Fir-raħal ċkejken tal-Baħrija, insibu knisja oħra ħelwa u antika. Din hija l-kappella ċkejkna li hija ddedikata lill San Martin, Isqof ta’ Tours, u għanda storja kbira.


DSCF3634



Oriġini
 
Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet, iżda huwa żgur li hija antika ħafna, aktarx li nbniet fis-seklu ħmistax. Fiż-żgur hu li f’1575 kienet diġà teżisti għax ġiet imsemmija fir-rapport tal-viżta pastorali li għamel Mons. Pietru Dusina, id-delegat tal-Papa, f’dawk l-inħawi. Huwa jgħid li żar raħal ċkejken fil-Lbiċ ta’ Malta bl-isem ta’ “Baħrija”, u hawn sab kappella ddedikata lil San Martin, li aktarx kienet inbniet fis-seklu ħmistax. Din il-kappella ma kien fiha xejn minn dak li kien jeħtieġ, u l-quddies kien isir biss fil-festa ta’ preċett.

DusinaF’dan ir-rapport, Dusina jgħid ukoll li hu talab li jissewwa l-bieb ta’ barra u ordna lill-kappillan ta’ San Pawl tar-Rabat, li kien inkarigat minnha, biex iħajjar lin-nies tal-inħawi jieħdu ħsiebha. Għadda ż-żmien, u minn dak li talab Mons. Dusina għal din il-kappella, ma sar xejn. Għalhekk, meta l-Isqof Cagliares kien żarha fil-1615, reġa’ ra li ma kellhiex ħtigijiet biżżejjed u kien ipprofonaha u għalaqha.

Fl-1643, ċertu Ġakbu Muscat bin Nardu, kien għamel ċerti obbligi u piżijiet ta’ quddies fl-atti tan-nutar Ferdinando Camenzuli. Kellhom jitkantaw il-Vespri Solenni lejliet il-festa ta’ San Martin, u f’jum il-festa ssir quddiesa kantata fl-istess kappella. Kien ħalla wkoll li kellu jitħalla lampier mixgħul mis-Sibt filgħaxija sa l-għada l-Ħadd. Naturalment dawn l-affarijiet kien għamilhom biex meta jmut, id-devoti jitolbu għal ruħu.
 
Mat-twaqqif tal-benefizzju, il-fundatur Ġakbu dlonk kien għażel l-ewwel benefiċjarju fil-persuna tal-Kjeriku Giacomo Muscat, li kien neputi tiegħu, bin il-mejjet Dott. Giovanni Leonardu Muscat. Il-preżentazzjoni saret fl-atti tan-Nutar Michele Ralli nhar l-24 ta’ Settembru, 1643. 

DSCF3647Għadda ż-żmien u dan il-kjeriku Giacomo Muscat qatt ma sar saċerdot. Wieħed u għoxrin sena wara li saret il-preżentazzjoni, jiiġifieri fl-1664, dan il-kjeriku iżżewweġ u kellu jitlaq il-benefizzju fl-atti tan-nutar Alessio Apap nhar it-12 ta’ Settembru 1665.

It-tieni benefiċjarju kien Dun Diego Abdilla, bin il-mejjet Ġamri. L-Arċipriet Dun Giovanni Antonio Cauchi, li kien Vigarju tad-djoċesi, taħ il-pussess tal-benefizzju, fl-assenza tal-Isqof, nhar il-15 ta’ Jannar tal-1669, iżda wara kwistjoni li qamet dwar dan ir-Rettur, fit-23 ta’ Awwissu tal-1668 kienet ingħatat sentenza mill-Kurja favur Gusmana Cumbo Navarra. Dan ħa il-ġurament fis-17 ta’ Diċembru u fit-23 ta’ Frar tas-sena ta’ wara ingħata l-pussess tal-benefizzju.

Fl-1684, Gusmana Cumbo Navarra kien għadu qed igawdi l-benefizzju, meta l-Isqof Ġlormu Mikiel Molina għamel żjara pastorali f’din il-kappella. Dan ra li l-kappella kienet qegħda tiġi miżmuma tajjeb u li fiha kienu jqaddsu kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kollha.

DSCF3638Qrib l-1684, din il-knisja ċkejkna reġgħet inbniet mill-ġdid peress li waqt iż-żjara pastorali l-Isqof Molina ħalla miktub li l-Knisja kienet għada kif inbniet mill-ġdid minn Cumbo Navarra. 

Fis-sena 1690 dan il-benefizzju kien qed jirrendi 35 skud, u minnhom kienu jitħallsu l-obbligi u l-piżijiet tal-quddies li kienu jiswew daqs żewġ skudi fis-sena. Iżda f’din l-istess sena dan il-benefizzju, bla ħadd ma kien jaf kif u għaliex, ingħata b’ċens lil wieħed Għawdxi, u kull ma kien xtaq li jsir il-Fundatur, kien tar kollu mar-riħ.

Minn hawn ‘il quddiem, il-kappella kompliet titmexxa mill-Arcipriet ta’ San Pawl tar-Rabat fir-Rabat, li kultant kien jibgħat saċerdot, l-aktar fi żmien ir-Randan, biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk il-bdiewa tan-naħiet tal-Baħrija. Ftit li xejn nafu dwar x’ġara wara.
 
qanpienaIl-Kappella

Il-faċċata tal-kappella hija sempliċi ħafna. Għandha forma rettangolari. Fin-naħa t’isfel hemm il-bieb prinċipali u fuq il-bieb hemm tieqa tonda li tagħti d-dawl lil din il-knisja. Fuq nett tal-faċċata, fin-nofs, insibu l-kampnar li inbena fl-1946 u li fih kellu qanpiena li kienet imsemmija Martina, u qanpiena oħra, iżgħar, li saret fil-funderija tal-Gvern. Il-qanpiena imsejjħa Martina iktar tard ittieħdet u tpoġġiet fil-kampnar tal-knisja l-ġdida. Fuq il-kampnar hemm salib tal-injam. Quddiem dan it-tempju ċkejken, hemm zuntier żgħir, imdawwar b’ħajt baxx u bi grada fin-nofs.

Fuq ġewwa, il-kappella għanda għamla rettangolari, u hi msaqqfa b’saqaf troll għoli, li jistrieħ fuq ħames arkati, li jitilgħu minn fuq gwarniċa għolja li ddur mal-erba’ ħitan tal-kappella.


San Martin Bahrija int



San Martin Bahrija tit ptgFiha nsibu altar wieħed, faċċata tal-bieb prinċipali, u fuq dan l-altar hemm il-kwadru titulari, xogħol mill-isbaħ li jirrapreżenta lil Madonna b’Ġesù tarbija fuq ħoġorha, imdawwra minn tlett qaddisin: San Martin Isqof ta’ Tours, San Ġakbu Appostlu, u San Filippu Neri. Dan il-kwadru kien sar fl-1735 minn Francesco Zahra. Fil-ġnub tal-altar hemm żewġ niċeċ żgħar imħafrin fil-ħajt. F’din il-knisja hemm ukoll il-Via Sagra. 

Xogħol ieħor artistiku li kien hemm f’din il-kappella hija l-istatwa titulari ta’ San Martin, statwa żgħira imma ħelwa, li saret bl-għajnuna tal-benefatturi ta’ din il-knisja. Din saret fl-1947, xogħol l-iskultur Bormliż, Gużeppi Caruana, magħruf bħala Marċol. Jingħad li meta ttieħdet fil-kappella, iż-żebgħa tal-istatwa kienet għadha ma nixfetx sew. Din l-istatwa, li turi lil San Martin liebes ta’ suldat Ruman jaqta’ biċċa mill-mantell tiegħu, għada sa llum meqjuma b’għożża kbira minn nies ta’ dan il-lokal.

Fl-1906, L-Arċipriet Dun Ġużeppi Farrugia, bena kamra biswit il-kappella, biex isservi ta’ sagristija. Infatti fuq in-naħa ta’ ġewwa tpoġġiet irħama fuq il-bieb li jagħti għall-kappella. Fis-sena 1927, Dun Innocenzo Zammit beda jieħu ħsieb il-kappella sakemm ftit wara intbagħat bħala kappillan fl-Imsida. Hawn il-kappella reġgħet waqgħet taħt il-kapitlu ta’ San Pawl tar-Rabat.

Sadanittant fl-1960 kien tneħħa l-iskanell tal-ġebel u t-tabernaklu u saru tal-irħam. It-tabernaklu, li kien tħallas minn benefatturi tar-raħal stess, inġieb mill-Italja.

SeverinBiancoL-Aħħar Żminijiet tal-Kappella

Kif laħaq Rettur ta’ din il-kappella, Dun Saverin Bianco, ħaseb li jibni knisja ġdida, għax il-kappella kienet qed issir żgħira għan-nies tar-raħal li kienu jinġabru għall-funzjonijiet reliġjużi. Biex jinġabru l-fondi għal dan il-proġett ambizzjuż, huwa beda jorganizza fiera, fejn in-nies kienu jixtru biljett jew aktar u permezz ta’ raddiena bin-numri jistgħu jirbħu diversi oġġetti. Iżda l-aktar popolari kienu d-dundjani u l-ħrief. Fil-fatt din il-fiera saret waħda tradizzjonali, u bdiet issir f’Novembru, qrib il-festa ta’ San Martin, u tissejjaħ il-Fiera tad-Dundjani, u għaliha kienu jiġu ħafna nies minn madwar Malta u Għawdex kollu.


GhinuChurchFund



Dun Saverin kien ħadem ukoll ħafna biex f’din il-kappella jibdew isiru s-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina, il-Griżma tal-Isqof, is-sagramenti tal-Magħmudija u taż-Żwieġ. Hu ukoll beda jgħallem id-duttrina lil tfajjel minn dan ir-raħal li kien qed juri ruħu interessat fis-saċerdozju. Dan kien Daniel Caruana. Imwieled fl-1936 u mrobbi fil-Baħrija stess, il-vokazzjoni ta’ Daniel kienet li jidħol mal-patrijiet Dumnikani.

DanielCaruanaUDunSeverinBiancoMeta kellu 19-il-sena Daniel sar Fra Dumnikan, u ħa l-voti saċerdotali fl-20 ta’ Lulju tal-1974. Ħa l-isem ta’ Martin, il-qaddis patrun tar-raħal. F’din is-sena kienu ġew ikkonsagrati 50 saċerdot flimkien, biex ifakkru il-50 sena mis- saċerdozju tal-Arcisqof Mikiel Gonżi, u kien hu stess li kkonċelebra.

Patri Martin kellu għal qalbu ħafna lill-Baħrija, u kompla jassisti lil Dun Saverin fit-tmexxija tiegħu bħala rettur u flimkien miegħu beda jħabrek ukoll biex tibda tinbena l-knisja l-ġdida. Fost id-diversi opri ġodda li saru f’din il-kappella fi żmien dawn iż-żewġ saċerdoti, nsibu id-damask aħmar, ġdid, artal ġdid, bankijiet ġodda, taraġ għall-gallerija, u pedestal għall-istatwa ta’ San Martin.

Retturi ta’ din il-Kappella

tumas1Fl-24 ta’ Settembru tal-1643 inħatar Giacomo Muscat bħala l-ewwel Rettur iżda dan ma sarx saċerdot anzi iżżewweġ u fit-12 ta’ Settembru tal-1665, inħall minn din il-kariga. Imbagħad laħaq Dun Diego Abdilla. Kif laħaq dan ir-Rettur, kienet qamet tilwima bejn il-werrieta tal-fundatur, dwar min kellu s-setgħa jinnomina r-Rettur tal-benefizzju, iżda fit 23 ta’ Awissu tal-1668, kienet ingħatat sentenza favur Gusmana Cumbo Navarra. Dan ħa il-ġurament fis-17 ta’ Diċembru u fit-23 ta’ Frar tas-sena ta’ wara ingħata l-pussess tal-benefizzju. Fl-1690 din il-kappella għaddiet f’idejn wieħed Għawdxi. Min hawn il-quddiem insibu perijodu li ftit nafu x’ġara.

Imbagħad nafu li fl-1906 din il-kappella kienet f’idejn Dun Ġużepp Farrugia li bena s-Sagristija. Fl-1927 waqgħet f’idejn Dun Innocenzo Zammit, sakemm ftit wara intbagħat bħala Kappillan fl-Imsida. Min hemm ‘il quddiem, din il-kappella ma kelliex Rettur, u għaddiet f’idejn l-Arċipriet tar-Rabat.

martin3Fl-1942 laħaq Patri Tumas Xerri bħala Rettur Vigendarju tagħha. Taħt it-tmexxija ta’ dan is-saċerdot ħabrieki, saru ħafna opri f’ dan it-tempju. Dan spiċċa min din il-kariga fl-1951. F’Settembru tal-1951, l-Isqof Mikiel Gonżi ħatar lill Dun Saverin Bianco bħala r-Rettur il-ġdid ta din il-kappella, u dan dam iservi bħala Rettur ta’ din il-kappella sa l-1 ta’ Jannar 1980. Minfloku ħa l-kariga Patri Martin Caruana patri Dumnikan li kien ilu jassisti lil Dun Bianco sitt snin. Patri Caruana miet bħala Rettur ta’ din il-Kappella nhar is-Sibt 25 ta’ Novembru tas-sena 2000. Fis-7 ta’ Diċembru 2000 ġie maħtur il-Kan. Dun Pawl Raggio bħala r-Rettur ta’ din il-Kappella u tal-Knisja l-ġdida. Illum Fr. Timon Mercieca laħaq Rettur ġdid ta’ din il-kappella u l-knisja l-ġdida.


Ritratti © www.sanmartinbahrija.com

DunRaggio
TimonMercieca

Dun Pawl Raggio

Dun Timon Mercieca




Għeluq

Patri Martin kien kompla jħabrek għall-permess tal-knisja ġdida, u wara ħafna taħbit, il-knisja l-ġdida bdiet tinbena fl-1984, u fl-1989, bdew isiru l-funzjonijiet kollha fija. Għalhekk il-kappella l-antika tilfet ħafna mill-importanza tagħha u ma baqgħatx tintuża regolarment. Bdiet tinfetaħ biss fi żmien il-festa, u f’xi okkażjonijiet oħra. Xi ħwejjeġ ta’ preġju bħalma huma l-qanpiena Martina li diġà semmejna kif ukoll it-tabernaklu u s-sett statwi indurati tal-Appostli li kien hemm fuq l-artal ittieħdu biex iżejnu l-knisja l-ġdida u jkunu jistgħu jitpaxxew mill-parruċċani u sabiex jitħarsu minn serq jew vandaliżmu. Il-vari u t-tbernaklu ġew irrestawrati riċentament u qegħdin jagħmlu parti mill-kappella tas-Sagrament fuq ix-xellug tal-artal maġġur tal-knisja l-ġdida.


Ritratti © Noel Ciantar

DSCF3650

DSCF3651




Iżda l-kappella l-antika tibqa’ xorta f’qalb in-nies tal-Baħrija bħala ġojjel ieħor fost il-kappelli Maltin, imxerdin fil-kampanja Maltija.


pjantaknisjagdida



Kitba © ta’ Joe Brincat; Ritratti © Noel Ciantar, Anthony M. Brincat.
Ritratti akkreditati lill-www.sanmartinbahrija.com użati bil-permess tal-Kappillan tal-Baħrija Fr. Timon Mercieca.

 

Il-Kappella ta’ San Martin
- Baħrija -

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small