Il-Kappella ta’ Sant’Anna, li hija waħda miż-żewġ kappelli li hemm fil-Kastell “Castrum Maris” jew kif inhu magħruf aħjar, il-Kastell Sant'Anġlu, fil-Birgu.
Din il-kappella, li għandha storja kbira, tidher sewwa mill-Barrakka ta’ Fuq u minn ħafna postijiet li qegħdin fl-għoli madwar il-Port il-Kbir billi qiegħda fil-parti ta’ fuq nett tal-Kastell Sant'Anġlu.
Il-Kastell Sant Anġlu
Dan il-Kastell huwa antik ħafna, u jaf il-bidu tiegħu fl-eqdem żminijiet. Jingħad li kienu l-Arab li ħasbu biex jibnu xi torri jew kastell f’tarf il-Birgu. Fi żmien l-Anġovini, kien mgħammar b’munizzjon u suldati, u jingħad kif Matteo de Podio, Kastellan Franċiż, iddefendieh meta ġew l-Aragoniżi, fi żmien il-Vespri Siċiljani.

Dan il-forti kemm-il darba ġie rranġat u mkabbar aktar milli kien. L-ewwel tkabbir sar mill-Aragoniżi. U minn hawn għadda għal taħt idejn ċerta familja Maltija De Nava, familja nobbli, ta' dixxendenza Sqallija, bi dritt ereditarju mogħti lilha mis-Sultan ta’ Spanja. Giovanni De Nava kellu t-titlu ta' Baruni u kien il-Kastellan ta' Sant'Anġlu bejn is-snin 1481 u 1485.
Dan għadda f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann, wara li l-familja De Nava ċediet il-kastell kollu, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Castrum Maris. Minfloku, din il-familja ngħatat pensjoni fis-sena, mill-Ordni Ġersolomitana ta’ San Ġwann. Wara li ħaduh f’idejhom il-Kavallieri, komplew irranġawh. Fi żmien l-Ingliżi, dawn ħaduh taħt idejhom u komplew irranġawh u bidluh għas-sura kif nafuh illum.
Apparti din il-kappella ddedikata 'l Sant'Anna, fil-Kastell hemm ukoll kappella ddedikata lin-Nativitą tal-Madonna jew, kif nafuha, il-Vitorja.
Oriġini
Din il-kappella fil-bidu kienet iddedikata lil Sant'Anġlu. Hija mibnija fuq kripta, li hija mħaffra fil-blat, għalhekk titqies ukoll bħala kappella trogloditika. Din il-knisja kienet mibnija ħafna qabel il-wasla tal-Kavallieri f’Malta. Hu maħsub li nbniet qabel 1274 u nsibuha mniżżla f’dokument Anġovin li jġib dik id-data. Wara waqgħet f’idejn il-familja De Nava meta dawn ħadu l-forti. Il-kap ta’ din il-familja kien il-Ħakem, jew il-Gvernatur ta’ din il-gżira. Hija tinsab fil-parti ta’ fuq tal-forti, quddiem il-Palazz Maġisterjali. Skont Fra John Critien, il-Kavallier residenti f'Sant'Anġlu, fil-bidu tas-seklu tlettax fi żmien il-Konti Enerico Pescatore kien ġie f'dan il-Kastell Piere Vidal, li kien troubadour importanti minn Provence, fi Franza. Dan juri li f'Malta kien hawn ukoll rabtiet kulturali ma’ l-Ewropa anke f'dawn iż-żminijiet. U mhux biss. Joseph M. Brincat, f’kitba fil-Melita Historica tal-1976 jgħid li “La presenza di Peire Vidal a Malta nel 1204 č un segno sicuro della floridezza economica che l’isola godeva sotto Enrico Pescatore.” Hu kien qed jikteb f’artiklu dwar il-poeżiji li Piere Vidal kiteb f’Malta bejn is-snin 1204-1205 ad unur il-Konti li kien ġabu hawn.

Malli l-Kavallieri ħadu l-forti f’idejhom, jiġifieri fl-1532, huma komplew irranġaw u kabbru din il-kappella. Ftit wara li rrangawha, il-Gran Mastru L'Isle Adam għamilha bħala l-kappella privata tal-Gran Mastru, u baqgħet isservi t’hekk sakemm il-Kavallieri telqu mill-Birgu u marru joqogħdu fil-Belt Valletta.
Din il-knisja ċkejkna għandha għamla partikolari tassew, b’navata kbira u saqaf li min isejjaħlu ta’ stil Siculo Normann u min stil Malti qadim. Imma hu x’inhu, hu stil li jixbah lil bini ieħor Malti tas-seklu ħmistax. Din il-kappella hija ddedikata lil Sant’Anna. Il-Kavallieri kellhom rabta speċjali ma' din il-qaddisa, għax l-ewwel nett, Sant’Anna kienet omm il-Vergni Mqaddsa, u t-tieni nett, għaliex Sant’Anna kienet il-prottetriċi tal-baħħara, u l-Ordni kienet qawwa navali.
Din il-kappella bidlulha d-dedikazzjoni tagħha darbtejn. Oriġinarjament kienet iddedikata 'l Santa Marija. Imbagħad id-dedika nbidlet għall-Epifanija u fl-aħħarnett reġgħet ġiet iddedikata mill-ġdid lil Sant'Anna, bħalma għadha magħrufa llum.
Hu maħsub li fejn illum hemm din il-kappella, qabel kien hemm tempju qadim ta’ Ġuno, u li kien ra l-fdal tiegħu Fra Quintino, storiku ta’ l-Ordni. Fil-kappella hemm kolonna tal-granit aħmar li jingħad li ġejja mill-Eġittu. Din il-kolonna tappartjeni għal dan it-tempju antik, tempju ta’ xi 1400 sena qabel Kristu. Il-Konti Ruġġieru sab il-fdalijiet ta’ dan it-tempju, meta hu ġie Malta fl-1091. Din il-kolonna, li ttellgħet minn qiegħ il-baħar, qiegħda żżomm parti mis-saqaf ta’ din il-kappella. Il-kwalitą ta’ dan il-granit aħmar ta’ din il-kolonna jiġi biss mill-Eġittu.
Il-Kappella
Il-kappella għandha disinn assimetriku, ġeneralment rettangolari iżda b'ħruġ 'il barra fuq in-naħa tal-lemin. Id-dħul hu minn bieb ta’ l-injam li għandu arkata nofs tond u li fuqha hemm tieqa sempliċi ovali. Faċċata ta’ l-entratura priċipali hemm ftuħ żgħir, speċi ta' pjazzetta, li fit-tarf tagħha, kważi fuq is-sur, hemm statwa ta' San Ġwann il-Battista.
Il-kappella hija ddekorata fin-naħa ta' fuq bi gwarniċ fil-ġebel mad-dawra kollha. Dan il-gwarniċ jikkomplimenta ieħor bħalu li hemm fit-Torri tal-Kaptan, fuq in-naħa ta' wara tal-kappella. 
Fuq il-faċċatta hemm kampnar żgħir b'qanpiena tal-bronż, filwaqt li l-kampnar innifsu għandu fuqu salib tal-kavallieri tat-tmien ponot,maħdum ukoll fil-ġebla. Fuq in-naħa tax-xellug tal-kappella jidher li xi darba kien hemm bieb b'arkata ppuntata li llum, iżda, hu mbarrat bil-ġebel. Fil-ġnub tal-kappella hemm ukoll xi mwieżeb għall-ilma f'għamla ta' kanun żgħir. Fin-naħa ta' wara tal-kappella hemm taraġ li jagħti għal taħt l-art tal-kappella, fejn hemm żewġ swali kbar indallmin (il-kripta l-antika li nbniet fuqha l-kappella attwali), waħda f'livell aktar baxx mill-oħra. Is-sala ta' taħt fiha bokka fonda li jingħad li nstabu għadam ta' nies fiha u li setgħet kienet tintuża bħala kannierja.
Kif tidħol fil-kappella ssib ruħek f'qisha entratura żgħira. Aktar 'il ġewwa mbagħad issib ruħek fil-parti prinċipali tal-kappella, bi ftuħ wiesa’ fuq il-lemin li jagħtiha l-għamla stramba assimetrika li rreferejna għaliha. Is-saqaf hu stil Sikulo-Normann (jew Malti antik, kif diġa għidna) u hu miżmum u mgħaqqad bil-kolonna tal-granit Eġizzjan fin-nofs li tiddemarka wkoll il-kappella prinċipali mill-fetħa fuq il-lemin. Fil-fetħa fuq il-lemin hemm żewġ artali ta’ l-injam, wieħed b'kurċifiss kbir fuqu u l-ieħor fih statwa ta’ l-injam li turi 'l Sant'Anna bil-Madonna f'ħoġorha. Fuq kull naħa ta' din l-istatwa hemm arma minquxa fil-ġebel fil-ħajt. Dawn huma t-tnejn mikulin sew. Quddiem l-artal tal-Kurċifiss hemm ukoll ġinokjatur. Mal-ħajt tal-faċċata ta' dan l-ispazju fuq il-lemin, hemm skrizzjoni bil-Latin li tikkommemora l-Gran Mastru Philip Villiers l'Isle Adam. Skont l-istoriku Anton Attard, l-iskrizzjoni bil-Latin ta’ l-irħama tgħid illi l'Isle Adam irranġa din il-kappella u wara, meta miet, indifen fiha. Fil-kripta ta' din il-kappella, li tinsab taħt il-knisja, indifnu l-ewwel 4 Gran Mastri ta’ l-Ordni li mietu Malta li kienu: Fra Filippo de l’Isle Adam, Fra Pierino del Ponte, Fra Jean d’Homedes u Fra Claude de la Sengle. Il-fdalijiet ta' dawn il-Granmastri nġarru fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, meta dan tlesta. Taħt din l-irħama hemm ukoll żewġ statwi ta' qaddisin, twal madwar metru, iddentifikati minn Winston Zammit bħala dawk ta' San Ġwann il-Battista u ta' San Ġiljan.
.
Il-kappella nnifisha hi spartana mit-tiżjin. Hemm bieb żgħir fuq in-naħa tal-lemin u fuqu hemm pittura tal-Madonna bil-Bambin ma' Sant'Anna. It-titular, fuq l-artal sempliċi ta’ l-injam, huwa speċi ta' riliev li juri 'l Sant'Anna bil-Madonna żgħira f'idejha. Fuq in-naħa tax-xellug hemm ukoll kandelabru kbir ta’ l-injam elaborat. L-art tal-kappella hi taċ-ċangatura. Fuq l-artal maġġur hemm speċi ta' koppla ċatta f'għamla ta' nofs tond u msaqqfa bix-xorok. Din fiha t-twieqi mad-dawra li jħallu d-dawl jidħol ġewwa għal fuq l-artal.
F’dan it-tempju kien hemm ikona antika ħafna bħala titular ta’ din il-kappella. Bejn l-1937 u l-1939, din l-ikona ttieħdet fl-Awla Kapitulari tal-Kolleġjata Insinji ta’ San Lawrenz fil-Birgu, iżda nqerdet fl-aħħar gwerra, bil-bombi tal-għadu.
Fil-kappella ta' Sant'Anna m'hemmx kwadru titulari. Hemm ritratt fuq it-tila fuq il-bieb tan-naħa tal-lemin tal-kappella, li juri lil Sant'Anna u lill-Madonna bil-Bambin f'idejha. Dan hu ritratt fuq it-tila ta' pittura ta' Stefano Erardi li hemm fil-Proto-Parroċċa ta' San Pawl ir-Rabat. Din l-informazzjoni tahielna l-istoriku Anton Attard.
Il-Kappella wara li telqu l-Kavallieri mill-Birgu
Wara li l-Ordni ġarret lejn il-belt Valletta, ftit huwa magħruf x’servizz baqgħet tagħti din il-kappella li kienet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Ordni, iżda nafu li sas-sena 1648 kien għadu jiġi appuntat xi ħadd biex jieħu ħsiebha. Infatti f’dik is-sena jissemma l-presbiteru Injazju Da Amico, ġiżwita li kien magħżul biex iservi bħala kappillan tagħha. Aktarx li kienet għall-użu ta’ xi kavallieri li kienu jieħdu ħsieb id-difiża tal-port minn dan il-kastell.
Meta ġew il-Franċiżi, fl-1798, jidher li ma baqgħetx tintuża għall-ħtiġijiet reliġjużi. Meta l-kastell kien ġie okkupat mill-forzi tas-servizzi Ingliżi fil-bidu tas-seklu dsatax, il-knisja kienet biss tintuża bħala maħżen biex jerfgħu fiha l-munizzjon u armi tas-suldati.
Sas-sena 1866, kienet għadha miżmuma qisha armerija, mimlija bi ħwejjeġ meħtieġa għall-kanuni li kienu jimlew il-fortijiet. Fis-sena 1882, iżda kienet tbattlet u tnaddfet u bdiet tiġi wżata bħala skola.
Billi qrib is-sena 1921 ma kienet ta' ebda użu, kienet ġiet magħluqa u hekk baqgħet għal bosta snin. Wara kien wera interess fiha wieħed Kmandant Navali tas-Servizz Ingliż fil-Kastell u fetaħha mill-ġdid. Wara li tnaddfet, ġiet ikkonsagrata għas-servizz reliġluż taċ-Church of England għall-użu tal-baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati fil-Kastell stess.
Bis-saħħa t’hekk kienet ġiet ikkultivata, iżda wara l-gwerra, bil-ħila tal-Kappillan Kattoliku tan-Navy ta’ dak iż-żmien, bdiet tintuża għall-funzjonijiet Kattolċi. Bdiet issir quddiesa għall-Maltin li jaħdmu hemm. Fil-Vitorja, kienet issir quddiesa għall-pubbliku. Wara li telqu l-Ingliżi din il-kappella reġgħet ingħalqet.
Din il-Kappella llum reġgħet waqgħet f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann u hija miżmuma tajjeb ħafna u qiegħda tintuża biss f’xi okkażjonijiet mill-Gran Mastru ta’ l-Ordni. Sfortunatament din il-kappella ma tantx tinfetaħ għall-pubbliku, għajr nhar it-8 ta’ Settembru, il-ġurnata li fiha Malta tiċċelebra l-festa nazzjonali tal-Vitorja, il-jum li fost l-oħrajn jikkommemora r-rebħa fl-Assedju l-Kbir fuq it-Torok. L-uniku resident uffiċjali li hemm f'Sant'Anġlu, Fra John Critien, kull nhar is-26 ta' Lulju fil-festa ta' Sant'Anna jagħmel festa bil-kbir fil-kappella kif ukoll isiru xi attivitajiet soċjali wara bis-sehem tal-poplu tal-Birgu.
Il-Knisja ta’ Sant’Anna
- fil-Kastell Sant’Anġlu fil-Birgu -
Nota:
Id-deskrizzjoni tal-kappella mogħtija hawn fuq hi kif kienet tidher nhar it-8 ta' Settembru 2007 meta, bħal snin oħrajn, kienet miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Mid-dehra, dan l-aħħar sar xi tibdil u/jew ċaqliq ta' oġġetti li fiha din il-kappella. Għalhekk, id-direzzjoni tixtieq li min għandu xi informazzjoni dwar dan li ġej, jgħaddihielna sabiex ikollna stampa kompleta u attwali ta' kif inhi din il-kappella. Min jiktbilna nistgħu nibagħtulu ritratti ta' kulma semmejna, li ma poġġejniehomx hawn minħabba n-nuqqas ta' spazju.
* Ir-riliev ta' Sant'Anna fuq-l-artal maġġur li x’aktarx hu ta’ l-injam
* L-istatwa żgħira antika ta' Sant'Anna (madwar 50 - 70 ċentimetru)
li hemm fuq wieħed mill-altari li hemm fuq id-daħla tal-lemin
* Xi ritratt tal-kripta taħt il-knisja
Grazzi
Id-Direzzjoni tixtieq tirringrazzja 'l dawk kollha li għaddewlha informazzjoni aktar korretta dwar xi ħwejjeġ li ktibna dwar din il-kappella. Id-direzzjoni qed tinkorpora dawn il-korrezzjonijiet kemm jista' jkun malajr kif jidħlulna, sabiex l-informazzjoni li tidher fuq dan is-sit tkun dejjem aġġornata. L-għajnuna tagħkom f’dan ir-rigward hu apprezzat u anke mistenni.
Kitba © Joseph Brincat; Ritratti © Noel Ciantar u mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

