Il-Kappella ta’ San Dimitri
- L-Għarb, Għawdex -

Waħda mill-kappelli ħelwin li hemm ġewwa Għawdex hija bla dubju l-kappella ta’ San Dimitri, li tinsab fil-limiti tal-Għarb. Din qiegħda qalb il-kampanja, f’post mill-isbaħ, magħruf bħala "Kap San Mitri".

WEBStDemetrius2.jpeg
Oriġini

Din hi l-unika kappella fil-gżejjer tagħna li hi dedikata lil San Mitri li hu l-qaddis martri patrun tat-Tessalonkini fil-Greċja. Jidher li din il-knisja ġiet iddedikata lilu għax ħafna Għawdxin kienu jemmnu li setgħu jitolbuh ghall-qraba tagħhom li kienu nsterqu mill-furbani sabiex jiġu meħlusin mill-jasar u jerġgħhu lura fi ħdanhom. Ta’ min isemmi li Għawdex, forsi aktar minn Malta, kien ibati ħafna minn ħbit għal għarrieda tal-furbani li kienu jisirqu dak kollu li jsibu quddiemhom, anki nies. Fl-1551 kien sar attakk kbir mit-Torok u tista' tgħid li kaxkru lill-Għawdxin kollha.

DSCN3939Jidher li din il-knisja nbniet għall-ewwel darba fis-seklu ħmistax minn Dun Franġisk Depena. L-ewwel li tissemma l-kappella kien fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina fl-1575, fejn fir-rapport tiegħu, jissemma' li kienet fi stat ħazin. Il-kappella wara jidher li ġiet irrestawrata u baqgħet tintuża sa’ nofs is-seklu sbatax. Fl-24 ta’ Mejju 1657 saritilha żjara pastorali mill-Isqof Balaguer u ġiet ipprofanata billi nstabet f’kundizzjoni ħażina ħafna. Fid-29 t’April 1796 Dun Mario Vella, mlaqqam Ta’ Rmit, b’testment tan-Nutar Gavino Bonavita, ordna l-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja, u ħallielha legat ta’ ħames skudi fis-sena, għal xi tiswijiet li jistgħu jinqalgħulha minn żmien għal żmien.


DSCN3923



Fl-1800 reġgħet inbniet mill-ġdid. Din ġiet imbierka minn Dun Publio Refalo, Arċipriet ta’ l-Għarb, bħala delegat ta’ l-Arċisqof Mons. Ferdinando Mattei, nhar il-11 t’April tal-1809.


Il-Leġġenda marbuta ma' din il-Kappella

TurkishPirateLeġġenda antika, li hija msemmija minn Agius De Soldanis u li fuqha nkitbu xi poeżiji, kemm Mary Meilaq, kif ukoll Patri Ġorġ Delia S.J., tirrakkonta l-ħelsien mill-jasar ta’ żagħżugħ, li kien joqgħod qrib din il-kappella.

Il-Leġġenda tgħid li waħda mara xiħa jisimha Natalizja Cauchi, mlaqqma Żgugina, kienet toqgħod qrib il-kappella flimkien ma’ l-iben waħdieni tagħha li kien jismu Mattew. Dak iż-żmien it-Torok jew il-kursari ta’ Barbarija, kienu ta’ sikwit jaħbtu għal Għawdex, jinżlu għall-għarrieda, iħarbtu kulma jsibu, joqtlu, jaħarqu, u jġorru n-nies ilsiera.

Darba waħda niżlu l-art għall-għarrieda u daħlu għand Żgugina. Tefgħuha ma’ l-art bil-herra, ħatfu lil binha, u ġrew bih għal fuq ix-xini tagħhom, u salpaw ’il barra minn xtutna.

L-imsejkna Żgugina, mifluġa bil-għali, marret tibki u tolfoq fil-kappella ta’ San Dimitri u bdiet titlob bil-ħerqa: “San Dimitri, San Dimitri, ġibli lura ’l ibni, u nixgħellek qasba żejt”.

WEBstdemetrius.jpegSan Dimitri semagħha għax dehrilha li qed tarah jiċċaqlaq fil-kwadru, u bid-daħka f’fommu ħareġ biż-żiemel b’kollox u telaq ilebbet minn fuq il-blat, u wara, fuq il-baħar, wara l-gifen Tork. Ftit wara reġa’ lura bit-tfajjel f’dirgħajh, u taħ lil ommu. Imbagħad reġa’ daħal fil-kwadru. Iżda l-marka tan-nagħal taż-żiemel baqgħet tidher fil-blat.

Wara xi żmien, saret theżżiża ta’ l-art, u l-blata li fuqha kienet mibnija l-knisja, inqalbet u għerqet fil-baħar, iżda l-knisja, għalkemm għerqet ukoll, baqgħet sħiħa taħt il-baħar, u l-baħrin u s-sajjieda ta’ spiss kienu jaraw tixgħel il-lampa ta’ Żgugina. Min jgħid li kienet tidher fuq l-art, u kien hemm min saħansitra jgħid li tidher taħt l-ilma.


Il-Kappella

Il-kappella minn barra għandha arkittetura sempliċi, b’zewg pilastri, wieħed fuq kull naħa. Fuq il-bieb insibu tieqa tonda, li ddawal il-knisja minn ġewwa. Hemm ukoll kampnar żgħir fin-nofs li fih qanpiena u salib fuqu.

DSCN3935



DSCN3936Din il-Kappella żgħira għandha saqaf troll, u għandha wkoll sagristija żgħira warajha. Il-paviment tagħha huwa tal-madum, li tqiegħed f’April 1935. Il-ħitan huma miksijin bil-mużajk. Din il-knisja għandha altar wieħed, tal-ġebel, u quddiemu nsibu artal mejda skont ir-regoli ta' wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni. Fuq barra il-knisja għandha zuntier ħelu li minn fuqu tista’ tammira l-veduta sabiħa ta’ kampanja li ddawwar din il-kappella. Fil-bogħod wieħed jista' jara l-Fanal tal-Ġordan.


DSCN3949



DSCN3927Il-pittura titulari ta' din il-knisja turi 'l San Dimitri. Din tpittret minn pittur mhux maghruf fl-1810. Fuq il-pittura hemm id-data 1810 li tikkonferma meta kien sar dan il-kwadru. Fin-naħa ta’ fuq tal-pittura naraw lil San Dimitri riekeb fuq iż-żiemel waqt li fil-parti t’isfel, fuq il-lemin, naraw mara xwejħa titlob (Żgugina), u fuq ix-xellug naraw liż-żagħżugħ binha bil-ktajjen ta’ lsir. Li hu interessanti f’din il-pittura hu l-ilbies tal-mara xwejħa: din liebsa l-għonella u l-velu f’rasha, jiġifieri ilbies karatteristiku tan-nisa tad-dsatax-il seklu u mhux ilbies ta' żmien aktar bikri meta l-attakki mill-furbani kienu jseħħu tassew. Fid-dsatax-il seklu, l-attakki mill-furbani fuq Malta kien ilu li spiċċa. Dan l-anakroniżmu artistiku issibu regolarment fil-pittura u kienet prattika aċċettata. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1937 minn l-Għawdxi Wistin Camilleri.

Minbarra t-titular, insibu diversi pitturi oħra bħal dik ta’ San Aristarku u dik ta’ San Pawl. Hemm ukoll pittura ta’ Marija Assunta u oħra moderna tal-Martirju ta’ San Dimitri. Fis-sagristija tal-knisja hemm ukoll kwadru ieħor sabiħ tal-Wiċċ ta’ Kristu.

Ritratt © Caroline Camenzuli

DSCN3930

DSCN3934

DSCN3931

San Aristarku

San Pawl

Santa Marija




Il-Festa

F’din il-kappella tiġi ċċelebrata kull sena l-festa ta’ San Dimitri li taħbat fit-8 t’Ottubru. Din tiġi ċċelebrata bil-kbir min-nies tal-Għarb fit-tieni Ħadd t’Ottubru. Għal din l-okkażjoni l-knisja tiġi mżejna u jkun hemm quddiesa kantata. Għall-festa jattendu bi ħġarhom ħafna Għawdxin. Dan l-aħħar kien qed ikun hemm ukoll il-banda li ddoqq marċi brijjużi.

Ritratt © Caroline Camenzuli

DSCN3948

DSCN3950

DSCN3946




Din il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba iżda tintuża biss f’okkażjonijiet speċjali bħal tiġijiet u irtiri. Ma jsirx quddies regolari fiha. Ir-Rettur tagħha hu Rev. Achille Cauchi.

Kitba © ta’ Joe Brincat; Ritratti © Caroline Camenzuli
Ritratti oħrajn mhux attribwiti: mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt