b'taħlita apposta u kompatibbli mal-kulur preżenti tal-ġebla. Sar ukoll plastic repair tal-partijiet nieqsa jew imkissra, u t-tiswijiet neċessarji tad-deffun. Wara li tlesta t-tikħil neċessarju fuq ġewwa, il-kappella tbajjdet b’taħlita magħmula primarjament mill-ġir. Bħala parti mill-proġett tar-restawr, u kif qed isir regolarment fuq proġetti simili, il-madwar immedjat tal-kapella ukoll ġie restawrat. Għaldaqstant il-ħitan tal-pont li jinsab biswit din il-kappella ukoll ġew rrestawrati.

Illum din il-kappella sservi ta’ post fejn wieħed jista’ jieqaf u jistrieħ ftit, waqt xi mixja f’Wied il-Qlejja u toffri sfond mill-isbaħ għal xi artist biex ipitter l-kampanja Maltija. Fil-għaxija l-knisja tkun mixgħula u kull min ikun gej mir-Rabat jew l-Imġarr jista’ japprezza l-ħlewwa fis-sempliċita tagħha.

Kitba: © Roderick Busuttil (Ħajr: Tony Terribile). Ritratti: © Carmel Vella u Anthony M. Brincat

L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

angel1gif
bells_2
pMyButton4
pMyButton4