L-isem "Michael" ġej mill-isem Lhudi "Micah", li tfisser "min hu bħal Alla ?". San Mikiel Arkanġlu huwa wieħed minn seba' arkanġli u wieħed minn tlieta biss li jissemmew b'isimhom fil-Bibbja (l-oħrajn huma San Rafel u San Gabriel).

Fil-Bibbja

stm06011Hemm erba’ referenzi għalih fil-Bibbja - darbtejn fit-Testment l-Antik u darbtejn fil-ġdid. Fit-testment l-antik jissemma' darbtejn fil-ktieb tal-profeta Danjel (10:13 u 12) u jidher bħala l-Prinċep li jindokra l-ulied tal-Poplu t'Alla kif ukoll tal-profeta Danjel fi żmien meta l-poplu t’Alla kien imjassar fil-Babilonja. Għalhekk, il-Lhud iqisu l-Arkanġlu Mikiel bħala l-protettur tagħhom.

Fit-Testment il-Ġdid, fl-eppistola ta’ San Ġuda hemm referenza (vers 9) għal San Mikiel fejn jingħad li kien hemm tilwima max-xitan dwar ġisem Mose. Fil-ktieb tar-Revelazzjoni ta’ San Ġwann, fi 12:7-8, hemm deskrizzjoni tar-rebħa tal-anġli mmexxija minn San Mikiel fuq x-xjaten wara ġlieda qalila. Barra minn dawn ir-referenzi diretti, hemm referenzi oħrajn għal xi anġlu li ismu mhux indikat li xi tejologi jaħsbu li seta’ kien San Mikiel, bħal, ngħidu aħna, l-Anġlu msemmi fil-Genesi (3:24) jew l-anġlu li ħarbat l-armata ta’ Sennacherib (2 Slaten 19:35). Referenzi għal San Mikiel jinsabu wkoll f’kotba Apokrifi bħal “De principiis” ta’ Oriġenu u ir-“Revelazzjoni ta’ Mose”.

Ta’ min jirrimarka hawn li meta nużaw il-kelma “San” meta nirreferu għall-Arkanġlu Mikiel, inkunu qed nagħmlu hekk biex nindikaw il-qdusija tiegħu u mhux biex nindikaw li kien xi persunaġġ uman li għex fid-dinja u li minħabba t-tjubija tiegħu ġie ddikjarat li mar ‘il ġenna wara mewtu.

L-Islam, twemmin ieħor u letteratura popolari

180px-Mikharkhangel3Filwaqt li tidher naturali li r-reliġjon Nisranija, li ħarġet minn dik Lhudija, tqis ‘il San Mikiel bħala protettur tagħha, hemm reliġjonijiet oħrajn ukoll li jirreferu, b’mod jew ieħor, għal San Mikiel. Fil-Qur’an, il-ktieb sagru tal-Misilmin, l-anġlu Mikiel jissemma darba fis-Sura 2:98. Xi kummentaturi Musulmani jaħsbu wkoll li l-Arkanġlu Mikiel kien wieħed mit-tlett anġli li kienu ltaqgħu ma’ Abram (Sura 11:72). L-Arkanġlu Mikiel jitqies bħala wieħed mill-4 Arkanġli mill-Misilmin kif ukoll huwa wieħed miż-żewġt Arkanġli msemmija b’isimhom fil-Qur’an (l-ieħor hu l-Arkanġlu Gabriel).

Reliġjonijiet oħrajn ukoll isemmu ‘l Arkanġlu Mikiel. William Sears, kittieb tal- Baha’I jinterpreta r-referenzi għall-Arkanġlu Mikiel f’Danjel 10:13 insemmi aktar ‘il fuq bħala li qed jirreferu għall Baha’u’llah, li kien persunaġġ nobbli Persjan. Il-Mormoni (Church of the Latter Day Saints) jgħidu li l-Arkanġlu Mikiel għex taħt is-sura ta’ bniedem fil-figura ta’ Adam, jiġifieri li Adam u l-arkanġlu huma l-istess persunaġġ. Mill-banda l-oħra, il-Jehovah’s Witnesses iwaħħdu l-figura ta’ Ġesł Kristu ma’ dik ta’ l-Arkanġlu Mikiel. Jibbażaw dan it twemmin fuq 1 Tessalonkin 4:16 li jgħid li “L-Mulej jinżel mis-smewwiet u jikkmanda, bil-vuċi t’Arkanġlu …” kif ukoll għall fatt li kemm l-Arkanġlu Mikiel kif ukoll Ġesł Kristu jinagħdu fil-Bibbja li jmexxu “armata ta’ Anġli” … u kif jista’ jkun li armata jkollha żewġt mexxeja separati ? Kittieba tan-“New Age” ukoll iwaħħdu l-figura ta’ Ġesł Kristu ma’ dik tal-Arkanġlu Mikiel.

L-epika ta’ John Milton Paradise Lost (is-sitt ktieb) tirrakkonta l-istorja tal-ġlieda bejn l-anġli t-tajbin immexxijjin mill-Arkanġlu Mikiel u x-xjaten għas-supremazija. L-Arkanġlu Mikiel hu l-karattru priċipali, maħdum minn John Travolta, fil-film tal-1996 Michael. Fil-film Ghost Rider tal-2007 ukoll jinkludi ‘l Arkanġlu Mikiel bħala wieħed mill-karattri prinċipali.


Il-Kult ta’ San Mikiel Arkanġlu

It-tradizzjoni Kristjana tislet 4 funzjonijiet mill-iskrittura li għandu San Milkiel:

     * Dik li jiġġieled lix-xitan,
     * Dik li jsalva l-erwieħ fil-punt tal-mewt
     * Dik li jipproteġi ‘l Knisja
     * Dik li jieħu l-erwieħ għand Alla għall-ġudizzju
       (Ara t-test tal-Offertorju tal-Quddiesa tal-Mejtin)


200px-Cathedral_St_Michaels_VictoryIt-tradizzjoni Nisranija bikrija kienet tpoġġi l-morda taħt il-ħarsien tiegħu u forsi għalhekk naraw il-kult imxerred madwar Malta (ara aktar ‘l isfel). San Mikiel hu assoċċajt ma’ ħafna nixxiegħat bi propjeta mediċinali madwar l-Ewropa, bħalma ngħidu aħna dawk fi Chiarotopa ħdejn Kolossae u dawk f’Khonas fl-istess inħawi. Fis-Santwarju ta’ Sosthenion, qrib Kostantinopli jingħad li San Mikiel deher lill-Imperatur Kostantinu. Il-morda kienu jorqdu fil-knisja biex jistennew xi manifestazzjioni jew oħra tal-Arkanġlu. L-Insara Eġizzjani ta’ fuq in-Nil qegħdu x-xmara kbira tagħhom taħt il-ħarsien tiegħu. F’Ruma, jingħad li l-Arkanġlu deher fuq il-Moles Hadriani (Il-Masulew ta’ Hadrian jew il-Castel di S. Angelo) fid-950 waqt purċissjoni mill-Papa Gregorju kontra l-pesta li kienet qed taħkem dak iż-żmien.

Jingħad ukoll li fis-sitt seklu deher l-Arkanġlu fuq il-muntanja Gargano fin-nofs-in-nhar tal-Italja. Ftit aktar minn mitt sena wara il-Lombardi ta’ Manfredonia talbu ‘l San Mikiel biex jeħlishom mill-għadu tagħhom, il-Griegi ta’ Napli. Biex ifakkru din ir-rebħa, il-knisja f’Manfredonja waqqfet festa li llum sirna nafuha bħala l-festa tal-Apparizzjoni ta’ San Mikiel għalkemm kif qed ngħidu, oriġinarjament kienet tfakkar rebħa. Minn dan iż-żmien ukoll San Mikiel beda jitqies bħala protettur tal-kavallieri li kienu jitolbuħ biex irebbaħhom fuq l-għadu. Il-paratruppi moderni jqisuh protettur speċċjali tagħhom minħabba dak il-passaġġ f’Danjel li jiddeskrivi l-battalja li ħafna minnha ssir fis-sema. San Mikiel hu ukoll patrun ta’ xi ordnijiet kavallereski, fosthom l-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ tal-Ingilterra li twaqqfet fl-1818.

MountStMichelBayeuxCOLFi Franza, fin-Normandija, hemm speċi ta’ għolja ċkejkna li kuljum (kienet) issir gżira skont il-livell tal-ilma waqt il-mili u t-tifrigħ. Din kienet tintuża bħala fortizza sa mill-eqdem żminijiet. Fit-tmien seklu nbena l-ewwel monasteru fuqha – qabel, din il-gżira kienet tissejjaħ Monte Tombe. Fis-sena 708, jingħad li l-Arkanġlu San Mikiel deher lil San Awbert, Isqof ta’ Avranches fejn talbu jibni knisja fuq din il-gżira. Jingħad li wara li għall diversi drabi l-Isqof ma tax każ ta’ din l-ordni, l-Arkanġlu ħaraq toqba b’subajħ fl-iskutella tar-ras tal-isqof … nassumu li din l-istorja hi biss leġġenda imżejna b’kuluri medjevali. Iżda kien x’kien, il-knisja fil-fatt imbagħad inbniet, tant li anke tidher fl-arazz Bayeaux li jikkommemora il-konkiwtsa Normanna tal-Ingilterra tal-1066. Illum din il-gżira tissejjaħ Mont St Michel. Fi Franża jeżisti wkoll kult kavalleresk iddedikat lilu li twaqqaf fl-1469.


Il-Kult f’Malta

Alfie Guillaumier fil-ktieb Bliet u Rħula ta’ Malta jagħti lista ta’ tlett knejjes iddedikati lill-Arkanġlu. Dawn jinstabu fis-Salina (Burmarrad), fl-Iklin u fl-Imqabba. Iżda ma’ dawn forsi wieħed għandu jżid oħra indikata fi Ġrajjiet Ħaż-Żebbuġ, f’Ħaż-Żebbuġ, li m’għadiex teżisti.

Nikol Ciantar, f’lista privata u mhux pubblikata, jidentifika 38 statwa, niċċa jew riljev fit-toroq ta' Malta u Għawdex li jirraffiguraw ‘l San Mikiel Arkanġlu, bi tnejn minnhom ikunu fil-gżira t'Għawdex. Kemm in-numru kif ukoll il-firxa jindikaw kult diffuż ma’ Malta kollha.


Birkirkara

4

Marsa

1

Wardija

1

Bormla

1

Mosta

1

Xaghra

1

Hamrun

1

Naxxar

1

Zabbar

2

Imqabba

3

Qormi

4

Zebbug Ghawdex

1

Kalkara

1

Qrendi

2

Zebbug Malta

1

Lija

1

San Giljan

1

Zejtun

3

l-Isla

1

Siggiewi

3

Zurrieq

2

Luqa

1

Valletta

1

 

 




Mill-banda l-oħra, Dun Ġorġ Grech Cremona f’artiklu li ġie ppublikat fir-rivista “Villa Lija” f’Ottubru tal-1984, janalizza l-altari ddedikati ‘l San Mikiel fil-knejjes Maltin u Għawdxin biex jistudja t-tixrid tal-kult. Hu jidentifika 21 altar f’Malta u 15 f’Għawdex, b’uħud minnhom ikunu ddedikati ‘l San Mikiel u lil xi qaddis ieħor flimkien kif ġej:


 - Malta -

- Ghawdex -

Belt

Konkatidral ta' San Gwann

Il-Fontana

Parrocca

Belt

Parrocca ta' San Pawl

Il-Munxar

Parrocca

Birgu

Knisja ta' Santa Skolastika

Il-Qala

Parrocca

Bormla

Parrocca

Iz-Zebbug - Ghawdex

Parrocca

Furjana

Parrocca

L-Ghasri

Knisja tal-Patroncinju

Gharghur

Parrocca

Rabat - Ghawdex

Parrocca ta' San Gorg

Hal Balzan

Parrocca

 

 

Hal Luqa

Parrocca

 

 

Hal Qormi

Parrocca San Gorg

 

 

Hal Tarxien

Parrocca

 

 

Haz-Zabbar

Parrocca

 

 

Isla

Knisja ta' San Filippu

 

 

Kalkara

Parrocca

 

 

Rabat - Malta

Parrocca

 

 

Zejtun

Parrocca

 

 




Fratellanzi u Xirkiet

San Mikiel_mqabbaIllum il-ġurnata dawn iż-żewġt termini nħalltuhom u nużawhom waħda flok l-oħra. Iżda fil-bidu ma kienx hekk. L-ewwel fratellanza f’Malta kienet dik ta’ Santa Marija Lunzjata li twaqqfet fl-1445 fi żmien l-Isqof Senatore de Mello. Il-Fratellanzi kien ikollhom ċerti obbligi reliġjużi inkluż li jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet lebsin il-muzzetta waqt li jġorru standard. Ix-Xirka kienet aktar assoċċjata ma’ xi sengħa jew oħra u filwaqt li kien ikollha l-istess obbligi reliġjużi tal-fratellanza, kienu wkoll obbligati jiddiskutu u jittrattaw kwestjonijiet marbuta mas-sengħa li jirrapreżentaw. Iżda l-membri tax-Xirka ma kienux jieħdu sehem f’purċissjonijiet. Biż-żmien, xi xirkiet talbu li jsiru wkoll fratellanzi, bl-ewwel waħda li ssir hekk kienet ix-Xirka ta’ San Ġużepp li saret ukoll fratellanza fi żmien l-Isqof Mikiel Balaguer fl-1649.


FratellanzaSanMikielIntant, ix-Xirka ta’ San Mikiel kienet tieħu ħsieb dawk tal-merċa, jiġifieri dawk li jbiegħu ħut, laħam u ħaxix. Biż-żmien, dawn ukoll saru Fratellanzi u fl-artiklu msemmi hawn fuq (1984) Dun Grech Cremona jsemmi tmien parroċċi f’Malta (Rabat, San Pawl tal-Belt, Bormla, San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, Żejtun, Għargħur, Ħaż-Żabbar u Ħal Balzan) u waħda f’Għawdex (Rabat - San Ġorg) fejn hemm il-fratellanza ta’ San Mikiel. Kif wieħed jista’ jistenna, kull fejn kien hemm fratellanza, hemm artal iddedikat ‘l qaddis fil-knisja parrokkjali. Il-fratellanzi ta’ San Mikiel jilbsu muzzetta ħadra.

L-Arkanġlu Mikiel jitqies, fost l-oħrajn, bħala l-patrun tal-morda, tal-kavallieri, tal-baħħara u tal-bejjiegħa tal-merċa. Hu patrun ukoll ta’ Franza u tal-Ġermanja, u f’Malta, tal-lokal ta’ l-Iklin.

stm06002San Mikiel Arkanġlu ġeneralment jiġi raffigurat b’xabla f’idu u b’xi skudett f’idejħ, liebes kurazza fuq sidru, filwaqt li jissielet f’pożizzjoni trijonfali max-xitan jew ix-xitan issimbolizzat bi dragun fin-nar taħtu. Ħafna drabi jidher ukoll b’miżien f’idejħ, biex tindika l-assoċċjazzjoni tiegħu mal-ġudizzju tal-bnedmin. Il-festa tiegħu taħbat nhar id-29 ta’ Settembru u ilha ġejja minn żminijiet medjevali. 

Dun Ġorġ Grech Cremona jagħlaq l-artiklu mmsemmi aktar ‘l fuq billi jgħid li “m’hemmx għalfejn ngħidu, imkien, la f’Malta, la f’Għawdex u lanqas fid-dinja kollha ma nsibu relikwa ta’ dan il-qaddis”. Fil-fatt, dawk li jingħaddu bħala “relikwi” ta’ San Mikiel m’huma xejn għajr xi ġebel żgħir mill-għar fil-muntaja Gargano, fl-Italja, fejn jingħad li deher l-Arkanġlu fis-sitt seklu, jew xi biċċa drapp li jkunu messewha mal-ġebel ta’ dan l-għar.

San Mikiel Arkanġlu
Protettur tal-Morda u tal-Baħħara

Kitba © Noel Ciantar; Ritratti © Caroline Camenzuli u mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

angel1gif
bells_2
pMyButton4
pMyButton4