Il-Kappella ta’ Santa Marija tal-Blat
- Ħal Qormi -

Fl-inħawi ta’ wara l-knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, insibu kappella oħra verament ħelwa ddedikata lil Santa Marija magħrufa l-aktar bħala “tal-Blat” għar-raġuni li fl-inħawi tal-kappella l-blat kien jidher fil-wiċċ. Biex tasal għaliha mill-wied trid taqbad trejqa fuq ix-xellug li twaslek għal pjazzetta ħelwa fejn fiha tinsab din il-kappella.


DSCN4272



Oriġini

DusinaJidher li din il-kappella nbniet għall-ewwel darba fil-bidu tas-seklu sittax. L-ewwel darba li tissemma hu fl-atti taż-żjara ta’ Monsinjur Pietru Dusina fl-1575. Dusina kien sabha nieqsa minn bosta ħwejjeġ fosthom bibien tal-injam, paviment, rettur u bżonnijiet oħra biex tiffunzjona bħala knisja. Kien hemm altar wieħed. Ċertu Nikola Camilleri kellu xi artijiet fl-inħawi msejħa Taħarra jew Ta’ Ħarra taħt kundizzjoni li jiċċelebra l-festa f’din il-kappella flimkien mal-vespri, li ssir quddiesa u wkoll tingħata karitą lil seba’ foqra tal-parroċċa. Camilleri kien imġiegħel jagħmel il-bibien u jiċċelebra l-funzjonijiet tal-kappella fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ sakemm dawn isiru.

Imma l-kappella li naraw illum mhix dik deskritta minn Mons. Dusina. Fl-1601 kienet diġą tinsab fi stat ħażin meta Agostino Galdes kien sar il-prokuratur tagħha. Fl-1634 inagħtalha benefizzju ta’ renta minn Paoluccio Galdes u għaxar snin wara, fl-1644, reġgħet inbniet u din hija il-knisja li għadna naraw illum.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

DSCN4275Din hi kappella verament ħelwa għalkemm għandna faċċata sempliċi. Il-bieb prinċipali hu mdawwar bi gwarniċa mmullata li fin-naħa ta’ fuq tagħha għandha xi dekorazzjonijiet. Fuq il-bieb insibu t-tieqa tonda jew l-oculus li f’dan il-każ hi ddekorata b’forma ta’ salib. Naraw ukoll kampnar li għad għandu qanpiena fuqu u b’salib fil-parti ta’ fuq. Kif naraw ukoll mal-faċċata tal-Kappella ta’ San Pietru f’Ħal Qormi wkoll, bejn it-tieqa t-tonda u l-kampnar naraw statwa żgħira ġo niċċa li turi lil Marija Assunta ġo fiha. Ma’ ġenb din in-niċċa hemm skolpita d-data 1646, li tista’ tkun id-data ta’ meta tlestiet jew inkella giet imbierka il-kappella. Fil-ġenb tal-faċċata naraw numru ta’ mwieżeb għall-ilma.

DSCN4274Il-knisja għandha ukoll zuntier żgħir quddiemha. Fil-pjazzetta ta’ quddiem il-knisja hemm statwa fuq pedestall iddekorat ħafna li turi lil Marija Assunta. Din tagħti dehra ferm sabiħa lil inhawi. Imiss mal-knisja hemm bini b’xi kmamar fosthom sagristija mdaqqsa, fejn tingħata duttrina lil bniet, peress li din il-knisja jieħdu ħsiebha l-membri tal-MUSEUM.

Minn ġewwa l-kappella hi ħelwa ħafna ukoll. Għandha saqaf troll u art tal-madum antik. Il-kappella għandha altar wieħed li fih naraw kwadru tal-Assunta tiela’ s-sema, u li qed tiġi nkurunata minn żewġ anġli. Sfortunatament dan il-kwadru ma nafux min pittru. Mad-dawra kollha tal-kappella naraw gwarniċa li tibqa’ ddur u fuqha jserħu l-arkati tas-saqaf troll. Il-knisja hi kollha fuq il-ġebla minbarra z-zukklatura tal-mużajk.


DSCN4264



F'din kappella jingħad li hemm midfun is-Serv t'Alla Patri Franġisk Antonju Rinaldet li kien Frangiskan Konventwali. Dan twieled il-Belt Valletta fis-sena 1623 u miet bil-pesta fis-sena 1676 minħabba li kien mar jassisti l-morda fl-Isptar tal-pesta fil-Lazzaret. Dan il-patri Franġiskan dejjem kien miżmum bħala raġel qaddis u wara mewtu kien hemm min anke beda jsejjaħlu Beatu għall-fatt li jingħad li Alla kien żejnu b’doni staordinarji.

Ħadd il-Palm u din il-kappella

DSCN4267Ta’ kull sena f'Ħadd il-Palm filgħodu toħroġ proċessjoni solenni mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri lejn din il-kappella bis-sehem tal-fratelli u l-kleru. Il-purċissjoni tkun imexxija mil-Arċipriet tal-parroċċa liebes il-kappa ħamra u jsir it-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ fuq iz-zuntier tagħha. Minn hemm il-processjoni tmur lura lejn il-Knisja Arċipretali fejn imbagħad tibda l-Quddiesa Solenni ta’ Ħadd il-Palm li tagħti l-bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesł Kristu.

Il-Festa tal-Assunta

Ta’ kull sena ukoll f’din il-kappella ssir il-festa ta’ Santa Marija u din tiġi ċċelebrata żewġt iĦdud wara l-ħmistax t’Awissu. Il-knisja fiha l-armar kollhu meħtieġ li jista’ jkollha kappella, inklużi damask, gandlieri u fjuretti. Il-festa ssir billi fil-għaxija ssir quddiesa solenni fil-kappella u wara tingħata l-barka sagramentali.

Fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja il-kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri jieħu ħsieb li mhux biss jarma din l-istess pjazza bid-dawl u b’xi liedna, imma wkoll li ssir fiera, kemm lejlet u kif ukoll nhar il-festa. Ma jonqosx ukoll xi ftit nar tal-art jew ġigġifogu. In-nies ta’ dawn l-inħawi tattendi bi ħġarha għal din il-festa ċkejkna imma ħelwa.

DSCN4278



Din il-kappella, li hi propjetą tal-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri kif diġą għedna jieħdu ħsiebha il membri nisa tal-MUSEUM għar-raġuni li fiha jsir xi tagħlim tad-duttrina lit-tfal bniet ta’ dawn l-inħawi.

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u riċentament ġiet irrestawrata minn barra kif ukoll minn ġewwa. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ħa ħsieb biex jagħti dawra lil din il-pjazzetta u x-xogħol li sar ta dehra verament sabiħa lil dawn l-inħawi. Fil-knisja ma jsirx quddies hlief dik fil-festa tal-Assunta, imma tkun miftuha għat-tagħlim tad-duttrina regolarment.

Ħajr lis-Sur Jesmond Aquilina, Sindku ta’ Ħal Qormi li ġie magħna biex nieħdu r-ritratti minn ġewwa ta’ din il-knisja kif ukoll lis-soċji tad-duttrina li fetħulna l-kappella u dawruna magħha.

Kitba © George Micallef. Ritratti © Caroline Camenzuli

 

L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

fuq facebook

facebook logo Extra Small