L-unika kappella li nsibu fil-Belt ta’ l-Isla hija dik iddedikata lil San Ġiljan, li tinsab fi Triq San Ġiljan kantuniera ma’ Triq iż-Żewġ Mini.

Oriġini

Waħda mill-knejjes antiki li hawn f’Malta, hija bla dubju, il-kappella ta’ San Ġiljan, ġewwa l-Isla. Din tmur lura għas-sena 1311, meta Malta kienet għadha taħt il-ħakma ta’ l-Aragoniżi. Ma’ din il-knisja kien hemm ukoll ċimiterju. Din inbniet f’post li kien diġa msejjaħ l-Għolja ta’ San Ġiljan. Dan il-lokal hu ftit metri biss ’il fuq mil-livell tal-baħar. Dak iż-żmien l-Isla kienet kollha art moxa bi ftit siġar ’l hawn u ’l hinn.

’Il fuq minn mitejn sena wara, eżattament fl-1522, l-Ordni ta’ San Ġwann li kien qiegħed jiġġieled kontra t-Torok, tkeċċa minn Rodi, u wara ħafna taħbit, ingħataw Malta mill-Imperatur Karlu V ta’ Spanja.

KNISJA SAN GILJANIl-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien, L’Isle Adam, kien iħobb il-kwiet u l-kaċċa, u għalhekk beda jmur ħdejn din il-kappella biex jikkaċċja u jistrieħ. Fil-fatt insibu li dan il-Gran Mastru, iktar tard, bena dar kbira li saret magħrufa bħala Villa Sirena. Il-Gran Mastru ħawwel ukoll għadd kbir ta’ siġar taż-żebbuġ f’din il-biċċa art, u n-nies bdew issejħulha Buskett. Il-kavalieri bdew imorru hemm għall-kaċċa, għaliex sabuħ qrib ħafna tal-Birgu u setgħu jmorru meta jridu.

Fl-1539, Il-Kavallier Fra Diego Perez De Malfreire, Prijur tal-Portugal, u inġinier militari u arkitett ta’ l-Ordni, ħa ħsieb li minn flusu jwaqqa’ u jibni mill-ġdid din il-kappella ħelwa fuq disinn u pjanti tiegħu stess.


Fl-1553, laħaq Gran Mastru l-Franċiż, Fra Claude de la Sengle, u dan beda jibni l-Isla. Beda wkoll jibni l-fortifikazzjonijiet tagħha, u ftit wara bdew imorru joqogħdu n-nies. Tnax-il sena wara, jiġifieri fl-1565, seħħ l-Assedju l-Kbir ta’ Malta u matul dan iż-żmien din il-kappella serviet bħala knisja sagramentali, fejn is-sevizzi reliġjużi u l-priedki kienu jsiru b’devozzjoni kbira. F’dan il-perijodu din il-kappella kienet post ta’ faraġ spiritwali u ta’ refuġju għall-popolazzjoni Sengleana li kienet qed tiġi assedjata, kif ukoll għall-Kavallieri u s-suldati, li kienu qegħdin stazzjonati hemm.

Żjarat Appostoliċi f’din il-kappella

Monsinjur Pietru Dusina żar lil din il-knisja ta’ San Ġiljan bħala Viżitatur Appostoliku fid-19 ta’ Frar tal-1575. In-nies ta’ l-Isla ta’ dak iż-żmien talbuh il-permess biex iżommu bi flushom saċerdot approvat mill-Isqof biex ikun jista’ jqaddsilhom u jamministra s-Sagramenti f’din il-kappella, bi skomdu kbir għalih, billi ried iġib is-Santissmu Sagrament mill-Birgu. Iżda l-permess ingħatalhom. Mons. Dusina, hawn ukoll ħatar lil din il-Knisja ta’ San Ġiljan, bħala Viċi Parroċċa tal-Paroċċa tal-Birgu. Biss, inżamm id-dritt lejn il-Kappillan tal-Birgu biex hemm jiġi amministrat is-Sagrament talFratelliSantismuSagrament-Magħmudija. Dan kien l-ewwel każ fejn knisja f’Malta tingħata dan it-titolu ta’ Viċi Parroċċa. Sentejn wara twaqqfet il-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament f’din il-knisja bl-iskop li xxerred id-devozzjoni lejn il-preżenza ta’ Ġesų fl-Ewkaristija. Xi snin wara beda jsir it-tagħlim reliġjuż f’din il-kappella minn Dun Vinċenz Caruana li iktar tard laħaq it-tieni kappillan ta’ l-Isla.

L-Isqof Baldassere Cagliares, fit-2 ta’ Novembru 1624, offra din il-knisja lill-patrijiet Agostinjani Skalzi, u dawn min-naħa tagħhom mill-ewwel aċċettaw li jieħdu ħsiebha. Iżda wara biss sitt xhur, għal xi raġuni jew oħra, ma baqgħux jieħdu ħsieb din il-kappella.

Raimondo Di Domenico pitter kwadru artistiku ta’ daqs ċkejken ta’ San Ġiljan. Dan kien fl-1699. Dan il-kwadru, li kien juri lil dan il-qaddis minn qaddu ’l fuq, tpoġġa f’din il-kappella ddedikata lilu.

Il-Knisja terġa’ tinbena mill ġdid

F’Jannar ta’ l-1693, terremot laqat lil Malta. Dan kien l-agħar terremot ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, u din il-kappella ta’ San Ġiljan ġarrbet ħsarat kbar. Sitt snin wara, fi żmien il-Kappillan Dun Mikiel Testaferrata, ġie deċiż li l-knisja ta’ San Ġiljan titwaqqa’ għal kollox, minħabba li ma kenitx fi stat tajjeb u li terġa’ tinbena mill-ġdid.

FACADE ST JULIAN CHURCH-large



Wara li tlestew il-pjanti, beda x-xogħol fuq din il-knisja l-ġdida. Fl-1710 tlestiet parti sew minn din il-kappella. Fl-1712 tlesta għal kollox il-bini mill-ġdid ta’ din il-kappella fuq pjanta ta’ l-arkitett Malti Lorenzo Gafā. Dan l-arkitett żamm il-proporzjon u d-disinn ta’ Malfriere fil-faċċata. Fuq din il-faċċata tpoġġiet ukoll l-istemma ta’ l-Isqof Davide Cocco Palmeri.

Fl-1729 tneħħiet arkata b’żewġ qniepen li kien hemm mal-faċċata tal-knisja u minflok inbena kampnar fuq in-naħa ta’ triq Iż-Żewġ Mini. Dan sar fuq id-disinn ta’ l-arkitett Senglean Franġisku Azzopardi. Aktar tard fl-istess sena tkabbret ukoll is-sagristija.

IsqofCarmeloGiovanniPelleranoL-Isqfijiet minn dejjem kellhom qima lejn din il-kappella u fis-27 ta’ Jannar ta’ l-1730 l-Isqof Paolo Alferan de Bussan żar din il-knisja u onora bil-preżenza tiegħu, il-festa titulari ta’ San Ġiljan. Fi żmien l-Isqof Giov. Carmine Pellerano, fl-1774, twaqqfet il-Fratellanza tad-Duttrina Nisranija f’din il-knisja. B’rabta mat-twaqqif ta’ din il-Fratellanza, sar altar f’ġieh San Vinċenz de Paule.

Fl-1808 ingħata bidu għal devozzjoni partikulari, lejn La Madonna della Mercede (Il-Madonna tas-Sokkors) li xbieha tagħha hija vvenerata fuq l-altar maġġur.

Il-Kwadru titulari

s.giljan-1Fl-1821, Giovanni Baptista Bonomo pitter il-kwadru titulari ta’ San Ġiljan li nistgħu naraw illum. Il-kwadru juri lill-Qaddis liebes l-armatura ta’ Kavallier. Fl-isfond wieħed jista’ jara xena panoramika tal-Forti Sant’ Anġlu u l-Forti San Mikiel. Fuq dan il-kwadru naqraw il-kelmiet mill-Ktieb tal-Profeta Isaija “Protegam Civitatem Istam” (Jien ser nipproteġi din il-Belt). Fl-1868, Mastru Anton Busuttil naqax fil-ġebel l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fil-kantuniera tal-Knisja ta’ San Ġiljan.

F’Marzu ta’ l-1927, is-Santa Sede aċċettat it-talba u tat il-permess li fil-Knisja ta’ San Ġiljan issir il-liturġija tat-tberik tax-xemgħa fil-festa tal-Kandlora, il-liturġija tat-tberik ta’ l-irmied f’Ras ir-Randan kif ukoll l-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u t-Tridu ta’ l-Għid.


IslaSanGiljaVictorPulisDSCF8563b (1)



Fl-aħħar gwerra dinjija l-bini ta’ madwar il-Knisja ta’ San Ġiljan waqa’ kważi kollu bil-ħbit tal-għadu. Għalkemm il-Knisja innifisha baqgħet sħiħa, sofriet ħafna ħsarat mill-blast tal-bombi li waqgħu fuq id-djar fil-viċin.

Fl-1944, wara li l-istatwa mirakoluża ta’ Ġesų Redentur inġiebet lura l-Isla mill-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, fejn ittieħdet minħabba l-perikli tal-gwerra, inżammet għal xi żmien f’din il-knisja, sa ma tlestiet ir-rikostruzzjoni ta’ l-Oratorju tal-Kurċifiss fl-1947.

StatwaSanGiljanIslaFl-1998 inħatt il-kampnar minħabba li kien fi stat dilapidat ħafna. Dan reġa’ nbena mill-ġdid fuq l-istess qisien u disinn oriġinali tiegħu. Dan il-kampnar fiħ erba’ qniepen. Waħda mill-qniepen li hemm fil-kampnar, dik li tħares lejn Ilvant, iġġib id-data 1723. Qanpeina oħra, dik li tħares lejn il-Punent, iġġib id-data 1905. It-tnejn l-oħra, dawk li jħarsu lejn it-Tramuntana u lejn in-Nofsinhar, iġibu d-data 1906.

Dan l-aħħar f’din il-kappella saru diversi tiswijiet. Per eżempju, fis-sena 2001 sar restawr estensiv tal-Knisja minn ġewwa, u fl-2003 sar restawr tal-prospettiva, stil Barokk, li ddawwar il-kwadru titulari, kif ukoll restawr ta’ l-istess kwadru. Dawn naturalment qamu spejjeż kbar

Il-Festa Titulari ta’ San Ġiljan tiġi ċċelebrata f’Jannar ta’ kull sena, u f’dik il-ġimgħa tal-festa, isiru diversi fuzjonijiet reliġjużi f’din il-kappella, ad unur dan il-qaddis.


SaGiljanSenglea-VictorPulis



 Il-Knisja ta’ San Ġiljan
- L-Isla -

Kitba © Fabian Mangion; Ritratti © Fabian Mangion, Victor Pulis u mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small