Santu Rokku Balzan 2 Mqabba 1 Sliema 2 Birgu 1 Msida 1 Valletta 2 Birkirkara 2 Qormi 7 Zebbug 7 Ghaxaq 1 Qrendi 2 Zejtun 1 Kirkop 2 Santa Venera 1 Zurrieq 2 Lija 1 Senglea 1 Luqa 2 Siggiewi 1
Santu Rokku twieled f’Montepellier fl-1295. Jingħad li fuq sidru kellu tebgħa forma ta’ salib. Ta’ 20 sena tilef ‘l ġenituri tiegħu u ddeċieda li jqassam ġidu lill-fqar u rħielha lejn l-Italja. Hawn min jgħid li kien Terżjarju Franġiskan. Waqaf f’Aquapendente li kienet milquta bil-pesta u ddedika ruħu biex jieħu ħsieb ‘l dawk milquta bil-pesta u jfejjaqhom bit-tqegħid tal-idejn u r-radd tas-sinjal tas-salib. Imbagħad mar Cesena, Ruma, Mantova, Padova, Parma u bliet oħrajn tal-inħawi. Kull fejn kien imur, il-pesta donnu kienet tieqaf bis-saħħa tal-mirakli li kien jagħmel.
Fi Piacenza, iżda, l-pesta ħakmet lilu wkoll u n-nies keċċewħ mill-belt tagħhom. Mar jirtira f’foresta fil-qrib biex imut bil-kwiet iżda kelb ta’ wieħed sinjur jismu Gothard kien iġiblu kuljum x’jiekol. Għaldaqstant Rokku fieq u mbagħad reġa’ mar lura f’Montpellier bil-moħbi, b’att ta’ umilta, liebes ta’ pellegrin. Peress li m’għarfuħx, tefgħuh fil-ħabs għax ħasbuħ li kien xi spija. Ħames snin wara miet mewta naturali fl-1327. Kien is-salib fuq sidru u xi dokumenti oħra li ħalla warajħ li għenu jidentifikawħ wara mewtu u dan wassal sabiex inagħtalu funeral xieraq.
Francesco Diedo, il-gvernatur Venezian ta’ Brescia, jgħid fil-ktieb tiegħu tal-1478 (Vita Sancti Rochi) li meta l-Konċilju ta’ Kostanza ġie mhedded li ma jsirx minħabba l-pesta fl-1416, il-fidili ntalbu biex jagħmlu purċissjonijiet u jitolbu ‘l Santu Rokku biex bl-interċessjoni tiegħu jeħlishom mil-flaġell tal-pesta. Iżda l-ewwel kitba dokumentata tal-kult tal-qaddis nisibuha biss wara l-1460.
Il-fdalijiet tiegħu ħaduhom bil-moħbi lejn Venezja fl-1485 fejn għadhom jistrieħu sal-lum. Għadd ta’ konfraternitajiet u fratellanzi twaqqfu f’unur tiegħu. Il-Qaddis ġeneralment jiġi mpinġi liebes ta’ pellegrin fqir, ħafna drabi wkoll qed jgħolli ħwejġu biex jikxef il-ferita tal-pesta fuq kuxtejh. Ikun ukoll akkumpanjat minn kelb li jkun qed iġorr ħobża f’ħalqu. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fis-16 t’Awwissu.
Alfie Guillaumier jidentifika 7 kappelli ddedikati ‘l Santu Rokku fil-ktieb tiegħu “Bliet u Rħula Maltin”. Dawn huma:
- Santu Rokku ta’ Ħ’Attard, magħrufa wkoll bħala ta’ Sant’Anna
- Santu Rokku ta’ Ħal Balzan
- Santu Rokku ta’ Birkirkara
- Santu Rokku fil-Furjana (biss fdalijiet)
- Santu Rokku ta’ Ħaż-Żebbuġ
- Santu Rokku tal-Imdina, magħrufa wkoll bħala l-Madonna tad-Dawl
- Santu Rokku tal-Belt Valletta
Il-kult lejn dan il-qaddis jidher ukoll fin-numru kbir ta' statwi u niċeċ iddedikati lill-qaddis imxerrdin fit-toroq tal-irħula tagħna. Nikol Ciantar, f'lista privata mhux ippubblikata jidentifika 39 statwa jew niċċa mqassmin kif ġej:
Kurjuż il-fatt li f'Għawdex ma jidhirx li hemm statwa li turi 'l dan il-qaddis. Iżda is-Sur Carmel Camilleri, qarrej ta’ dan is-sit, bagħat jgħidilna li ħabib tiegħu miż-Żurrieq jirrakkonta li waħda mill-istatwi li hemm fiż-Żurrieq kienet inġabet minn Għawex minn missieu stess fuq il-luzzu tiegħu. Għalkemm la liema statwa fiż-Żurrieq ma ġiet indikata u lanqas il-lokal minn Għawdex minn fejn oriġinat din l-istatwa ma qalilna, jidher, li jekk din l-istorja tiġi kkonfermata, Santu Rokku kien wasal Għawdex ukoll.
Il-Pesta
Il-pesta hija marda infettiva trasmessa minn batterju (Y. pestis) li jgħaddi mill-annimal infettat, normalment il-ġurdien, għall-bniedem permezz tal-briegħed. Fi żmien il-Kavallieri, din il-marda ħakmet lil Malta fl-1592, 1623, 1655, u 1675-76. Kienet reġgħet tfaċċat ukoll fi żmien l-Ingliżi fl-1813. Il-marda ħafna drabi kienet tibda bid-dħul ta’ xi bastiment li jkun qed iġorr fuqu ġrieden infettati. Għalhekk il-Kavallieri kienu joperaw kwarantina stretta biex jevitaw l-epidemiji. Il Gran Mastru Jean Paul Lascaris bena sptar ta’ iżolament (“Il-Lazarett”) fl-1643 fuq il-gżira Manoel propju biex ikun hemm ta’ kontroll ta’ kwarantina aħjar fuq mard infettiv bħall-pesta u l-kolera. Minkejja dan, il-mard kultant xorta kienet jiskappa l-għassa stretta li kienu jagħmlu.
Meta kienet tfaqqa’ l-epidemija, in-nies ma kienetx titħalla toħroġ minn darha, lanqas għall-quddies u l-qassisin biss kellhom permess joħorġu biex iqaddsu fit-toroq. Joseph F. Grima jikkwota lit-tabib Gio Francesco Buonamico li kien wieħed mill-ewwel tobba li ntebħu li kienet faqqgħet il-pesta fl-1675. Buonamico ħallielna deskrizzjoni preċiża tas-sintomi tal-marda, li kienet toqtol kważi ‘l kull min kienet taħkem fi ftit jiem, kif ukoll spjega ta’ kif xterdet ma’ Malta. L-ewwel każ ta' din l-epidemija faqqa' fl-24 ta' Diċembru tal-1675 għand negozzjant belti Matteo Bonnici. Meta, 9 xhur wara fl-24 ta' Settemberu tal-1676, Malta ġiet iddikjarata ħielsa mill-pesta, kienu mietu (skont J. Micallef ) 11,278 persuna minn popolazzjoni stmata li kienet tlaħħaq għal madwar 51,114.
Fi żmien il-pesta kienu jitolbu l-fejqan bl-interċessjoni ta’ Santu Rokku u San Bastjan, il-protetturi ta’ dawk morda bil-pesta.
Santu Rokku
Protettur tal-Morda bil-Mard Infettiv
Kitba © Noel Ciantar; Ritratti mill-Internet
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



