Waħda mill-isbaħ fost il-kappelli ta' stil Barokk li nsibu fl-irħula tagħna żgur li hija dik li tinsab f'Ħal Għaxaq u li hi ddedikata lil San Filippu Neri. Wieħed jista’ jsibha f'misraħ li tista' tilħqu mit-triq li tinsab fuq wara tal-Knisja Parrokkjali jew li tidħol għalih mit-triq li tibda mit-triq tal-Barrani, tgħaddi minn ħdejn il-Kappella ta' Santu Kristu u tibqa’ dieħel fir-raħal.

 
St Philip Neri Ghaxaq facade



Oriġini

Il-kappella bdiet tinbena fit-23 ta’ Jannar ta' l-1761 minn Dun Ġwann Filippu Zammit Mifsud fuq biċċa art li kienet proprjeta tal-familja, u tlestiet wara tmintax-il xahar, fit-3 ta’ Lulju tal-1762. Il-perit kien Sebastiano Saliba, l-istess wieħed li għamel il-pjanta tal-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Għaxaq stess u l-bennej kien missier Dun Ġwann Filippu. Il-kappella tbierket nhar id-29 ta’ Mejju 1763 minn Dun Ġwann Filippu stess.
 
Il-Kappella minn ġewwa

Il-kappella għandha pjanta ċċentraliżżata b'pilastri ggruppati ta' stil Joniku mal-ħitan u li fuqhom tistrieħ entablatura għolja. Minn sekond'ordni baxxa jitilgħu erba' arkuni u erba' pendentivi li jerfgħu l-koppla bil-anterna.

St Philip Neri Ghaxaq int 2



Fuq il-bieb hemm gallerija tal-orgni li tibqa' ddur maż-żewġ ħitan tal-ġenb u li minnha wieħed jista' jidħol fid-dar li Dun Ġwann Filippu bena mal-kappella. Hemm kor li fih hemm l-artal uniku. L-apside hu ddekorat bi skultura bir-raġġi, salib u żewġ anġli. Fil-kappella wieħed jista' jara aktar skultura fina fil-ġebla Maltija, fil-gwarniċi ta' madwar il-kwadri, fis-saljaturi ta' taħt il-gallerija u fuq il-bibien.
 
St Philip Neri Ghaxaq Gallery



Kwadri fil-kappella

It-titular hu artistiku ħafna u hu xogħol ta' Rocco Buhagiar (1725-1805). Dan juri il-Madonna bil-Bambin u San Filippu Neri u ħafna anġli. Taħtu hemm sotto-kwadru ta' San Ġwann l-Evanġelista. Dawn huma ż-żewġ qaddisin ta' l-isem ta' Dun Ġwann Filippu. Mal-ġenb tat-titular u fuq il-bibien li jagħtu għas-sagristija hemm żewġ kwadri oħra, ukoll mill-pinzell ta' Rocco Buhagiar, li juru lil San Ġużepp u lil San Alwiġi Gonzaga. Fil-kappella hemm ukoll sett ta' kwadri tal-Via Sagra.

Ritratt © Anthony M. Brincat

St Philip Neri Ghaxaq St Joseph

St Philip Neri Ghaxaq tit ptg

St Philip Neri Ghaxaq St Aloysius

San Ġużepp

Il-Kwadru Titulari

San Alwiġi Gonzaga




Il-Kappella minn barra
 
DSCN5426FrMartinMicallefId-dehra tal-kappella minn barra mhi xejn inqas sabiħa mill-ġewwieni. Quddiem il-bieb hemm portiku li fin-nofs għandu arkata għolja, b'żewġ pilastri Doriċi fil-ġenb u li fuqhom hemm frontispizju triangolari. Fih hemm kitba li tgħidilna li din il-kappella hija affiljata mal-Bażilika Rumana tal-Lateran. Il-portiku fiħ erba' fetħiet oħra, tnejn fil-faċċata u tnejn fil-ġnub li f'kull waħda hemm tliet kolonni Doriċi. Fuq il-pilastri tal-ġenb ta' dan il-portiku naraw żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali li jingħaqdu mal-frontispizju tan-nofs b'żewġ kurvaturi ta' stil Vignola.

Il-faċċata proprja tal-kappella għandha bieb kwadru li fuqu hemm cartouche u pediment triangolari. Il-parti ta' fuq għandha żewġ pilastri twal Doriċi li jispiċċaw f'żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum, u li warajhom hemm speċi ta' piramidi skolpiti qishom ilsna tan-nar. Fin-nofs hemm pediment Barokk li fih hemm l-arma Papali. Taħtu hemm tieqa għolja bi gwarniċ tal-ġebel maħdum. Il-gwarniċa li hemm fin-naħa ta' fuq ta' din il-faċċata ddur mal-binja kollha iżda hi xi ftit ġejja bħala arkata fin-nofs fuq it-tieqa.
DSCN5429FrMartinMicallef
Wara l-faċċata, mingħajr ma hija mgħottija, tidher il-koppla mibnija fuq tanbur ottagonali li fuq it-tarf tiegħu għandu dawra ta' balavostri. Fuq kollox tiddomina lanterna pproporzjonata, bit-twieqi u li fuqha hemm salib bażilikali. Fuq il-ħajt li jħares lejn nofs in-nhar hemm kampnar b'qanpiena waħda.
 
Il-Kappella ssir Bażilika Minuri

Jingħad li Dun Ġwann Filippu kien iħobb imur għall-kaċċa u għalhekk kien iqaddes kmieni ħafna u għall-quddiesa tiegħu kienu jmorru ħafna rġiel li kienu kaċċaturi bħalu. Din ma tantx kienet togħġob lill-kappillan li ordnalu biex ma jkomplix. Biex jinħeles mill-ġuriżdizzjoni tal-kappillan u tal-isqof, huwa ħadem, bl-għajnuna ta' xi kavallieri ħbieb tiegħu, biex il-kappella ssir filjali tal-Bażilika Rumana tal-Lateran. Hu akkwista dan id-dritt fl-1769. Dun Ġwann Filippu miet nhar id-9 ta' Diċembru 1782 u ndifen fil-kappella li hu kien bena. Irħama sabiħa tgħatti l-qabar tiegħu.
 
Il-kappella llum

Il-kappella, li hija benefiċjali u ta' ġuspatronat, hija miżmuma tajjeb ħafna u r-rettur tagħha hu Dun Angelo Vella. Kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar isir jum ta' Espożizzjoni tas-Sagrament u fil-Ġimgħa Mqaddsa jkun hemm wirja ta' statwi tal-Ġimgħa l-Kbira.


Kitba © Anthony M. Brincat. Ritratti © Anthony M. Brincat u Fr. Martin Farrugia
 

Il-Kappella ta’ San Filippu Neri
- Ħal Għaxaq -

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small