Din il-knisja ddedikata lill-Appostlu San Ġakbu tinsab fin-naħa ta' fuq ta' Triq il-Merkanti, kantuniera ma' Triq Melita, ftit 'l isfel mill-Bereġ tal-Italja u ta' Kastilja.

Oriġini tal-Knisja

Il-knisja li hemm llum nbniet bejn is-snin 1709-1710, iżda f'dan il-post kien hemm oħra li kienet nbniet fl-1612. Ħafna awturi kitbu li l-arkitett tagħha kien il-Malti Giovanni Barbara, iżda llum nafu bi żgur li dan ma kienx hu, iżda kien il-perit tal-Ordni, it-Taljan Romano Carapecchia li tana knisja mill-isbaħ fl-istil tal-Barokk Ruman. Dan il-perit ħallielna kappelli oħrajn f'pajjiżna fosthom Santa Katerina u Santa Barbara, it-tnejn fi Triq ir-Repubblika, Santa Katerina d'Italia u l-Knisja tal-Vitorja ħdejn il-Berġa ta' Kastilja, il-Knisja tal-Madonna tal-Pilar fi Triq il-Punent, il-Knsija ta' Sant'Antnin ta' Padova fil-Forti Manoel u l-Knisja ta' San Pietru f'Ħal Lija, u kif ukoll palazzi u bini ieħor fil-Belt u f'irħula oħra.

Il-Faċċata


San Gakbu_Valletta3



Il-knisja hija sabiħa minn ġewwa u għalhekk ma jonqosx li tkun sabiħa wkoll minn barra. Carapecchia fassal faċċata mill-isbaħ fejn it-tiżjin kollu tal-Barokk ma jonqosx. Fiha nsibu pilastri ggruppati, niċec, tieqa imponenti, u skultura mill-ifjen. Hija mibnija fuq żewġ sulari. Fin-naħa t'isfel insibu l-bieb imżejjen bl-iskultura u fuqu hemm pediment triangulari maqsum li terġa’ fih insibu pediment segmentali. Pilastri komposti iggruppati jifirdu din il-parti kif ukoll it-tieni sular fi tliet biċċiet. Fil-ġenb tal-bieb hemm żewġ niċeċ vojta, it-tnejn bil-pilastri u saljaturi fil-ġnub u b'pediment segmentali fuqhom. Fit-tieni sular fin-nofs naraw tieqa għolja li fuqha hemm l-arma tal-Lingwa ta' Kastilja miżmuma minn żewġ angli u fuqhom, għal darb'oħra l-arzella. Fil-ġnub tat-tieqa Carapecchia daħħal żewġ panewwijiet bl-iskultura.

Fuq nett tal-faċċata nsibu pediment jew frontispizju segmentali maqsum u fin-nofs pedestall li xi darba kellu salib. Il-ħajt tal-knisja li jagħti fuq Triq Melita huwa wkoll maqsum fuq żewġ sulari u t-tiżjin ukoll m'huwiex nieqes. Fl-antik il-knisja kellha taraġ quddiem il-bieb bħalma hemm quddiem il-knisja tal-Vitorja. Il-knisja għandha sagristija kbira li fiha hemm miżmuma l-armar tal-knisja u apparat ieħor, fosthom ventartal, pjaneta u żewġ dalmatiċi ħomor li kienu rigal tal-Gran Mastru Emanuel Pinto de Fonseca, u li jġibu l-arma familjari tiegħu, iżda li fi tnejn minnhom il-pożizzjoni tas-salib tal-Ordni u tal-ħames qmura hija bil-maqlub. Fis-sagristija hemm irħama li tgħid li l-knisja oriġinalment inbniet mill-Gran Prijur tal-Ordni, Fra Pietro Gonzales de Mendoza.

Il-Knisja minn ġewwa

WebSanGakbuFXCD0012Il-knisja nbniet fuq biċċa art rettangolari iżda minn ġewwa għandha forma elittika, b'żewġ daħliet fil-ġnub u b'kor fond. Tmien pari ta' pilastri skont l-ordni Kompost, jerfgħu l-entablatura għolja li fuqha hemm l-attiku jew sekond'ordni. li fih sitt twieqi li jimlew il-knisja bid-dawl naturali, u minn hemm titla’ l-koppla elitika li hi nkurunata minn anterna għolja. Id-doppji pilastri tal-knisja u tal-attiku huma rrepetuti fil-koppla f'għamla ta' kustilji. Bejn id-doppji pilastri hemm erba' bibien u fuqhom gallerija bil-balavostri tal-injam. Hija ħaġa kurjuża li l-ispazju ta' wara ta' dawn il-galleriji huwa msaqqaf b'koppletti. F'ħafna spazji tal-knisja nsibu ħafna skultura ta' anġli (fil-fatt il-figura tal-anġlu tispikka ħafna fid-dekorazzjoni ta' din il-knisja, kemm ġewwa kif ukoll barra), armi, fjuri u weraq, ħafna minnhom indurati.

WebSanGakbuFXCD0016Il-kor huwa wieħed mill-isbaħ li ghandna fil-kappelli Maltin. Il-perspettiva jew reredos hija miksija minn fuq s'isfel bl-irħam fin, kif ukoll huwa l-artal waħdieni li hemm, li huwa artal ipprivileġġjat. Bejn żewġ plastri għoljin skont l-ordni Kompost jispikka ħafna l-kwadru titulari fejn il-pittur Fjorentin Filippo Paladini jagħtina l-figura monumentali tal-Appostlu San Ġakbu fid-daħla ta' għar iżomm il-bastun tal-pellegrini u anġlu li jżomm f'idejh il-palma, simbolu tal-martirju. Fuqu hemm tliet anġli fuq is-sħab u aktar 'il fuq l-arzella u żewġ anġli oħra li jżommu salib bażilikali. Sbieħ ħafna huma ż-żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum li jħarsu 'l barra. Dan ir-reredos jew perspettiva huwa mżejjen b'ħafna skultura oħra indurata.

Taħt it-titular hemm inkwatru ovali ta' pittura biż-żejt fuq il-kanvas tal-Madonna tad-Duluri, li huwa kopja ta' pittura famuża li tinsab Madrid u magħrufa bħala l-Madonna ta' Solidad. Din ix-xbieha nġiebet Malta fl-1646 minn Kjerku tal-Ordni, li kien ħelisha minn idejn xi suldati li kienu qed jiddisprezzawha billi jagħtuha daqqiet bix-xwabel tagħhom. Fil-fatt dawn id-daqqiet jew tiċritiet żgħar għadhom jidhru. Il-Kavallieri kellhom devozzjoni speċjali lejn din ix-xbieha u fl-1795 kienet twaqqfet f'din il-knisja, Frattelanza tad-Duluri. Sa ftit snin ilu kienet għadha ssir il-festa f'jum id-Duluri tar-Randan. Fil-faċċata tal-mejda tal-artal hemm medaljun tal-bronż li juri lill-Madonna u żewġ anġli. Dan il-kor huwa msaqqaf b'abside bil-kustilji u li fuq fih nofs anterna li tagħtih id-dawl, kif ukoll żewġ twieqi oħra żgħar fil-ġenb.


WebSanGakbuFXCD0013

WebSanGakbuFXCD0015




L'Istituto Maltese di Educazione Cattolica

F'din il-knisja fl-1839, il-Patri Ġiżwita Massimiliano Ryllo kien waqqaf istitut għat-tagħlim tad-duttrina lit-tfal subien. Dan kien taħt il-ħarsien tal-Qalb bla Tebgħa ta' Marija. Il-pittur Taljan Attilio Palombi kien pitter xbieha tal-Madonna mdawra minn ħames subien libsin is-suttana kaħla skura bil-pulzieri u buttuni ħomor u l-ispellizza, li kienu jilbsu t-tfal tal-kor tal-kant tal-istitut. Dan il-kor tal-kant kien magħruf ħafna man-nies tal-Belt Valletta u kien jieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-Gara Kateketika u fil-festi tal-Istitut, fosthom il-jum li fih it-tfal kienu jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Il-kor kellu surmastrijiet magħrufa fosthom Carlo Diacono li kkompona l-innu tal-istitut, “Voce dall'Alto”, fuq kliem tal-poeta Karmelitan il-Prof. Anastasju Cuschieri. It-tfal kien ikollhom it-tagħlim tad-duttrina matul il-ġimgħa, il-qrar nhar ta' Sibt u l-Quddiesa l-Ħadd fil-għodu. Hija ħasra li dan l-istitut m'għadux jeżisti.

Il-Knisja Llum

Il-knisja tintuża kuljum billi fiha titqaddes quddiesa f'nofs in-nhar, u nhar ta' Ħadd ikun hemm quddiesa għall-komunità Taljana li tgħix f'pajjiżna


Nota:
Referenzi marbuta ma' din il-paġna jinsabu akkreditati fil-paġna tar-referenzi

 Il-Knisja ta' San Ġakbu
- fil-
Belt Valletta -

Fr. Ivan D. Aquilina kitbilna mill-Ingilterra (6 t’Ottubru 2007):

labre-smQrajt l-artiklu dwar San Ġakbu tal-Belt fi Strada Merkanti. Storja ħelwa ħafna dwar din il-kappella hija dik ta' meta ġie Malta San Ġużeppi Benedittu Labre`. Dan kien iqatta` ħafna ħin fit-talb fil-knisja tal-Ġiżwiti, imma wkoll kien ipoġġi sabiex jiekol u jistrieħ fuq it-taraġ tal-knisja ta' San Ġakbu il-għaliex dan il-qaddis ħelu kien dak li llum insejħulu "homeless".

Id-Direzzjoni fittxet ftit aktar informazzjoni dwar dan il-qaddis u l-konnessjoni tiegħu ma' Malta u fuq il-Website tal-Bażilika ta' San Ġorġ Martri, Għawdex sibna dan:

Ġużeppi Benedettu Labre' twieled f'Boulogne Franza fis-26 ta' Marzu tal 1748 u miet f'Ruma fis-16 t'April tal-1783 fejn indifen fil-Knisja ta' Santa Maria dei Monti. Sar qaddis mill Papa Ljun XIII fl-1881. F'żogħżitu pprova kemm il-darba jidħol f'xi monasteru, fosthom tat-Trappisti u taċ-Ċisterċensi, iżda qatt ma tħalla għax jidher li ma kienx addattat għal ħajja monastika peress li kien maħsub li ma kienx mentalment kompletament stabbli. Għalhekk, taha għall-ħajja fqira bħala pellegrin, jittallab biex jiekol u jorqod barra. Hu l-qaddis protettur tal-pellegrini kif ukoll dawk morda minn mard mentali jew psikiku.

labre1



L-Għawdxin tal-Parroċċa ta' San Ġorġ jiċċelebraw ukoll il-festa tiegħu f'jum mewtu. Għandhom ukoll kwadru tiegħu maħdum minn artist mhux magħruf li iżda sar fl-1882, sena wara l-kanonizzazzjoni tiegħu. Skont it-tradizzjoni tal-Għawdxin, jgħidu li dan il-qaddis, meta ġie f'pajjiżna kien iqatta ħafna ħin f'adorazzjoni tas-Sagrament fil-Bażilika ta' San Ġorġ Martri, ħdejn l-altar tal-erwieħ fejn illum hemm l-istatwa ta' Sant'Antnin ta' Padova. F'Għawdex jingħad li kien joqgħod fil-Kamra tal-Lampa fin-naħa t'isfel ta' Triq ir-Repubblika (illum Triq Fortunato Mizzi). Uħud oħrajn isostnu li kien jorqod barra fuq iż-żuntier tal-knisja ta' San Ġorġ. Oħrajn igħidu li ġie li ssakkar ġewwa l-knisja mis-sagristan li ma kienx ikun induna bih jitlob. Jingħad ukoll li raġel Għawdxi ta' fama qaddisa, Girgor Buttigieg min-Nadur ukoll kien iħobb jagħmel sigħat t'adorazzjoni tas-Sagrament fl-istess post fejn Labre jingħad li kien jitlob.

Leġġenda Għawdxija, ppublikata mill-mibki Ġorg Pisani fil-ktieb tiegħu "Mill-Gżira tal-Ħolm" tirrakkonta kif darba waħda, kif Labre kien għaddej minn triq dejqa biswit il-Bażilika (probabli minn Il-Mandraġġ) ra armla fqira tipprepara naqra minestra għal uliedha. Labre talabha ftit ikel u minkejja li din kienet diġa ser tibqa' bin-nieqes hi biex titma 'l uliedha, xorta waħda glitlu platt minestra magħhom. Il-qaddis qal it-talba iżda f'daqqa waħda l-qaddis sparixxa. Minflok il-minestra sabu biċċiet tad-deheb u l-fidda, li setgħu imantnu 'l dik l-armla ġeneruża għal ħafna żmien wara. Ippruvaw ifittxu l-qaddis biex jirringrazzjawħ iżda ma sabuħx.

http://www.stgeorge.org.mt/news_details.aspx?NewsID=1139

Kitba © ta’ Anthony M. Brincat; Ritratti © Anthony M. Brincat, Roderick Busuttil

L-aħħar tibdil sar
08 September 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small