Waħda mill-eqdem kappelli li tinsab fl-inħawi ta' Birżebbuġa hija bla dubju dik ta' San Ġorġ Martri. Din il-kappella tinsab wara ridott f'forma ta' nofs qamar li kien inbena mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1714, u li kien ħa post ċimiterju magħluq b'ħajt, u li wieħed kien jinżel għalih b'erba' tarġiet.

St George Birzebbuga facade



Fl-antik din il-kappella kienet tagħmel mar-raħal taż-Żejtun, madwar erba' mili 'l bogħod minnu f'xatt il-baħar f'post magħruf bħala l-Għadira. Giacomo Bosio jgħid li l-post kien qrib ħafna ta' fejn kien hemm imwaqqaf tempju ddedikat lill-Alla Melqart (Erkole), illum imsemmi għal San Ġorġ f'Birżebbuġa. Hija tħares lejn il-Lvant. Ftit 'il bogħod minn din il-kappella kien hemm l-imkejjen żgħar ta' Bur Rummiena u ta' San Ġorġ.

Oriġini

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet, iżda jidher ċar li din kienet teżisti fi żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565. Xhud ta' dan huwa wieħed mill-affreski ta' Matteo Perez d'Aleccio li jinsab fil-Palazz tal-President, il-belt Valletta.

L-ewwel Vista Pastorali dokumentata li saret f'din il-kappella kienet dik tal-Viżitatur Appostoliku Pietro Dusina fl-1575. Waqt li semma' li kellha altar wieħed tal-ġebel kif ukoll bieb tal-injam, huwa kiteb ukoll li din kienet nieqsa kemm minn rettur kif ukoll mid-dħul. Il-festa kienet tiġi ċċelebrata nhar it-23 t'April b'Għasar u Quddiesa mill-Kappillan taż-Żejtun. Il-flus kienu jinġabru minn qalb in-nies taż-Żejtun matul is-sena. Għad-devoti ta' San Ġorġ u għall-għassiesa li kienu b'xogħol f'dawn l-inħawi kienet titqaddes quddiesa kuljum. Fil-festi kmandati imbagħad, kien jinxtegħel il-lampier.

St George Birzebbuga - kampnarL-Isqof Balthassar Cagliares żar din il-kappella fl-1621 u ordna li din kellha tiġi rranġata. Kienet irranġata fl-1625 minn Palmerus Montana J.U.D. wara li l-Isqof kien ordna li din setgħet tiġi wżata wara tiswija meħtieġa. Dan l-avveniment kien imfakkar f'lapida li sal-lum għadha tidher fuq il-bieb prinċipali. Żewġ armi li kienu jirrappreżentaw dawk ġentilizji tal-Gran Mastru De Paule u l-Isqof Cagliares, kienu fuq kull naħa tal-lapida flimkien ma' oħra tal-kunjum Montana.

Lucas Calleja minn Ħal Għaxaq kien prokuratur tal-kappella, bejn is-snin 1634-1644, filwaqt li n-nutar Ġiovanni Maria Portelli minn Ħal Bisbut kien il-prokuratur meta l-Isqof Balaguer de Camarasa żar din il-kappella fit-12 t'April, 1654.

Għadda ż-żmien, u l-kappella ta' San Ġorġ waqgħet fi stat ta’ abbandun, tant li nhar it-22 t'April 1659, hija ġiet dikjarata profonata mill-Isqof Miguel Juan Balaguer de Camarasa. Huwa ordna li jinbarraw il-bieb bil-ġebel u li l-kwadru titulari kellu jittieħed fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.

Il-Kappella terġa tinfetaħ mill-ġdid

St George Birzebbuga marble plaqueWara li għamlet madwar 23 sena pprofanata, ġiet irranġata kważi mill-ġdid mill-Patrizju Ruman u fundatur tal-Kappella Abbazzjali ta' Sant'Anġlu fiż-Żejtun, in-Nobbli Gregorio Bonici dei Marchesi Bordino (is-Sinjur l-Ixgħeb). Dan hu tagħrif skont l-Atti tan-Nutar Pietro Attard tal-20 ta' April 1683 u kkonfermat mill-Kurja fit-12 ta' Jannar, 1864. In-Nobbli Bonici ħalla fondazzjoni sabiex tkun ipprovduta bl-għamara meħtieġa għall-quddies, jinxtegħel il-lampier tal-istann li kien hemm quddiem l-altar kull nhar ta' Sibt fil-għaxija, jitqaddsu tlett quddisiet letti f'jum il-festa tal-qaddis (jiġifieri fit-23 t'April) u quddiesa oħra letta kull nhar ta' Ħadd. Huwa ħalla f'idejn ir-rettur tal-Kappella Sant'Anġlu Martri fiż-Żejtun l-għażla tal-kappillan tagħha. Sabiex tagħmel tajjeb għal din il-fondazzjoni, huwa ħalla ħames uqijiet fis-sena mill-beni tiegħu. Din hija wkoll imfakkra f'irħama li tinsab fil-Kappella.

It-tberik tagħha sar fit-22 t'April 1683 mill-Kappillan taż-Żejtun Dun Ugolino Bonnici. In-nobbli Gregorio għamel lil din il-kappella ġuspatronat tal-familja. Maż-żmien saret propjeta' tal-familja Testaferrata.

Xi żmien wara, xi sajjieda ta' dawk in-naħat bdew jiġbru flus biex ikollhom quddiesa anke fil-Festi Kmandati. Xi devoti tal-qaddis kienu jiġbru fondi biex fit-23 t'April issir Quddiesa Kantata u l-Ewwel Għasar.

Fil-bidu tas-seklu 20, il-kappella reġgħet sofriet abbandun. Iżda fis-26 t'Awwissu, 1907, l-Isqof Spiridione Polomeni fetaħ u bierek il-kappella mill-ġdid.

Il-Kappella

L-istil tal-kappella huwa sempliċi. Waqt li tagħti dahra lit-triq, hija tħares lejn il-baħar fejn il-baħħara tal-Ordni kienu jidħlu biex jisimgħu l-Quddies qabel ma kienu jsalpaw għas-sibi fil-Lvant jew lejn il-Barbarija.

St George Birzebbuga int



St George Birzebbuga titularIl-kappella għandha forma rettangolari bis-saqaf jistrieħ fuq ħames ħnejjiet. Il-pittura li tinsab fuq l-altar fi gwarniċa tal-ġebel magħmula fuq it-tila turi lil San Ġorġ riekeb fuq żmiemel abjad, kopja tajba ta' dik ta' Mattia Preti li tinsab fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann. F'manuskirtt li jinstab fil-Bibljoteka Nazzjonali (Libr 422), hemm imniżżel li din saret minn Bartolomeo Garagona bi flus Luciano Tolossenti. Dan jista' jirreferi għal xi pittura li saret qabel dik li wieħed jara llum.

Fuq il-bieb li jagħti għall-bitħa, hemm irħama b'kitba fuqha li tgħid 'Non Gode Immunita' Ecclesias". Fis-17 ta' Ġunju, 1762, l-Isqof Bartolomeo Rull ħareġ digriet li bih amar li dawk il-knejjes tal-kampanja jew li ma kienux sagramentali jittneħħielhom id-dritt tal-immunita' jiġifieri dawk li jkunu wettqu xi reat ma setgħux imorru jistkennu f'dawn il-kappelli mingħajr ma l-awtoritajiet jkollhom dritt jidħlu għalihom. Ma' l-istess ħajt, wieħed għadu jista' jara zewġ xquq maqtugħin fil-ħajt fejn kien jgħaddi l-ħabel sabiex jista' jittella' u jitniżżel il-pont tal-injam.

Il-purċissjoni li kien jagħmel il-Kleru flimkien mal-fratelli u l-poplu taż-Żurrieq għal din il-kappella hija qadima ħafna. Din kienet issir b'wegħda u għal bidu kienet issir fl-1 ta' Mejju, fil-għodu. Wara bdiet issir f'Lapsi.

Għeluq

Ta' interess huma l-graffiti li wieħed isib fuq il-ħajt ta' wara tagħha. Dawn is-sinjali saru bejn is-sittax u dsatax-il seklu. Fost it-taħżiż insibu skuni tas-17-il seklu, kif ukoll diversi slaleb.

Dan juri kemm kien hemm devozzjoni kbira lejn San Ġorġ Martri u din il-Kappella, min nies li kienu joqgħodu f’dawk l-akwati fil-passat.

 Il-Kappella ta' San Ġorġ Martri
- Birżebbuġa -

Kitba © Michael Balzia; Ritratti © Anthony M. Brincat

L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

angel1gif
bells_2
pMyButton4
pMyButton4