Il-Knisja ta’ San Ġużepp il-Qadim
 - iċ-Ċittadella - Għawdex -

Waħda mill-eqdem knejjes li niltaqgħu magħhom fil-Gżira ta' Għawdex hija dik li nsibu fi Triq San Ġużepp, fil-parti l-qadima tal-Gran Kastell, illum magħruf bħala ċ-Ċittadella. Din hi l-knisja hi ddedikata lil San Ġużepp u ta’ min jgħid li kienet l-ewwel waħda ddedikata lil dan il-qaddis kbir f’Għaxdex.


2007_0823GozoHoliday0265



Oriġini

Jidher li din il-knisja hija waħda mill-aktar qodma li nsibu fil-Gran Kastell. Il-knisja ġiet mibnija qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565 imma dak iż-żmien kienet iddedikata lil San Nikola.
 
2007_0823GozoHoliday0254Fiż-żjara tiegħu tal-1575 fiċ-Ċittadella, Monsinjur Dusina kien sab erba' knejjes. Dawn kienu ddedikati lil San Lawrenz, lil San Nikola, lil San Ġwann il-Battista u lis-Salvatur. Jidher li l-aktar waħda qadima minn dawn l-erba' knejjes kienet dik ta' San Lawrenz imma din mid-dehra ma tantx kienet miżmuma fi stat tajjeb, għax Monsinjur Dusina kien ipprofanaha. Minħabba l-istat ħażin li kienet fih kien ordna li minflokha jsir salib iżda ordna wkoll li l-użu tagħha ma kellux jinbidel għal xi użu mhux xieraq.

In-nies li qabel kienu jmorru jaqdu s-servizzi spiritwali fil-knisja ta' San Lawrenz bdew imorru fil-knisja ta' San Nikola. Din il-knisja ta' San Nikola kienet l-aktar waħda miżmuma tajjeb u dan xehdu Monsinjur Dusina stess fir-rapport tal-viżta tiegħu. Hu kien qal li kienet fi stat tajjeb għalkemm la kellha rettur, la dħul u lanqas ħwejjeġ oħrajn neċessarji. Minkejja kollox, hu rraporta li l-fidili, iżda, kellhom devozzjoni kbira lejn din il-knisja u li kellha altar u bieb tal-injam.

Il-knisja tinbidlilha d-dedika għal dik ta’ San Ġużepp

L-Isqof Baldassare Cagliares kellu ommu Għawdxija għalhekk kien iżur lil din il-gżira ta’ spiss. Kien hu li ħa ħsieb ibiddel l-għamla ta’ din il-knisja fuq il-pjanta tal-arkitett Vittorio Cassar, li kien jiġi iben il-magħruf Ġirolamo Cassar. Dan ix-xogħol jidher li tlesta fl-1625 minkejja l-fatt li Cassar kien miet fl-1607. Hawnhekk inbidlet id-dedika ta’ din il-knisja għal dik ta’ San Ġużepp kif għadha sal-lum. Ta’ min jgħid li din kienet l-ewwel knisja f’Għawdex li ġiet iddedikata lil San Ġużepp. L-Isqof Cagliares għammar lil din il-knisja b’kollox fosthom il-kwadru fuq l-altar ewlieni. Dan il-kwadru juri l-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu u hu attribwit lill-artist magħruf Filippo Paladini (1544 – 1616). Fl-1980 dan il-kwadru tneħħa mill-knisja u jinsab fil-Mużew tal-Katidral t’Għawdex. 2007_0823GozoHoliday0262Minfloku tqiegħdet kopja fidila tal-oriġinal magħmula minn Ċensu Cordina – dan sabiex l-oriġinal jiġi mħares minn serq, vandaliżmu jew ħsara oħra. 

Ta’ min isemmi ukoll li l-Isqof Cagliares kien bena l-palazz tiegħu fiċ-Ċittadella biswit il-knisja ta’ San Ġużepp. Hu ma kien iħalli lil din il-knisja nieqsa minn xejn u kien ħalla legat biex kull nhar ta’ Sibt kella tiġi ċċelebrata quddiesa fil-knisja. Dan jirriżulta mill-Atti tan-Nutar Gian Pawl di Lorenzi, datati 4 ta’ Settembru tal-1625.

Permezz ta' dan il-legat, fuq ordni tal-Kurja maħruġ nhar l-24 ta’ Frar tas-sena 1672, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata kellu jagħmel Għasar Sollenni u Quddiesa Kantata f’din il-Knisja għall-okkażjoni tal-festa ta' San Ġużepp nhar id-19 ta' Marzu ta' kull sena.

Il-knisja taqa’ fi stat t’abbandun kbir

F’terrimot li kien seħħ f’Jannar tal-1693 il-knisja ta’ San Ġużepp ġarrbet ħsarat kbar tant li ġġarraf is-saqaf tagħha. Għalkemm jidher li ħsara ma tantx ma damet ma ġiet irranġata, maż-żmien il-knisja intelqet u sfat abbandunata. Il-Kapitlu tal-Katidral ma kompliex josserva l-legat tal-Isqof Cagliares u la beda jsir quddies fiha u lanqas baqgħet tiġi ċelebrata l-festa f’nhar San Ġużepp.


Il-Gvernatur Sir Harry Luke u r-restawr taċ-Ċittadella

IMG_2870-Ghawdex-Rabat-Citadella-Kappella ta' San Guzepp il-Qadim-Pm+EBV-.33Kien bejn wieħhed mitejn sena wara li l-knisja kienet ġiet abbandunata li xi ħadd reġa’ ħa ħsieb jirrestawraha. Meta Sir Harry Luke inħatar Gvernatur Logutenent tal-gżejjer Maltin fl-1930 kien iddedika ruħu biex jirrestawra u jikkonserva bini b’valur storiku. Fost dawn hu rrestawra ukoll xi bini fiċ-Ċittadella t’Għawdex fosthom Casa Bondì li llum fih jilqa’ l-Gozo Museum. Meta fl-1937 beda x-xogħol fuq il-Knisja ta’ San Ġużepp u tal-Palazz ta’ Cagliares sfortunatament hu spiċċa mill-kariga. Għalkemm ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Palazz ta’ Cagliares ma kienx għadu mitmum jidher li x-xogħol fil-knisja ta’ San Ġużepp kien tlesta.

Iżda jidher li x-xogħol ta’ fejda li kien għamel dan il-Gvernatur Ingliż ma tantx ġie apprezzat għax ftit snin wara il-knisja ta’ San Ġużepp reggħat intelqet għal kollox u reġgħet waqgħet fi stat t’abbandun. L-ewwel daħlu l-vandali li serqu u kissru li kien fiha imbagħad bdiet tintuza bħala post fejn jintefa’ l-imbarazz tal-Katidral.
2007_0823GozoHoliday0266
Il-Knisja kif inhi llum

Il knisja tinsab fiċ-Ċitadella, fi Triq San Ġużepp kantuniera ma’ Triq Bernardu de Opuo. Għandha faċċata sempliċi b’bieb tal-injam kwadru b’pediment triangulari maqsum fuqu. Eżatt fuq il-pediment hemm statwa żgħira ta’ San Ġużepp bil-Bambin Ġesù f’idejh. Aktar ‘l fuq hemm tieqa tonda bi gwarniċ semplici tal-ġebel. Quddiem il-bieb tal-injam hemm rixtellu tal-ħadid li meta l-bieb tal-injam ikun miftuħ, jagħti possibilità li wieħed jara l-knisja minn ġewwa mingħajr ma, iżda, jidħol fiha. Dan isir bħala kompromess bejn sigurtà u aċċess għal din il-knisja.

IMG_2869-Ghawdex-Rabat-Citadella-San Guzepp il-Qadim-Pm+EBV-.33+Z7Minn ġewwa, l-knisja tkompli bis-sempliċità li tibda minn barra. Is-saqaf hu troll u l-art hija taċ-ċangatura tal-franka. Għandha altar wieħed mal-faċċata, li jistrieħ fuq pedestall fil-parti tan-nofs tiegħu u fuq erba’ kolonni żgħar fit-truf. L-altar tasal għalih billi titla’ tarġa.

St Jospeh Holy FamilyFuq l-altar hemm kwadu ovali li juri lis-Sagra Familja, b’San Ġużepp fuq il-xellug, il-Madonna fuq il-lemin u biċ-ċkejken Ġesù fin-nofs. Dan il-kwadru hu mdawwar bi gwarniċ ornamentali kemxejn elaborat skolpit fil-ġebla. 

Aktar ‘il fuq hemm il-pittura titulari (kopja) tal-Paladini li turi lis-Sagra Familja fil-ħarba tagħhom lejn l-Eġittu. Fin-nofs jidhru l-Madonna fuq ħmara bil-Bambin f’idejha u b’San Ġużepp jigwidahom. Jidher ukoll Anġlu jurihom it-triq.

L-arzella fuq il-kwadru titulari ukoll turi ‘ San Ġużepp u l-Madonna, iżda din id-darba fil-glorja quddiem it-Trinita’ Qaddisa fis-sena. Bi prominenza fin-nofs jidher San Ġużepp quddiem it-Trinità Qaddisa, miżmum minn żewġ putti żgħar. Il-Madonna tidher fuq in-naħa tax-xellug tal-kwadru filwaqt li fuq in naħa tal-lemin jidhru żewġt anġli kemxejn kbar.


St Joseph int 3



Fil-knisja hemm ukoll statwa ta’ San Ġużepp.

Il-Knisja ta’ San Ġużepp restawrata mill-ġdid

L-istatwa ta' San GuzeppKien eżattament l-għada tal-festa ta' Santa Marija tas-sena 1973 meta grupp ta' rġiel iddeċidew li għandhom jagħmlu xi ħaġa biex din il-Knisja tingħata lura d-dinjità li tixirqilha. Dawn kienu Dun Tony Mercieca, is-Seminaristi Leli Magro u Toni Spiteri, Ġużeppi u Vitor Vella u grupp ta' Abbatini mill-Katidral. Dawn bdew ix-xogħol ta' tindif, tneħħija ta' terrapien u imbarazz biex imbagħad ikun jista' jibda x-xogħol ta' restawr proprju.

L-iskultur Toni Camilleri ħa ħsieb li jsir ix-xogħol ta' altar ġdid b'disinn viċin ta' dak li kien hemm qabel, filwaqt li mill-Knisja tal-Patrijiet Kappuċċini nġiebu partijiet minn altar antik biex jintużaw għall-altar il-ġdid. Meta n-nies rat li din il-Knisja qiegħda tiġi rrestawrata, għamlet il-kuraġġ u bdiet tgħin mill-aħjar li setgħet. L-artist Ċensu Cordina pinġa l-kwadru li ħa post dak li kien hemm qabel għax dan kien tpoġġa fil-Mużew tal-Katidral. Pawlu Cauchi offra żewġ ħwat għall-ilma mbierek u sett gandlieri li qabel kienu fil-Knisja ta' Savina fir-Rabat filwaqt li benefatturi oħra offrew sett kwadri tal-Via Sagra u lampieri.

Kien jum sabiħ dak tad-19 ta' Marzu 1975 meta l-Knisja ġiet miftuħa mill-ġdid għall-pubbliku minn Dun Ġużepp Saliba. Dakinhar kienet inqrat il-Barka Speċjali li kien bagħat il-Qdusija tiegħu l-Papa lill-Abbatini għax-xogħol siewi li kienu wettqu. Il-Knisja ġiet sollennement imbierka mill-Eċċelenza tiegħu Mons. Nikol Cauchi, Isqof t’Għawdex u ddikjarata miftuħa għall-pubbliku nhar l-14 ta' Awissu tal-1976. Minn dakinhar 'il quddiem din il-Knisja baqgħet tiġi ddekorata u għall-okkażjoni tal-festa ta' San Ġużepp, li tiġi ċċelebrata nhar id-19 ta' Marzu, jiġu mżanżna diversi opri ġodda.


St Joseph int



Fl-okkażjoni tal-festa, il-Knisja tkun miftuħa għall-pubbliku minn jiem qabel. F'nhar il-festa wara nofsinhar ikun hemm Quddiesa bil-Kant u bl-Omelija, jitkanta l-Innu u ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Ir-Rettur tal-Knisja bħalissa huwa Mons. Joe Bezzina. Tkun ħaġa xierqa li kieku din il-knisja tkun miftuħa aktar spiss, u tiġi inkluża fil-lista ta' postijiet ta' interess li għandhom iżuru t-turisti meta dawn ikunu fiċ-Ċittadella.


Artiklu ta’ Roderick Busuttil mibni fuq informazzjoni ta’ Mario Fenech, Kilin u Monsinjur Joe Bezzina
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Tony Bonello, Anthony M. Brincat u Rev. Jonathan Farrugia

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small