Fir-raħal ta’ Marsascala nsibu diversi kappelli. Fost dawn insibu dik iddedikata lil San Gejtanu ta’ Thiene. Din il-kappella rurali, li hi l-unika waħda f’Malta ddedikata lil dan il-qaddis tal-providenza apparti l-kniska parrokkjali tal-Ħamrun, tinsab fl-inħawi tar-Ramla ta’ San Tumas viċin it-Torri Mamo. Ritratti © Fr. Martin Micallef San Pawl Sant’Antnin ta’ Padova

San Gejtanu
Il-kult lejn dan il-qaddis f’pajjiżna l-iktar li nsibuh hu fil-Ħamrun fil-parroċċa ddedikata lilu. Insibu wkoll din il-kappella f’Marsascala. Gejtanu twieled f’Vicenza fl-Italja fl-1480 u kien wild familja nobbli. Iżda f’ħajtu l-iktar li kien jagħmilha kien mal-familji fqar u ‘l dawn kien jgħinhom ħafna. Dan tah it-titlu ta’ “l-qaddis tal-providenza”. Kien waqqaf l-Ordni tat-Teatini fl-1524 li l-għan tagħhom kien li jieħdu ħsieb il-morda, iħeġġu n-nies għall-konverzjoni u biex iħeġġuhom jersqu lejn l-Ewkaristija. Nhar il-Milied tal-1518, meta kien qed jitlob fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, kellu viżjoni tal-Madonna li tagħtu fi ħdanu lil binha l-Bambin Ġesł. Hu kellu x-xorti li jerġa’ jgħaddi minn din l-esperjenza fil-festa tal-Epifanija u taċ-Ċirkunċiżjoni ta’ Ġesł Kristu.
Ħafna drabi ‘l San Gejtanu fl-ikonografija u fl-istatwi jiġi rrapprezentat għarkubtejh jirċevi lil Bambin Ġesł mingħand Sidtna Marija Santissima. Hu ħalla din id-dinja nhar is-7 t’Awwissu tal-1547. Hu ġie ddikjarat Beatu mill-Papa Urbanu VIII fit-22 ta’ Settembru 1629. Wara, fit-12 t’April 1671, ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Klement X.
Oriġini tal-kappella
Fis-sena 1657, meta l-Beatu Gejtanu kien għadu ma ġiex iddikjarat qaddis, Ġorġ Mamo bena din il-kappella viċin it-Torri Mamo, mibni minnu ukoll. Il-familja Mamo kienet familja sinjura tas-seklu sbatax u kellha ħafna artijiet f’dawn l-inħawi.
Mhux magħruf x’ħajjar lil Ġorġ Mamo jibni din il-kappella u jiddedikaha lil Beatu Gejtanu, iktar u iktar meta dan ġie ddikjarat qaddis erbatax-il sena wara li attwalment inbniet il-kappella. Li hu żgur hu li din il-kappella kienet l-ewwel u l-unika kappella li hawn iddedikata lil dan il-qaddis u saħansitra kienet teżisti wkoll qabel ma ġiet mibnija il-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
Minħabba l-post fejn tinsab il-kappella hu viċin il-baħar, din il-kappella saret popolari ħafna mas-sajjieda. Mal-faċċata tagħha għadna nistgħu naraw graffiti ta’ xwieni. Dawn kienu forma ta’ ex voto u kienu jsiru wara li kienet tinqala’ xi grazzja. Ta’ min jgħid illi din il-forma ta’ ex voto mhux popolari daqs il-kwadri tal-wegħda, iżda mal-faċċati ta’ diversi kappelli li nsibu fil-gżejjer tagħna għadna naraw ħafna minn dawn il-graffiti.
Din il-kappella hi ġuspatronat.
Il-Kappella minn barra u minn ġewwa
Il-kappella, għalkemm mhux kbira ħafna, għandha faċċata ħelwa ħafna. Il-faċċata tikkonsisti f’żewġ pilastri ta’ stil joniku li jerfgħu entablatura. Fin-nofs hemm kampnar iddekorat b’qanpiena żgħira u fuqu hemm salib tal-ġebel. Hemm ukoll żewġ piramidi tal-ġebel forma ta’ fjammi tan-nar. Fuq il-bieb hemm pediment triangulari. Mal-ġnub tal-bieb hemm żewġ twieqi, waħda fuq kull naħa li kienet tippermetti lill-pellegrini biex ikunu jistgħu jinvistaw il-kappella anki meta din tkun magħluqa. Fil-ġenb tal-knisja għadna nistgħu naraw xi mwieżeb tal-ilma forma ta’ kanuni. Fuq wara tal-kappella hemm sagristija żgħira.
Minn ġewwa l-kappella hi żgħira imma sabiħa. Għandha altar wieħed tal-ġebel bil-kwadru titulari li juri lil San Gejtanu fil-glorja mdawwar minn xi putti. Ta’ min jgħid li dan il-kwadru skura maż-żmien u forsi wieħed jista’ jissugerixxi li jekk possibbli jiġi rrestawrat. Il-kwadru hu mdawwar bi prospettiva sempliċi tal-ġebel u fil-parti ta’ fuq jidher anġlu li qed iżomm l-isem “Sancte Gaetanus”. Maġenb it-titular hemm żewġ kwadri oħra, wieħed fuq kull naħa li juru lil San Pawl u lil Sant’Antnin ta’ Padova. Ma rnexxilniex insibu informazzjoni dwar l-awturi ta’ dawn il-kwadri. Il-kappella għandha saqaf troll bl-arkati jistrieħu fuq gwarniċa li ddur mal-knisja. Il-knisja għandha żewġ twieqi żgħar mas-saqaf li jagħtu dawl lill-kappella peress li m’għandiex tieqa mal-faċċata.

Il-kappella fis-seklu għoxrin
Din il-kappella, fi żmien it-tieni gwerra dinjija bħal ħafna knejjes oħra, sofriet ħsarat kbar imma fortunatament ma ġġarfitx għal kollox. Wara l-gwerra kellu jsir ħafna xogħol fuqha u saru ukoll xi alterazzjonijiet.
Ta’ min isemmi li fl-antik f’din il-kappella kienet issir il-festa ta’ San Gejtanu fil-jum liturgiku tiegħu li hu s-7 t’Awwissu. Din kienet baqgħet issir sa ftit snin wara l-gwerra. Llum din il-festa m’għadhiex issir.
Matul is-snin tmenin kienet inbniet kamra ċkejkna li kienet tintuża minn xi saċerdoti li kienu jixtiequ jagħmlu ġurnata fil-kwiet u fil-ġabra m’Alla, minħabba l-ambjent sabiħ ta’ madwar il-kappella. Imma din xi snin wara din il-kamra miżjuda reġgħet tneħħiet għax ma kinitx taqbel mal-estetika tal-kappella u bdiet tistona.
Il-Kappella tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u fiha għadu jsir il-quddies kull nhar ta’ Sibt fil-għaxija.

Il-Kappella ta’ San Gejtanu
- Marsascala -
Kitba © Roderick Busuttil; Ritratti © Roderick Busuttil u Fr. Martin Micallef.
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



