Il-Knisja ta’ San Bażilju hi ta’ żmien medjevali, u hi l-aktar knisja antika li nsibu fl-Imqabba. Din il-knisja tinsab fil-qalba ta’ l-Imqabba, u biswitha nsibu knisja żghira oħra, dik iddedikata lil San Mikiel. Fuq in-naħa l-oħra fejn hemm dawn iż-żewg knejjes, insibu sagristija antika li wkoll hija storikamnet importanti. Tgħaqqad dan il-kumpless hemm bitħa magħluqa, bħal zuntier, li tkompli ssebbaħ l-ambjent ta’ dawn l-knejjes. Ta’ min jgħid illi quddiem dawn iż-żewġ knejjes kienu ndifnu dawk l-imsejkna li mietu fil-flaġell tal-pesta tal-1675.

Id-dedika lil San Bażilju

st_basil_the_greatIl-qima lejn qaddisin mill-Orjent bħal San Bażilju, Santa Katerina u San Ġorġ Martri fil-gżejjer gżejjer Maltin tmur lura fiż-żmien u din x’aktarx ġejja minn influwenzi Sqallin, permezz tal-monaċi ta’ l-Ordni ta’ San Bażilju l-Kbir li fis-seklu tlettax, kienu fost l-ewlenin li kienu jiġġieldu ’l-musulmani u li għenu bis-sħiħ fit-tixrid mill-ġdid tar-religjon nisranija. Hija minħabba dawn l-influwenzi li nbniet din il-knisja medjevali fil-qalba ta’ l-Mqabba.

Oriġini

Jidher li l-knisja ta’ San Bażilju bdiet tinbena fl-1486, imma ġiet imkabbra għal iktar minn darba. Dan jikkonfermawh id-dati li nstabu, bħal ngħidu aħna d-data tal-1515, li nstabet mwaħħla mas-salib li qiegħed fuq il-knisja; u d-data tal-1551 li tinstab fuq il-kwadru titulari. Meta Monsinjur Dusina żar din il-knisja matul iż-żjara tiegħu tal-1575, sab li din il-knisja kienet l-ikbar knisja fl-Imqabba u li kienet mgħammra b’kollox: bibien, artal bi kwadru fuqu u anki qassis biex jieħu ħsiebha. Jidher li l-poplu ta’ l-Imqabba kien ressaq it-talbiet tiegħu lill-Monsinjur Dusina biex l-Imqabba tinqata' mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ u ssir parroċċa għaliha, iżda t-talba ma ntlaqgħetx. Iżda din ix-xewqa ntlaqgħet mill-Isqof Gargallo fl-1598 meta l-Imqabba saret parroċċa għaliha u l-knisja ta’ San Bażilju serviet bħala l-knisja parrokkjali tar-raħal, sakemm fl-1607 tlestiet il-knisja l-ġdida ta’ Santa Marija.


2007_0805KappelliMaltinMqabba0052

Ir-rapport tal-viżta ta’ l-Isqof Gargallo f’din il-knisja fl-1600 ikompli jitfa’ dawl kemm din il-knisja kienet popolari man-nies tar-raħal f’dak iż-żmien. Fir-rapport insibu li l-knisja kienet tinsab fi stat tajjeb ħafna u kellha tliet artali. L-artal maġġur kellu kwadru ta’ l-injam li kien juri lill-Madonna flimkien ma’ San Bażilju. L-artali l-oħra kienu ddedikati lill-Madonna tar-Rużarju u l-Viżitazzjoni tal-Verġni Mqaddsa lil Santa Eliżabetta. Dawn kellhom pittura kull wieħed, u jidher li dak tar-Rużarju kien jikkonsisti fix-xbieha tal-Madonna tar-Rużarju mdawra b’pitturi tal-ħmistax-il misteru tar-Ruzarju.

2007_0805KappelliMaltinMqabba0060Iktar informazzjoni dwar din il-knisja nsibuha fl-atti taż-żjara tal-Isqof Molina li żar din l-knisja fl-1680. L-Isqof Molina jsejjaħ din il-knisja bħala waħda mill-knejjes prinċipali ta’ l-Imqabba u qal li minn dejjem kienet marbuta ma’ qalb in-nies tar-raħal. Jidher li fiha kien isir il-quddies kull ġimgħa. Quddies ieħor kien jiġi ċċelebrat kull nhar l-14 ta` Ġunju u l-1 ta` Jannar, Jum il-Festa taċ-Ċirkunċiżjoni tal-Mulej.



Il-Knisja minn barra u minn ġewwa

San Bazilju_Mqabba4Meta wieħed jifli ċerti dettalji tal-faċċata ta’ din il-knisja, jinduna li dawn huma l-isbaħ xhieda tal-qedem tagħha. Dan jixhdu l-bieb tal-knisja li fuqu hemm skolpita arkata li tispiċċa bil-ponta. Aktar ‘il fuq mill-bieb hemm tieqa tonda għamla ta’ warda maqsuma f’sitt kustilji. L-istatwa fil-ġebel bl-erwieħ jissaffew fil-fjammi tan-nar jixhed biċ-ċar illi l-post kien jintuża bħala ċimiterju għall-vittmi tal-pesta li ħakmet l-Imqabba fl-1676.


Minn ġewwa l-knisja tieħu forma rettangolari b’arkati ppuntati li jixhdu l-influss Sikulu-Normann ta’ meta nbniet. Fuq dawn il-ħnejjiet forma ta’ arzella, jistrieħu x-xorok tal-knisja. 2007_0805KappelliMaltinMqabba0063


Il-kwadru titulari ta`din il-knisja, għalkemm ma fihx valur artisitiku, fih il-valur storiku, u fuq kollox hu kwadru qadim ħafna. Dan il-kwadru jirrappreżenta lill-Missier Etern, lill-Madonna bil-Bambin, lil San Ġużepp, lill-Erwieħ tal-Purgatorju, lil San Bażilju u lil Santu Rokku. Jidher li l-figura ta’ Santu Rokku, il-Qaddis Patrun ta’ l-impestati, żdiedet f’dan il-kwadru b`tifkira ta` dawk l-imsejkna li kienu ndifnu fiċ-ċimiterju ta’ din il-knisja, meta l-gżejjer tagħna ġew milquta minn dan il-flaġell tal-pesta. Interessanti hi s-sena 1551, li tidher fuq dan il-kwadru għax jista’ jkun li tfakkar is-sena meta din il-knisja ġiet imbierka, wara li ġiet imkabbra.

San Baziljugewwa_Mqabba3
Interessanti wkoll huwa artal laterali li jeżisti f’din il-Knisja ta’ San Bażilju. L-iskanell imtarraġ fuq in-naħa ta’ wara tiegħu hu rrepetut fuq in-naħa ta` quddiem, fil-mensa u bi gwarniċ tal-ġebel imiss ma’ l-istess mensa, huma kollha traċċi li jindikaw il-qedem ta’ dan l-artal. Il-knisja kienet ġiet restawrata fl-1860.




Restawr riċenti ta’ din il-Knisja

Fis-sena 2007, wara talba tal-Kapillan ta’ l-Imqabba, it-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru ta’ l-Infrastruttura wettqet xogħol estensiv ta’ restawr f’din l-knisja u dik ta’ San Mikiel li flimkien jagħmlu kumpless storiku fil-qalba antika tar-raħal ta’ l-Imqabba. Ir-riżultat aħħari issa qiegħed hemm biex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd.

Il-Knisja ta’ San Bażilju llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, u okkażjonalment tinfetaħ biex isir il-quddies fiha.

 Il-Kappella ta’ San Bażilju
- L-Imqabba -

Kitba © ta’ Roderick Busuttil, Ritratti © Caroline Camenzuli u Noel Ciantar

L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt