L-Għammar u l-inħawi tas-Santwarju ta' Ta' Pinu huma aktar assoċjati mal-figuri ta' Karmni Grima u Frenċ tal-Għarb li taw bidu għal ġrajja li llum sarrfet fiċ-ċentru Marjan tas-Santwarju ta' Ta' Pinu. Iżda il-kappella oriġinali li tat il-bidu lill-istorja ta' Karmni Grima ma kenitx l-unika waħda li kien hemm fl-inħawi tal-Għammar. Kappella oħra ħelwa li nsibu fl-Għammar, bejn l-Għasri u l-Għarb, hija dik iddedikata lil San Publiju, li skont it-tradizzjoni kien l-ewwel Isqof ta’ Malta, midluk minn San Pawl innifsu wara li l-Appostlu tal-ġnus providenzjalment inkalja fi xtutna u ġabilna l-fidi Nisranija fis-sena 60 W.K.

DSCN3872



Għalkemm il-kappella hi aktar viċin l-Għasri, din tagħmel mar-raħal tal-Għarb. Biex tasal ħdejn din il-kappella trid taqbeż is-Santwarju tal-Madonna ta’ Ta' Pinu u tiġbed lejn it-triq li tagħti lejn l-Għasri, u mbagħad tidħol fi sqaq fuq ix-xellug tiegħek.

Oriġini

Jidher li din il-kappella ddedikata lil San Publiju mhix l-ewwel waħda li nbniet f’dawn l-inħawi. Skont Agius de Soldanis, qabel kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lil San Leonardu jew San Anard kif inhu magħruf aħjar (għal aktar informazzjoni fuq dan il-qaddis ara hawn). Din il-kappella kienet ġiet ipprofanata fiż-żjara tal-Isqof Balaguer Camarasa fl-1654 għax kien sabha fi stat ħazin ħafna.

DSCN3854



Il-kappella li naraw llum inbniet fil-post fejn kien hemm dik ta’ San Anard. L-ewwel ġebla kienet tqiegħdet fis-26 ta’ Lulju 1850 u tbierket fl-1852 minn Dun Salvatore Mizzi, l-Arcipriet tal-Għarb. Għall-bini ta’ din il-kappella kien ħallas Dun Ġużepp Cassar, li dak iż-żmien kien ukoll ir-Rettur tas-Santwarju ta’ Ta' Pinu (is-Santwarju l-antik: dak il-ġdid beda jinbena fl-1920), li jinsab ftit 'il bogħod minn din il-kappella. Minn hemm bdiet ir-rabta ta’ din il-kappella ma’ dan is-Santwarju Marjan, għax sal-lum il-kappella jieħu ħsiebha xi qassis li jkun iservi f’Ta’ Pinu.

Jista' jkun li d-dedika tal-kappella inbidlet għax kien l-Isqof Publius Sant li kien ta l-permess li tinbena l-knisja l-ġdida. Sa dak iż-żmien, kif għadu sal-lum, Għawdex għad ma kienx hemm knisja jew kappella oħra ddedikata lil dan l-ewwel Isqof ta’ Malta. Dan seta' ħeġġeġ lill-Isqof biex jissuġġerixxi li din il-kappella tiġi ddedikata lil San Publiju.

Il-Kappella minn barra

DSCN3857Din il-faċċata li hi maqsuma f'żewġ sulari. Għandha erba' pilastri ta' stil Doriku fil-biċċa t'isfel li jerfgħu l-entablatura u li 'l fuq mill-gwarniċa hemm is-sular ta' fuq. Fin-naħa t'isfel hemm il-bieb u fuqu hemm gwarniċa mmulata. Dan il-bieb jintlaħaq bi tliet tarġiet. Fin-naħa ta' fuq hemm tieqa mdaqqsa li tagħti d-dawl lill-ġewwieni tal-kappella u li ċ-ċavi tagħha hija maħruġa 'l barra bħallikieku forsi riedu li xi darba jiskolpixxu xi arma. Il-biċċa ta' fuq għandha żewġt iġnieb ta' stil Vignola jew kurvi għall-vojt li jingħaqdu ma' żewġ piramidi fit-tarf.

Fuq nett hemm frontispizju jew pediment triangolari li fih fetħa li sservi ta' kampnar għall-qanpiena. Fuq il-kampnar hemm is-salib tal-ġebel. Il-kappella m’għandhiex zuntier imma biex tidħol fiha trid titla tlett tarġiet. Il-bieb huwa sempliċi b’ forma rettangolari.

Il-Kappella minn ġewwa

DSCN3851Il-kappella minn ġewwa hi żgħira imma ħelwa ħafna. Bħall-knejjes oħra li nbnew fi żmienha, din il-kappella għandha saqaf troll. L-art ta’ din il-kappella hi tal-madum antik. Il-kappella għandha artal wieħed tal-irħam, li l-kwadru li nsibu fih hu ddedikat lil San Publiju. Din il-pittura li jidher li saret minn Dun Bernard Theuma mhiex iddatata u turi lil San Publiju liebes l-ilbies ta’ Isqof, jitlob filwaqt li hu mdawwar minn żewġ iljuni. Sfortunatament din il-pittura skurat ħafna, u saret diffiċli biex tara l-figura ta’ dan il-qaddis martri. Apparti l-kwadru titulari nsibu żewġ pitturi oħra, wieħed fuq kull naħa tat-titular. Dawn juru lill-Assunta u lill-Kunċizzjoni. Fil-knisja nsibu wkoll sett kwadri tal-Via Sagra li għadhom l-oriġinali ta’ meta kienet ġiet imbierka l-knisja.


DSCN3865




DSCN3864Quddiem l-artal insibu wkoll lapida tal-irħam, li f’nofsha hemm salib u berittin, li turi li hemm midfun qassis taħtha. Fuqha m’hemm ebda dettalji jew ismijiet ta’ min indifen hemm. Skont Dr. Paul Grech jidher li hemm midfun Dun Franġisk Mercieca li serva ta’ Rettur ta’ din il-kappella għal diversi snin. Ta’ min jgħid li dan il-qassis kien jiġi mill-bogħod omm Franġisk Mercieca, jew kif inhu magħruf aħjar Frenċ tal-Għarb.

Il-festa ta’ San Publiju

F’din il-kappella kull sena tiġi ċċlebrata l-festa ta’ San Publiju, li taħbat fit-22 ta’ Jannar. Din il-festa, iżda, tiġi ċċlebrata fir-raba’ Ħadd tax-xahar. Għall-festa ssir quddiesa kkonċelebrata u għaliha jattendu nies mill-inħawi. Mhux l-ewwel darba li għall-festa jitilgħu xi nies minn Malta speċjalment Furjaniżi li l-parroċċa tagħhom hi ddedikata ukoll lil San Publiju.


Ritratt © Caroline Camenzuli

DSCN3852

DSCN3867



Il-Knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, grazzi għal Pawla Mintoff li tieħu ħsiebha u dawritna mal-kappella. Ma tiftaħx regolarment u lanqas isir quddies fiha regolarment, għajr l-ewwel gimgħa tax-xahar. Tiftaħ ukoll biex tiġi reċitata t-talba tar-rużarju.

 Il-Knisja ta’ San Publiju
- Ta’ Għammar, fl-Għarb - Għawdex -

Kitba © Roderick Busuttil. Dettalji arkittetoniċi ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti © Caroline Camenzuli

L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

angel1gif
bells_2
pMyButton4
pMyButton4