Kappella oħra b’oriġini antiki hija l-kappella ta’ Sant'Anna fil-Wied tal-Pwales. Din il-kappella fil-kampanja tinsab imdawra bi blat għoli u qalb is-siġar tal-ħarrub f’tarf tal-wita tal-Pwales, tħares fuq ir-raba’ għammiel. Hija kappella qadima ħafna li biex wieħed jasal għaliha jkollu jaqbad it-triq li twassal mix-Xemxija għall-Pwales u jgħaddi minn mogħdija qalb is-siġar. Din il-kappella llum tieħu ħsiebha l-Għaqda Ex-Studenti Liceo (Association of Lyceum Past Students - ALPS). Ritratti © Caroline Camenzuli Il-Madonna San Franġisk

Il-Pwales
Il-Wied tal-Pwales huwa għammiel u sabiħ, dejjem iħaddar bl-uċuħ tar-raba’, li tassew jgħaxxqek u jsaħħrek bil-ġmiel naturali tiegħu. Mal-ġnub tal-wied hemm għerien fil-blat. Kien hemm ukoll fdalijiet oħrajn ta’ importanza li ttieħdu fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Ġan Franġisk Abela, fix-xogħol tiegħu Della Descrittione di Malta, Isola nel Mare Siciliano con le Sue Antichità ed Altre Notizie ta’ l-1647, kiteb “Porto di San Paolo chiamato tutto quel seno Pwales per il naufragio quivi fatto dal glorioso apostolo”, li tfisser li l-post jissejjaħ il-Pwales minħabba n-nawfraġju ta’ San Pawl f’dawk l-inħawi.

Min-naħa l-oħra l-Professur Pietru Pawl Saydon kien tal-fehma li l-kelma Pwales ġejja mill-kelma palus, li tfisser art mogħxa.
Jista’ jkun ukoll li l-kelma Pwales ġejja mill-kelma Latina paludes, minn żmien ir-Rumani, li tfisser bogland għax l-inħawi kienu jżommu ħafna ilma meta tagħmel xita qliel. Tant hu hekk li meta saret ir-riserva fix-Xemxija, ħaffru kanali fondi u sabu li l-ilma kien baqa’ hemm minkejja s-snin kollha li għaddew.
Interessanti li dawn it-tifkiriet żammew l-istess kliem antik, imqar meta Malta kienet maħkuma mill-Għarab.
Oriġini
Jidher li din il-kappella kienet diġà teżisti fis-seklu 13 u kienet inbniet minn Gian Lorenzo Galea. Għall-ewwel kienet iddedikata lit-Twelid tal-Madonna. Dan insibuh ukoll f’mapep antiki ta’ Malta li juru li din kienet magħrufa bħala Tal-Vitorja.
Fl-atti taż-żjara pastorali ta’ Monsinjur Pietro Dusina ta’ l-1575 hemm miktub li din il-kappella kienet iddedikata lit-Twelid tal-Madonna u kienet mibnija fl-artijiet ta' Tumas Xara. Wara ġiet ipprofanata għal xi żmien u fl-1672 inbniet mill-ġdid mid-Djaknu Giovanni Vincenzo Galea. Il-kappella tbierket mill-Isqof Lorenzo Astiria fl-1 ta’ Lulju 1672. Qabel ma reġgħet infetħet, l-armla ta’ Dottor Michele Ferriolo waqqfitha bħala ġuspatronat.
Fl-atti tan-Nutar Giovanni Luca Mamo bid-data ta’ l-20 ta’ Mejju 1672, meta kien rettur Dun Ferdinando Pace, insibu li Lauruca Galea u Agatha Xerri waqqfu benefiċċju favur il-kappella mid-dħul ta’ qbiela mill-artijiet fil-Pwales. Il-festa tagħha kienet tiġi ċċelebrata b’quddiesa bil-kant ta’ l-għasar.
Fl-1731, fiż-żjara ta’ l-Isqof Pawlu Alpheran de Bussan, dan sab lil din il-kappella fi stat ħażin ħafna u reġa’ pprofanaha. Iżda fl-1771 l-Isqof Fra Giovanni Carmelo Pellerano reġa’ berikha.
Fatt storiku marbut mal-kappella
Wara li l-kappella reġgħat infetħet fl-1771, ma damitx ma reġgħet ġiet vandalizzata. Fl-1798 suldati Franċiżi daħlu fil-kappella u qerdu l-kwadru titulari li kien hemm fuq l-altar bil-bajjunetti tagħhom. Jingħad ukoll li s-suldati sparaw fuq il-faċċata tal-kappella u għamlu ħafna ħsara.
Jidher li wara li t-truppi Franċiżi għamlu ħsara qawwija fil-kwadru titulari tal-Vitorja, min kien jieħu ħsiebha qiegħed wieħed ta’ Sant'Anna u San Ġwakkin. Minn dak iż-żmien saret magħrufa bħala l-Kappella ta’ Sant'Anna.
Il-kappella fis-seklu 20
Jidher li fis-seklu 20 il-kappella waqgħet f’idejn xi nies li kienu joqogħdu fl-inħawi. Kellimna lil Aldo Leone Ganado, li kien midħla sewwa ta’ l-inħawi tal-Kappella ta’ Sant'Anna sa minn meta kien tifel, biex jagħtina aktar tagħrif dwarha.
Jiftakar lil mara li kien jisimha Gejtana u magħrufa bħala Taċ-ċakkâr, il-mara li kienet tgħix fir-razzett ‘il fuq mill-kappella u li kienet tieħu ħsiebha hi. Fis-snin wara l-1920 kien jitla’ jqaddes fil-kappella Dun Ġammari Azzopardi (Dun Ġam), qassis mill-Mosta, u Gejta kienet qisha s-sagristana tal-kappella.
Dun Ġammari Azzopardi kien ir-rettur tal-Kappella ta’ Sant’Anna tal-Pwales fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor. Dan il-qassis Mosti miet f’qasir il-għomor fil-5 t’April tal-1934. Ta’ min jgħid illi fil-1916, kien infetah l-ewwel ċentru tal-MUSEUM tas-subien fil-Mosta u dan kienu jieħdu ħsiebu Dun Ġammari bħala Direttur Spiritwali u n-neputi tiegħu bħala Superjur. Dan in-neputi ta’ Dun Ġammari fil-fatt kien l-istoriku, edukatur u kittieb Mosti Emanuel Benjamin Vella (E.B. Vella).
Meta mietu kemm Dun Ġam kif ukoll Gejta fil-bidu tal-Ħamsinijiet, il-kappella waqgħet f’abbandun. Is-saqaf tal-kappella, li kien troll bħal ħafna kappelli li nbnew dak iż-żmien, kellu jinbidel u sar ċatt tal-konkos, saru plieri mal-ġenb tal-knisja biex isostnuha, tqiegħed il-madum u ddaħħal l-elettriku. Dan ix-xogħol sar madwar 70 sena ilu mill-Perit England (missier il-Perit Richard England), li kellu dar quddiem is-slipway ta’ San Pawl il-Baħar. Mhux magħruf għaliex għażel li ma jżommx is-saqaf bit-troll, kif kien dak oriġinali.
Patri Ugolin Xerri u l-kappella
Għall-ħabta tas-snin Tmenin tfaċċa Patri Ugolino Xerri, Franġiskan Konventwali, li kien iservi fil-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar li taħtha kienet taqa’ l-kappella ta’ Sant'Anna. Dan il-patri rabat qalbu ma’ din il-kappella u dam tmien snin jieħu ħsiebha sewwa. Kien iqaddes kuljum fis-7 a.m. għar-raħħala ta’ l-Imbordin u tal-Pwales, u fuq is-sagristija bena xi kmamar għall-irqad u faċilitajiet sanitarji.
Saħansitra għamel loudspeakers li kienu jagħtu lejn inħawi differenti u kien isejjaħ lin-nies għall-quddies tat-tmienja, ta’ nofsinhar u ta’ fil-għaxija, kif ukoll tat-tlieta nhar ta’ Ġimgħa. Kien ukoll jagħmel prayer meetings. Kien l-ewwel wieħed li ħa ħsieb li jibda jagħmel il-festa ta’ Sant'Anna f’din il-kappella. Għamel ukoll statwi tal-Madonna u ta’ San Franġisk qrib il-kappella.
Fil-Milied u fl-Għid hu u r-raħħala kienu jitilgħu proċessjonalment mar-rampa sa l-għar tar-razzett li hemm ‘il fuq, u kien iqaddes fuq altar tas-sejjiegħ li xi ħbieb kienu bnewlu hemmhekk.
Wara li l-kapitlu bagħat lil Patri Ugolin band’ oħra l-kappella reġgħet waqgħet fis-skiet, sakemm ġiet f’idejn l-ALPS fil-bidu tas-seklu 21.
Il-kappella tgħaddi f’idejn l-ALPS
L-Għaqda Ex-Studenti Liceo kien ilha xi żmien tfittex xi waħda mill-kappelli li għandna f’Malta li jinsabu mitluqin jew abbandunati, għax kienet ix-xewqa ta’ l-għaqda li tieħu ħsieb waħda minn dawn il-kappelli billi tagħmel dak kollu li kien meħtieġ biex iżżommha fi stat tajjeb.
Membru ta’ din l-għaqda li kien għalliem fil-Liceo, is-Sur Joe Micallef, minn stħarriġ li għamel sema’ li kien hemm kappella fil-Pwales li kienet tagħmel minnha l-komunità Franġiskana Konventwali ta’ San Pawl il-Baħar.
Wieħed minn dawn is-saċerdoti kien Patri William Bartolo OFM Conv., li kien u għadu d-Direttur Spiritwali ta’ l-ALPS. Kien ukoll għal xi żmien jieħu ħsieb il-ħtiġiet spiritwali tal-Lyceum Scout Group.
Saru laqgħat u taħditiet bejn il-President ta’ l-ALPS Dr. Guido Saliba u l-kappillan ta’ dak iż-żmien, Patri Joe Mamo. Fl-14 ta’ Settembru 2000 sar ftehim mal-komunità li minn April tal-2001, l-ALPS tibda tieħu ħsieb il-Kappella ta’ Sant'Anna. Il-ftehim għan-naħa ta’ l-ALPS iffirmah il-President Fundatur Dr Guido Saliba.
Wara dan il-ftehim l-għaqda mill-ewwel ħadet l-inizjattiva billi bdiet tagħmel spezzjoni tal-kundizzjoni tal-kappella u tagħmel programm għar-restawr li kien tant meħtieġ li jsir. Kienu l-membri tal-Lyceum Scout Group li taħt it-tmexxija tal-Group Leader u l-Koordinatur tagħhom bdew ineħħu ċertu materjal li kien hemm fl-inħawi tal-kappella.
Ir-restawr tal-kappella
Ix-xogħol fil-kappella qajjem entusjażmu kbir fost il-membri tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ l-ALPS. Saru laqgħat ma’ esperti tar-restawr li kienu mistednin iżuru l-kappella. Il-membri tal-kumitat li twaqqaf apposta – Charles Calleja, Alfred Zammit Montebello (illum mejjet), David Abela, it-Tabib Nazareno Azzopardi, John Curmi, Joe Fenech, George S. Grech, Joe Mallia, Alex Borg, Joe Micallef, Ġorġ Stagno Navarra u Dr Guido Saliba (illum ukoll mejjet) – għamlu dak kollu li setgħu (u fejn sabu diffikultà fittxew il-pariri ta’ l-esperti) biex il-Kappella ta’ Sant'Anna tiġi restawrata għall-glorja li kellha darba.
Ir-restawr kien jinkludi t-tiswija u l-waterproofing tal-bejt u ċangatura ġdida tal-franka. Dan sar taħt id-direzzjoni tal-Perit Ray Farrugia tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet bl-approvazzjoni tal-Ministru ta’ l-Infrastruttura ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Francis Zammit Dimech. Dan ix-xogħol sar b’mod sodisfaċenti minn ħaddiema li kienu taħt il-gwida tal-Perit Norbert Gatt flimkien mal-Works Manager George De Battista, is-Supervisor Mikiel Fenech kif ukoll mill-ħaddiema tas-sengħa Philip Tanti, Chris Zammit u Mario Debattista. Issewwew ukoll xi ħitan tas-sejjiegħ fl-inhawi tal-kappella.
Waqt dan ix-xogħol kollu dejjem kien ikun hemm fuq il-post is-Sur Charles Calleja ta’ l-ALPS. Il-karriera twila tas-Sur Calleja fix-Xogħolijiet Pubbliċi serviet lill-ALPS tajjeb ħafna, għax kien jaf eżatt u seta’ japprezza dak li kien qed isir.
Għalkemm ma sarx fiżikament fil-kappella, parti mir-restawr kien jinkludi xogħol fuq l-istatwi ta’ Sant'Anna, San Ġwakkin u ċ-ċkejkna Marija. Skont ir-restawratur Joe Zammit ta’ Marsaxlokk, l-istatwi nġabu minn Franza għall-bidu tas-snin 1900, u huma tal-fuħħar, x’aktarx xogħol ta’ Marsilja. Fost ix-xogħol li sar fuq l-istatwi żdied xi xogħol bid-deheb.
Fi tmiem ir-restawr, fil-kappella nkixfet lapida li tfakkar dan kollu. Il-kxif sar mill-Onor. Francis Zammit Dimech, li għalkemm ma kienx għadu Ministru tax-Xogħlijiet ħallas minn butu għaċ-ċangatura, u Dr Guido Saliba fl-assenza tal-President attwali Ġorġ dei Conti Stagno Navarra.Il-kappella minn barra u minn ġewwa
Il-binja tal-kappella hi sempliċi għall-aħħar. Għandha pjanta kważi kwadra u llum naraw saqaf ċatt tal-konkrit. Kif semmejna qabel, fiż-żmien kellha saqaf troll li kien jitla' mill-gwarniċun li jdur mal-kappella, kif għadna naraw fis-sagristija li hemm maġanb il-kappella. Il-faċċata hi mingħajr tiżjin, ħlief għal gwarniċa fuq il-bieb, tieqa tonda u kampnar żgħir ħafna. Fuq il-faċċata għadna naraw l-irħama bil-kliem “Non gode l’immunità ecclesiastica”. Quddiem il-knisja hemm ukoll zuntier żgħir li minnu tara veduta sabiħa ħafna ta’ l-għelieqi tal-Pwales.
Il-kappella fiha altar wieħed li fuqu hemm kurċifiss modern. Quddiem l-altar, li hu tarġa ogħla mill-bqija tal-kappella, hemm ukoll altar mejda. Il-kwadru li hemm illum fil-Kappella ta’ Sant'Anna huwa xogħol ta’ Dun Giuseppe di Stefano li sar fl-1860. Dan juri lil Sant'Anna u San Ġwakkin jgħallmu lit-tfajla ċkejkna Marija. Il-kwadru, li mhux kbir ħafna, qiegħed fil-ġenb tal-knisja.

Fil-knisja hemm ukoll statwa li turi lil Sant'Anna, San Ġwakkin u lill-Madonna, kif ukoll Via Sagra moderna.
Attivitajiet li jsiru fil-kappella
Illum din il-kappella tinsab fi stat tajjeb ħafna, u fiha kull sena jsiru tlett attivitajiet ewlenin mill-ALPS. Forsi dik li ssir l-aktar bil-kbir tkun meta tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Sant'Anna ġimagħtejn qabel il-jum liturġiku tal-qaddisa, biex ma taħbatx mal-festa tad-Duluri f’San Pawl il-Baħar li tkun fl-istess jum. Għalhekk il-festa normalment issir f’nofs Lulju. Issir quddiesa u normalment isir xi kant allegru mill-istess kor li jkun ħa sehem fil-quddiesa. Wara jiġi organizzat festin żgħir, bl-inħawi ta’ madwar il-kappella li jinxtegħlu għall-okkażżjoni. Għal din il-festa jattendu bosta nies, fosthom dawk li jgħixu fl-inhawi tal-Pwales u membri u ħbieb ta’ l-ALPS.
Il-komunità tant tilqa’ bil-ferħ dawn l-attivitajiet fil-kappella, li saħansitra fil-festa ta’ Sant'Anna fl-2004 ġiet ippreżentata lill-qaddisa l-ewwel tarbija, Ann Grace Therese Cilia, wild koppja li trabbew fil-Pwales.
Attività oħra li ssir f’din il-kappella hi quddiesa qrib kemm jista’ jkun tad-9 ta’ Mejju, il-jum liturġiku tal-festa ta’ San Ġorġ Preca, li kien ukoll ex-student tal-Liceo u, kif jixraq, huwa l-qaddis patrun ta’ l-Għaqda Ex-Studenti Liceo. Fix-xahar ta’ Novembru ssir quddiesa ghall-erwieħ tal-mejtin li kienu membri ta’ l-ALPS, studenti jew għalliema tal-Liceo, kif ukoll qraba tan-nies tal-Pwales li llum qegħdin jgħixu ħajja oħra. Ma jistax jonqos li l-ewwel li jissemma fil-lista tal-mejtin ikun il-mibki Dr Guido Saliba, student u għalliem fil-Liceo li fl-1994 ra sseħħ il-ħolma tiegħu li joħloq l-Association of Lyceum Past Students u kien President-Fundatur tagħha.
Il-Kappella ta’ Sant'Anna tinsab f’kundizzjoni hekk tajba grazzi għall-ALPS, li l-entusjażmu tal-membri tagħha għall-kappella ma naqas xejn minn dak ta’ l-2001. Il-kura tal-kappella llum huwa fdat primarjament f’idejn il-Kumitat tal-Kappella Sant'Anna, magħmul mit-Tabib Nazareno Azzopardi bħala Chairman u s-Sur Leo Scicluna u s-Sur Oscar Galea, it-tlieta membri tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni.
Il-Kappella ta’ Sant’Anna
- fil-Pwales, limiti tax-Xemxija -
Kitba © Walter Glynn u Roderick Busuttil. Dettalji dwar l-arkitettura ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti © Caroline Camenzuli u mill-Internet
Ħajr: Laurence Vella, -A.L.P.S. u Aldo Leone Ganado
Keith Cilia Debono tana r-ritratt ta’ Dun Ġammari, li kien iz-ziju tan-nannu tiegħu.
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



