Kappella prominenti fin-Naxxar hija dik ta’ San Pawl tat-Tarġa. Prominenti għax ma tistax ma tarahiex inti u tiela' minn Burmarrad jew mis-Salini lejn in-Naxxar mit-telgħa magħrufa bħala "t'Alla u Ommu". Għalkemm ma nafux eżatt meta nbniet, din il-knisja hija antika ħafna, u nsibuha msemmija fir-rapport dettaljat li għamel id-delegat Appostoliku Mons. Pietru Dusina fl-1575, waqt iż-żjara pastorali li kien għamel f’dan ir-raħal. Ritratti © Caroline Camenzuli San Ġwann Battista San Pietru bil-Ktajjen

Il-Kappella tissemma fl-ewwel Viżti Pastorali
Fir-Rapport tiegħu l-Isqof Pietru Dusina kien innota li kien hawn mhux anqas minn erbatax-il kappella fin-Naxxar u fl-inħawi tiegħu. Fost dawn kienet diġa teżisti waħda ddedikata lill-konverżjoni ta’ San Pawl. Huwa jgħid li kienet fin-nofs tar-raħal, iżda nafu li kienet eżattament f’Ħal Miselmiet, allura fuq San Pawl tat-Tarġa. Forsi kien qed jifhem f’nofs dan ir-raħal ċkejken. Wara kollox minn dejjem kien meqjus raħal għalih u daqs mitt sena wara kien hemm mal-mitt ruħ f’dan ir-raħal.
Fil-viżti pastorali tas-snin ta’ wara, din il-kappella terġa' tissemma' u nafu li fl-1615, l-Isqof Balthassar Cagliares kien innota li l-pittura li kien hemm fil-kappella kellha bżonn ir-restawr. Fil-viżta pastorali ta’ tlett snin wara huwa jinnota li l-pittura ta’ San Pawl kienet ġiet impittra mill-ġdid.
Il-Kappella tiġi pprofanata
Iżda fl-1618 l-Isqof Balthassar Cagliares, innota fost l-oħrajn li din il-knisja kellha daħla perikoluża u kienet il-mira ta’ xi vandali li kienu dejjem jagħmlu l-ħsara u minħabba f’hekk kien ipprofanaha.
Il-pittura, flimkien mal-obbligazzjonijiet tal-kappella, ġew trasferiti għall-altar maġġur tal-knisja parrokjali. Interessanti l-fatt li l-Isqof ordna li kellu jinbena salib fil-post fejn kienet il-kappella. Meta l-istess Isqof reġa' żar in-Naxxar fl-1628 huwa nnota li l-kappella kienet imwaqqa’.
Fi snin ta’ wara ma tissemma qatt iżjed. Kien hemm knejjes oħra li kienu ġew ipprofanati u waqgħu maż-żmien iżda baqgħu jissemmew. Iżda fuq il-knisja ta’ San Pawl propju ma jissemma xejn. Dan jagħti x’jifhem li kienet waqgħet għal kollox u forsi din kienet ir-raġuni li l-Isqof kien ordna li jinbena s-salib fl-istess post.
L-Isqof Cannaves jagħtina deskrizzjoni ta’ dan is-salib li kien inbena fil-post tal-kappella l-qadima. Huwa jgħid li quddiem iċ-ċimiterju tal-knisja kien hemm salib tal-ġebel fuq kolonna li kienet imdawwra b’pedistal bi tlett tarġiet. Fuq din il-kolonna, fin naħa ta’ fuq, kien hemm l-iskrizzjoni ‘Francsi Anto Cuniglio ’ u taħtha l-arma.
Tinbena l-Kappella mill-Ġdid
Iżda in-Naxxarin ma kellhomx idumu wisq mingħajr kappella ddedikata lil dan il-qaddis kbir. Id-devozzjoni kbira li kellhom l-antenati tagħna lejn Missierna San Pawl ma permettitx li f’dan il-post ma jkunx hemm knisja monumentali iddedikata lill-Appostlu tal-Ġnus, li skont it-tradizzjoni, minn għandu in-Naxxarin kienu minn ta’ l-ewwel li ħaddnu l-fidi ta’ Kristu.
Għall-aħħar tas-seklu sbatax, fi żmien il-Kappillan Dun Ġwann Dumink Mifsud, inbniet kappella oħra mhux tant 'il bogħod mill-antika. Dinin id-darba kienet iddedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl minflok għal Konverżjoni. Din hija l-kappella li hemm illum. Il-bini ta' din il-kappella x’aktarx li inbeda fl-1690. Nafu li fl-1696 kienu waslu sa fuq il-blata tal-bieb, liema data għadha tidher sal-lum. Il-bini kien lest fl-1699. Dan jikkonfermaħ l-Isqof Davide Cocco Palmieri fir-rapport iddettaljat li għamel waqt viżta pastorali li kien għamel f’dik is-sena. Hu qal li din il-knisja kienet għadha kemm inbniet mill-ġdid. Hu indikalna li kienet tinsab fin-naħa ta’ Miselmiet.
Il-Kappella
Il-Knisja kellha artal tal-ġebel u fuqu, bejn żewġ kolonni skolpiti tal-ġebel, kien hemm il-pittura tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Barra minn dawn kien hemm żewġ pitturi oħra fuq il-bibien tas-sagristiji. Dawn kienu juru lil San Ġwann Battista u San Pietru marbut bil-ktajjen.
L-Isqof Giacomo Cannaves fl-1716 jagħti aktar informazzjoni fuq il-pittura. Huwa jgħid li kienet tirrapreżenta lil San Pawl iżomm serpent f’id waħda u numru ta’ figuri madwaru. Il-pittura kellha wkoll l-armi tal-familja Testaferrata u Bonelli, u x’aktarx kienet mogħtija mis-sinjura Theresie Testaferrata Bonelli. Jgħid ukoll li t-tabernaklu li kien fuq l-altar tal-knisja kien iddekorat b’ pittura tal-Madonna.
Għall-ewwel kienu jintużaw il-paramenti sagri tal-knisja parrokjali, iżda maż-żmien il-kappella bdiet tkun armata sew. Dan kien possibli bil-ġenerożita tal-poplu, kif ukoll minn għotjiet partikulari ta’ individwi. Bil-mod il-mod persuni oħra bdew iħallu lill-kappella kemm għotjiet f’forma ta’ għelieqi jew djar, li mid-dħul tagħhom kienet tgawdi l-kappella, jew ukoll xi somma flus bħala kapital li tagħhom il-prokuratur tal-kappella kien jiġbor l-interessi. Hekk, per eżempju, diġa fl-1698 Vincenzo Gauci kien ħalla mandretta viċin il-kappella bl-obbligu li jinxtegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u jsir il-Vespri u quddiesa kantata f’jum il-festa.
L-istatwa tal-ġebel ta’ San Pawl li hemm quddiem il-kappella saret fi żmien Dun Ġwann Mifsud fl-1770 bi flus miġbur mill-poplu. Fis-17 ta’ Settembu ta’ l-istess sena Dun Ġwann kien għamel talba biex tingħata indulġenza ta’ erbgħin jum lil kull min jitlob quddiem l-istatwa ta’ San Pawl.
Il-Festi
Fl-għaxra ta’ Frar kienet issir il-festa titulari bil-kbir. Xi ġranet qabel il-festa tan-Nawfraġju kienet tinfetaħ il-kaxxa li kien hemm għal xi għotjiet. Imbagħad kienet issir ġabra mar-raħal, u waqt il-paneġierku fil-jum tal-festa, kienet issir ġabra oħra. B’kollox dan ġbir kien jitla' bejn wieħed u ieħor għal xi tmienja jew disa' skudi. Dan il-ġbir ta’ żmien il-festa kien ikun biżżejjed biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festa.

Il-Kappella kienet tkun armata bid-damak li kien jiġi misluf jew jinkera. Ħafna drabi kienu jbajdu jew inaddfu l-kappella. Minbarra l-għasar kantat u quddiesa bil-paneġirku li kien jagħmlu ħafna drabi l-kappillan tan-Naxxar, f’jum il-festa kienu ukoll jisparaw il-maskli. Fil-kontijiet ta’ din il-kappella wieħed jiltaqa' ma' ħlasijiet għal sufarelli, irdieden, u murtali minbarra l-maskli. Kienet issir festa kompluta. Fi snin aktar 'il quddiem, ngħidu aħna diġa fil-bidu tas-seklu dsatax, bdiet issir ukoll fjakkolata. Il-murtali kienu bdew jinqatgħu.
Minbarra l-festa titulari, fil-kappella kienet issir festa oħra bil-kbir ukoll. Din kienet il-festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill li kienet issir fil-Ħadd ta’ wara l-festa tal-Vitorja f’Settembru. Kien isir l-istess bħal fil-festa ta’ San Pawl, bil-paneġierku, tiżjin tal-kappella u ħruq tan-nar.
Il-Kappella Llum
Wara l-mewt ta’ Dun Ġwann Debono laħaq prokuratur Dun Ġużepp Sammut. Ftit wara li laħaq dan il-prokuratur sar id-dawl eletriku mar-raħal kollu u allura fil-kappella wkoll. Fl-1960 saru l-festi ċentinarji Pawlini ma’ Malta kollha. U ma naqasx li jsir xi ħaġa f’din il-kappella wkoll, li wara kollox hija marbuta mat-tradizzjoni Pawlina. Kienet saret quddiesa Pontifikali mill-Kardinal Perrin fil-pjazza ta’ quddiem il-kappella. Il-kwadru titulari , xogħol mill-isbaħ ta’ Francesco Zahra, kien wkoll ittieħed għall-wirja Pawlina li kienet saret b’xogħlijiet minn Malta kollha.
Mas-snin sittin bdiet era ġdida għall-kappella. Il-Markiż John Scicluna , li issa kien qed jgħix fil-villa tiegħu f’San Pawl tat-Tarġa, kien għamel fundazzjoni perpetwa biex isir il-quddies fil-kappella kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati. Għall-ewwel snin kienu jiġu patrijiet Kapuċċini jqaddsu kull nhar ta’ Ħadd, iżda mbagħad mill-1973 bdew iqaddsu l-Ġiżwiti, kif għadhom sal-lum. Fl-1963 il-Markiż għamel legat ieħor biex tibda' ssir quddiesa nhar l-ewwel ġimgħa tax-xahar. Il-Markiż ma waqafx hawn. Nistgħu ngħidu li issa hu kien il-benefattur prinċipali ta’ din il-kappella u għamel għaliha dak kollu li kien hemm bżonn.
Il-kappella ġiet imbajda minn ġewwa u saru bankijiet ġodda. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, sar altar ġdid ta’ l-irħam abjad maħdum fuq erba' kolonni f’għamla ta' mejda. Dan kien ġie kkonsagrat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-24 ta’ Novembru 1968. Sar tabernaklu ġdid, eżattament taħt il-pittura tat-titular, li ħa post il-kwadru antik tal-Madonna tal-Bon Kunsill. Dan tal-aħħar sab postu fil-ġenb. Minn Ortiset, fl-Italja, ġew l-erbatax il-stazzjon tal-Via Sagra. Inxtraw ukoll sett ġdid ta’ pjaneti stil gotiku, kalċi tal-fidda u pissidi, kif ukoll lampier tal-metall abjad. Wara l-bieb ewlieni saret antiporta tal-kewba. Saru imbagħad żewġ statwi ġodda ta’ San Ġuda Taddew u Santa Rita. Dawn kollha kienu għotjiet tal-Markiż.
Għeluq
Illum din il-Kappella nistgħu ngħidu li qegħda taqdi sew lil-kommunita ta’ din in-naħa. Mhux biss isir il-quddies, iżda wkoll it-tagħlim tad-duttrina lit-tfal ta’ dawn l-inħawi. Kif kienet fil-qedem isservi għall-bżonnijiet ta’ dawk li kienu jgħixu f’Ħal Miselmiet, illum qed isservi lil dawk li qed jgħixu f’ San Pawl tat-Tarġa.
Il-Kappella ta’ San Pawl tat-Tarġa
- Naxxar -
Kitba ta’ © Paul Catania. Ritratti © Caroline Camenzuli u mill-Internet
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
