Il-Knisja ta’ Santa Venera (il-Qadima)
- Santa Venera -
Knisja antika ħafna hija dik li sa ftit ilu kienet il-paroċċa ta’ Santa Venera. Din għandha storja u hija sabiħa ħafna. Din il-knisja tinsab fil-post imsemmi għaliha jiġifieri fil-lokal ta' Santa Venera. Ritratt © Stanley Spiteri Statwa ta’ Santa Venera Il-Madonna tal-Karmnu L-Orgni

Il-Knisja
L-ewwel Knisja nbniet għal ħabta ta’ l-1550, iżda maż-żmien twaqqgħet u reġgħet inbniet. Din li hemm illum bdiet tinbena 1659 u tlestiet 1688. Lispejjeż għaliha tħallsu bil-ġbir tan-nies. Ma' din il-knisja hemm kunvent tal-patrijiet Karmelitani li tela' bis-saħħa ta’ Fra Ġjakkin Vivas. Fra Ġjakkin kien eremita ta' San Kaloġeno, li ġie minn Sqallija flimkien ma' xi eremiti oħra u ma' xi nies Maltin li għexu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ l-Isqof.
Għalkemm il-knisja kienet tinsab f’post kemmxejn imwarrab, xorta kienet miżmuma tajjeb ħafna. Fatt importani huwa li din il-knisja qatt ma kienet ipprofonata u dejjem kienet sagramentali. Dan juri li n-nies li kienu joqodu fil-madwar u li kienu jiffrekwentawha kienu jagħmlu minn kollox biex iżommuha tajjeb u tifunzjona. Il-fatt li fiha nsibu pittura xogħol ta’ Mattia Preti, li kien l-istess pittur li kien ikkumissjonat biex ipitter is-saqaf tal-Knnisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt, ikompli juri kemm il-knisja ta’ Santa Venera kienet miżmuma tajjeb.
Minn ġewwa, l-knisja fiha daqqa t’għajn tajba, u għandha arkitettura sabiħa u eleganti. Sfortunatament m'għandniex informazjoni li tgħidilna min kien l-arkitett li ddisinjaha jew li bniha. Għalhekk nistgħu biss natribwixxu, jew naraw minn min seta' kien influwenzat, dak li ħażżeż il-pjanti tagħha. Meta wieħed iħares sewwa lejn l-arkitettura fil-knisja, jinnota li fiha ħafna influwenza mill-istil li kien jaħdem biħ l-arkitett Tumas Dingli. Dan jidher l-aktar fil-lavur tal-gwarniċar tal-friż, u fil-panewijiet tal-pilastri. Tumas Dingli min-naħa tiegħu kien influwenzat mix-xogħol ta’ Ġlormu Cassar, u ta’ ibnu Vitor Cassar.

Meta tqabbel il-pilastri ta’ fejn l-artal maġġur mal-pilastri li nsibu fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard, tinduna li dawn huma identiċi. Fihom naraw panew fit-tul kollu tal-pilastru. Meta wieħed iħares lejn is-saqaf u jifli sewwa t-taqsim tiegħu, jinnota ċertu xebħ ma' knejjes oħra li nbnew min Cassar jew Dingli. Għalhekk nistgħu naslu għall-konklużjoni li din il-knisja setgħet kienet jew xogħol ta’ Tumas Dingli jew inkella minn pjanta li żamm bħala mudell ix-xogħol tiegħu. Ħaga hija fiċ-ċert: din il-knisja ma tistax titqis bħala kappela li issib fil-kampanja. Id-daqs tagħha huwa wieħed mhux tas-soltu għal knisja li ma kinitx parroċċa fiż-żmien li inbniet fih.
Opri tal-Arti
Meta tħares lejn il-kwadri u xogħol ta’ skultura li issib fiha tinnota ċertu serjeta u eleganza. Sa mill-bini tagħha tidher li kienet intenzjonata li tkun imżejna kif jixraq u b’xogħol ta’ ċertu kwalita.
Il-kwadru titulari huwa biċċa xogħol tajba ħafna. Fih naraw il-figura ċentrali tal-qadisa Santa Venera b’idejha l-leminija fuq sidirha u b’ħarsitha lejn is-sema. Fejn saqajha naraw il-palma u l-ktib, it-tnejn siboli marbuta magħha. Fuq l-isfond naraw figura li qiegħda tipriedka, li x’aktarx hija Santa Venera stess. Fil-parti ta’ fuq naraw fil-glorja tal-ġenna lill-Madonna bil-Bambin u lil Sant'Anna li l-festa tagħha tiġi iċċelebrata fl-istess ġurnata ma' dik ta' Santa Venera, jiġifieri s-26 ta’ Lulju. L-awtur ta’ dan il-kwadru mhux magħruf b’ċertezza, iżda nsibu xi kitbiet li jssemu lil ċertu Mattijas bħala l-pittur.
Fuq il-kwadru titulari hemm apside forma ta’ nofs tond ċatta, li fiha naraw il-martirju tal-Qaddisa. Dan il-kwadru jingħad li pittru l-famuż Matija Preti. Meta wieħed iħares lejħ mill-ewwel jinduna li dan, jekk mhux xogħol tal-Preti innifsu, żgur li nħadem mill-iskola tiegħu. Fiħ naraw il-figuri kollha li Preti kien iħobb idaħħal fi kwadri li jitrattaw xi martirju. Fost dawn ninnutaw lill-manigold, tant komuni fil-pittura ta’ Preti. Insibu wkoll l-Imperatur, is-suldat u l-qassis tat-tempju, bil-figura t’alla falz f’idejħ. Id-data meta tpiter dan il-kwadru ma nafuhiex b’ċertezza, imma b’naqra sens komun nistgħu naslu qribha jekk mhux perfettament għaliha. Il-knisja kienet lesta mill-bini fl-1688 u nafu li l-pittur Mattia Preti miet f’ Malta fl-1699. Dan ifiser li dan il-kwadru seta tpitter f’dawk l-għaxar snin, bejn l-1688 u l-1699. Dan jagħmel sens, għax jidher li l-knisja kienet miżmuma tajjeb ħafna u għalhekk tqabbad jaħdem din il-pittura wieħed mill-iktar artisti msemmija ta’ dak il-perjodu.

Fuq l-artali tal-ġnub naraw żewġ kwadri oħra. Wieħed juri 'l Madonna tal-Karmnu, xogħol sabiħ ta’ Ġużeppi Cali li pittru fil-1912. Dan il-kwadru ħa post kwadru ieħor antik li kien iddedikat lil Santa Marija u li llum jinsab fis-sagristija. Fuq l-altar, faċċata dak tal-Karmnu, naraw il-kwadru ddedikat lil Marija Adolorata jew lil Kurċifis. Dan huwa kwadru li l-awtur tiegħu mhux magħruf. Imma mit-tempra tiegħu, jidher li min pittru kien ta’ kapaċita kbira.
Fil-knisja insibu wkoll żewġ kwadri tajbin li huma magħrufa bħala "tal-eremiti". Dawn setgħu kienu nġabu minn Napli minn patri Ġjakkinu Vivas li kien waqqaf l-eremitaġġ f’din il-knisja wara li kien ġie minn Napli. F’dawn il-kwadri naraw lil San Anton Abbati, u lil San Pawl, l-ewwel Eremita. Fil-knisja nsibu kwadru ieħor żgħir li juri lil San Ġużepp. Dan huwa xogħol ieħor ta’ Ġużeppi Cali, u jinsab imdendel fuq il-fonti tal-magħmudija viċin in-niċċa ta’ San Ġużepp.
Fis-sagristija nsibu kwadru importanti li juri lil San Kaloġeno. Dan il-qaddis kien il-protettur tal-eremitaġġ li kien waqqaf patri Vivas. Ikompli jżid l-importanza ta’ dan il-kwadru hu l-fatt li dan huwa mpitter dirett fuq l-injam. Din hija teknika tal-pittura qadima ħafna, u jista' jagħti l-każ li dan il-kwadru tpitter f’Napli, u patri Vivas kien ġabu miegħu mill-post oriġinali tiegħu. Nafu li fil-belt Taljana ta’ Napli San Kaloġeno igawdi devozzjoni kbira. Fis-sagristija nsibu wkoll kwadri oħra, fosthom dak ta’ Santa Marija, li diġa semmejna, li kien minflok il-kwadru tal-Karmnu li nsibu llum.
Insibu wkoll kwadri ta’ daqs iżgħar li juruna lill-Kunċizzjoni, lill-Missier Etern, lill-Madonna tar-Rużarju, lil San Ġużepp, San Mikiel u id-depożizzjoni ta’ Kristu. Fil-kunvent insibu kwadru sabieħ tal-Madonna tal-Karmnu u s-sett pittura tal-Via Sagra l-antika li qabel kienu imdendlin fil-knisja.
Statwi
F’din il-knisja nsibu wkoll diversi statwi sbieħ, fosthom dik ta’ San Ġużepp, xogħol l-istatwarju famuż Karlu Darmanin. Dan l-istatwarju kien mill-Isla imma kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu fi Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera. Minn dan il-post, Darmanin ħareġ ħafna mill-aqwa xogħolijiet tiegħu. Il-vara ta’ San Ġużepp li insibu f’din il-knisja inħadmet ukoll f’dan il-post fil-1890.
Darmanin ħadem ukoll l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesú, kif ukoll iż-żewġ anġli adoraturi mill-isbaħ li jintramaw fis-Sepulkru. L-istatwarju Vendriż Carmelo Galea kien ħadem il-vara ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesú. Din kienet saret fuq inizjattiva tas-Sur Borda, li kien jgħallem id-dutrina f’din il-knisja u li kellu devozzjoni kbira lejn din il-qaddisa Karmelitana li hija wkoll duttur tal-Knisja.
Fil-knisja nsibu ukoll vara sabiħa u qadima ħafna ta’ Marija Adolorata. Din il-figura tad-Duluri, bilqiegħda, hija devota ħafna. Kien sarilha intervent ta’ restawr għal diversi drabi. Insibu ukoll Kurċifiss antik li kellu l-ġogi jiċċaqalqu fi spallejħ. Dan kien jintuża fl-antik fil-funzjoni tat-tlett sigħat matul il-Ġimgħa l-Kbira. Wara kien jitniżżel minn fuq is-salib u jitqiegħed fuq sodda ta’ Kristu Mejjet, bl-idejn imniżżlin u paralleli mal-korp, fejn kien issir pellegrinaġġ bih. Statwa oħra hija ta’ Sant'Antnin ta’ Padova, li x’aktarx kienet inġiebet minn Leċċe fl-Italja.



Konklużjoni
Minn dan li għidna, wieħed jista' jinduna kemm il-Vendriżi kellhom, u għad għandhom, għal qalbhom din il-knisja. Jixdhu l-fatt li din il-knisja qatt ma ġiet ittraskurata u għaldaqstant ipprofanata mill-isqfijiet Maltin. Ir-rikkezzi artistiċi le semmejna li fiha huma wkoll xhieda ta' dan iżda wkoll jagħmlu 'l din il-knisja waħda mill-ġawhar moħbijin li għandna f'Malta.
Kitba © Mario Coleiro, Ritratti © Stanley Spiteri
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
