Fil-qalba ta’ Ħal Qormi, fi Triq Santa Katerina, niltaqgħu ma' tlett kappelli, waħda ddedikata lil Santa Marija tal-Qrejqċa, l-oħra li tat l-isem ta’ din it-triq iddedikata lil Santa Katerina, li tintuża bħala maħzen għall-armar tal-festa u dik ta’ San Pietru li ser nitkellmu fuqha f’din il-kitba. It-triq kemmxejn dejqa li hemm maġenb din il-kappella hija wkoll imsemmija għal San Pietru.
Oriġini
Jidher li din il-kappella nbniet fis-seklu ħmistax. Meta Monsinjur Pietru Dusina għamel iż-żjara tiegħu f’Ħal Qormi fl-1575 żar ukoll lil din il-knisja, u sabha nieqsa minn kollox. Sabha bla bibien tal-injam, bla renti, bla rettur u nieqsa mill-ħwejjeġ essenzjali kollha għaċ-ċelebrazzjoni tal-kult religjuż. Kellha biss altar wieħed u l-għasar u l-quddiesa tal-festa kienu jagħmluhom in-nies b’devozzjoni. Dusina ordna li ma jsir xejn iktar fiha qabel ma jerġħu jitpoġġew il-bibien tal-injam sabiex tkun tista' tingħalaq.

Fis-sena 1656 l-Isqof Balaguer Camarasa fiż-żjara tiegħu li għamel f’Ħal Qormi kien sabha fi stat ħażin ħafna u nieqsa minn kull bżonnijiet u għalhekk ipprofanaha.
Dun Pietru Casha (skont Joseph F. Grima) jew Cassia (skont Kilin u Alfie Gullaumier) saċerdot minn Ħal Qormi li ma kienx joqgħod il-bogħod minn din il-knisja kien offra li minn flusu tinħatt u terġa' tinbena mill-ġdid, fl-istess post li kienet tinsab il-knisja l-oħra. Wara li miet dan il-qassis twajjeb daru tħalliet lil din il-knisja. Dan jidher mill-atti tan-Nutar Borg Pace. Fl-istess atti nsibu li l-kjeriku Ġużepp Grech kien ħalla l-flus biex jibda' jinxtegħel lampier fil-festa tal-qaddis.
Fl-atti tan-Nutar Luċju Azzopardi nsibu li fit-2 ta’ Frar 1656, l-aħwa Paska u Minka Axisa ħallew kapital ta’ 100 skud biex mill-imgħax tagħhom, fil-festa tal-qaddis issir quddiesa kantata, għasar u priedka.
Il-Knisja minn barra
Din il-knisja għandha faċċata verament ħelwa. Fiha kampnar sabiħ li fih qanpiena waħda. Taħt il-kampnar insibu statwa żgħira ta’ San Pietru bl-imfietaħ tal-Ġenna f’idu. Fuq il-bieb princiċali nsibu gwarniċa skolpita li tagħti ċertu eleganza lill-faċċata ta’ din il-knisja. It-tieqa li nsibu fuq il-bieb hija skolpita forma ta’ fjura li tkompli żżejjen lil din il-knisja. Bejn it-tieqa u l-istatwa tal-qaddis hemm skolpita fil-ġebel l-arma tal-Isqof Balaguer Camarasa li tista' tfisser li fi żmienu reġgħat inbniet din il-knisja. Mal-faċċata hemm ukoll żewġ imwieżeb, wieħed fuq kull naħa li għandhom forma kemmxejn oriġinali, jiġifieri dik ta’ kanun.
L-knisja għandha ukoll parapett żgħir quddiemha.
Il-kappella minn ġewwa
Il-knisja minn ġewwa hi ċkejkna imma ħelwa ħafna. Għandha artal wieħed tal-ġebel li għandu fuqu mnaqqax is-simbolu tal-ispeċi tal-konsagrazzjoni. Dan l-altar għandu prospettiva ukoll tal-ġebel iddekorata ħafna, bis-simbolu tal-Ispirtu s-Santu prominenti fil-quċċata tagħha. Iżda sfortunatament il-bqija tal- faċċata madwar din il-prospettiva hija miżbugħa b'kulur oranġjo qawwi li jispikka u li ma jaqbel xejn mal-bqija tal-istil tal-kappella. Kien ikun jirrispetta aktar l-ambjent arkitettoniku ta' din il-kappella kieku dan tħalla fuq il-ġebla u mhux miżbugħ.

Il-pittura titolari kienet turi l-martirju ta’ dan il-qaddis iżda ma nafux min pittirha. Illum din il-pittura tinsab fil-Mużew Parrokkjali tal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri. Peress li din il-kappella illum saret waħda sagramentali (jiġifieri jiġi espost is-sagrament fiha għal qima tal-fidili), minflok il-pittura titolari tqiegħed Kurċifiss u urna taħtu fejn jiġi espost is-Sagrament għal ħinijiet twal matul il-ġurnata.
Il-kappella għandha saqaf troll u fiha naraw ukoll gwarniċa li ddur ma’ tlett ħitan tal-kappella, ħlief ma' dak fejn hemm l-artal maġġur.
Attivitajiet marbuta ma' din il-kappella
Fl-imgħoddi fil-Ħames Ħdud tar Randan kienu jsiru ħames proċessjonijiet b'xi waħda mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira mil-knisja parrokkjali ta' San Ġorġ martri lejn ħames knejjes filjali. Fit-tieni Ħadd tar-Randan kienu jitilgħu lejn din il kappella bl-istatwa ta' Ġesł marbut mal-kolonna mbagħad kienet issir priedka fuq iz-zuntier u l-proċessjoni tmur lura lejn il-knisja parrokkjali. Din il-proċessjoni llum m’għadiex issir.
Fatt storiku marbut ma’ din il-Kappella
Ta’ min jgħid li ftit iktar l-isfel fi Triq Santa Katerina, eżattament quddiem il-kappella ta’ Santa Marija tal-Qrejqċa hemm id-dar fejn kien joqgħod l-Ispiżjar Stanislaw (Staw) Gatt li kien mexxa l-poplu Qormi fi żmien il-qawmien tal-Maltin kontra l-Franċiżi.
Il-kappella llum
Sa ftit snin ilu f’din il-kappella kien isir it-tagħlim tal katekiżmu lit-tfal bniet, imma llum qed isir fil-bini li jmiss ma' din il-kappella minħabba li fi żmien l-Arċipriet Dun Frans Abdilla din il-kappella saret kappella tal-Adorazzjoni perpetwa.
Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba u tkun miftuħa kuljum bis-sagrament ġo fiha. Ħafna nies matul il-ġurnata kif ukoll fil-għaxija jmorru biex jitolbu f’din il-kappella. Ta’ min jgħid li hi idea tajba ħafna u ta’ min jinkoraġġieha li jinfetħu kappelli bħal din fi rħula li s’issa m’għandhomx kappella ta’ Adorazzjoni perpetwa għax b’hekk kappelli li forsi sal-lum huma magħluqa jkunu jistgħu jingħaw ħajja ġdida u jerġgħu jiksbu l-funzjoni oriġinali li għaliha jkunu nbew.
Il-Kappella ta’ San Pietru
- Ħal Qormi -
Kitba © Roderick Busuttil mibnija minn fuq kitbiet ta’ George Micallef, Kilin u Joseph F. Grima. Ritratti © Roderick Busuttil, Anthony M. Brincat u mill-Internet
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



