IKemmuna hi gżira żgħira li tagħmel parti mill-arċipelagu Malti. Fiha biss 3.5 kilometri kwadri u tinsab kważi fin-nofs fil-fliegu bejn Malta u Għawdex. Għalkemm illum hemm uffiċjalment 4 persuni biss jgħixu fiha, jidher li sa mill-qedem din il-gżira setgħet kienet abitata. Jidher ukoll li fil-medju evu kienet saret post komdu fejn jistkennu l-pirati u għalhekk spiċċat mhux abitata.
Fi żmien il-Kavallieri eżattament fis-sena 1618 fi żmien il-Granmastru Wignacourt inbena it-Torri ta’ Kemmuna ddedikat lill-Santa Marija. Jidher li l-ħsieb li jinbena torri fuq Kemmuna kien ilu jberren f’moħħ il-Kavallieri minħabba li din il-gżira ġieli ntużat biex il-pirati jistkennu fiha u jippreparaw biex jattakkaw il-gżejjer tagħna. Imma minħabba li biex jinbena t-torri ried jinġarr il-materjal kollu bil-baħar dan dam ma nbena. Hu fatt kemmxejn stramb li fuq Kemmuna jidher li kien hemm kappella sa min-nofs is-seklu tlettax. Dan nafuh għax kienet immarkata f’mappa antika jew portolan ta din l-epoka.
Dedika
Fil-bidu din il-knisja kienet iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidna Marija u kien għalhekk li din il-kappella tissejjaħ Il-Knisja ta’ Santa Marija, u għadha tissejjaħ hekk sal-lum. Il-Bajja li hemm biswitha tissejjaħ ukoll il-bajja ta’ Santa Marija,
Bħalma l-Insara madwar id-dinja jiċċelebraw is-Seba' Duluri tal-Verġni Imbierka, jiċċelebraw ukoll is-seba' mumenti ta’ ferħ li ġarrbet il-Madonna. Fost dawn insibu r-ritorn tas-Sagra Familja f’Nazaret mill-Eġittu, wara li anġlu tal-Mulej deher lil Ġużeppi biex jinfurmaħ li Erodi l-Kbir, li kien ried joqtol lil Ġesł , issa kien miet.
Jingħad li din id-devozzjoni kienet tant kbira fost ir-raħħala ta’ din il-gżira ċkejkna, li meta rranġawha bidlu d-dedika min dik ta’ Santa Marija, għar-Ritorn tas-Sagra Familja mill-Eġittu.
Oriġini
Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel knisja iżda tidher li hija antika ħafna. Li nafu żgur hu li din il-kappella, li tagħmel parti mid-djoċesi t’Għawdex, inbniet aktar minn darba. Din il-gżira għamlet żmien abbandunata minħabba il-ħbit frekwenti tal-furbani, u aktarx li ġiet sakkeġġata minn dawn il-ħallelin tal-baħar kemm-il darba. Iżda fil-bidu ta’ l-1618 il-kavallieri bnew it-torri ta’ Santa Marija u ftit wara, fl-istess sena, xi raħħala reġgħu marru joqgħodu f’Kemmuna, għax ħassewhom protetti bit-torri li kien għadu kif inbena. Dawn mill-ewwel, reġgħu bnew din il-knisja. Il-kappella kienet diġą teżisti qabel din id-data, għaliex f’mappa nawtika ta’ nofs is-seklu tlettax hemm indikata l-knisja f’Kemmuna, għalkemm mhux bilfors fl-istess post fejn ninsibu lil din tal-lum. Din il-mappa antika tinsab miżmuma fil-Mużew Marittimu ta’ Greenwich fl-Ingilterra.
Iżda nsibu ukoll li fl-1667 din il-kappella ġiet ipprofanata mill-Isqof Bueno. Fl-1716 ir-raħħala li kienu jgħixu f’din il-gżira reġgħu irranġaw din il-knisja u kabbruha, u ddedikawha lir-ritorn tas-Sagra Familja f’Nazareth mill-Eġittu, u reġgħu fetħuha għall-kult tal-publiku. F’dik l-istess sena l-Isqof Cannaves reġa' ikkonsagraha mill-ġdid. Fi żmien aktar riċenti, Monsinjur Mikiel Gonżi, meta kien Isqof t’Għawdex, kien iħobb imur jippriedka l-eżerċizzi tar-Randan hemmhekk.
L-għamla tal-Kappella
Din il-kappella minn quddiem tidher li għandha saqaf ċatt, qisha xi razzett, iżda x’ħin tidħol fiha, issib li għandha saqaf ta’ stil neogotiku mibni fuq tlett ħnejjiet. Il-ġnub tagħha jingħaqdu f’linja li tibda minn ħdejn il-bieb ta’ barra u tispiċċa fl-apside. Dan l-apside mdawwar ukoll, jispiċċa b’ponta waħda fis-saqaf, eżatt f’tarf il-linja li semmejna. Minn ġewwa, il-knisja hija sempliċi ħafna, u ma għandiex tiżjin arkitettoniku.
Il-Presbiterju u l-parti tal-artal huma maqtugħa mill-kumplament tal-kappella permezz ta’ grada tal-injam li tissejjaħ ‘iconostasis’. Din hija speċi ta’ użanza Biżantina, li daħlet f’Malta meta ġew f’Malta xi qasssisin tar-rit Biżantin wara l-ħakma Għarbija f’Malta. Din hija l-unika knisja li għad għandha din il-grada għalkemm xi wħud, bħal dik tal-Lunzjata Ħal Millieri għadhom juru t-toqob fejn darba kien hemm l-iconostasis imwaħħla. Jingħad li din il-grada li naraw illum saret fl-aħħar tas-seklu dsatax jew fil-bidu tas-seklu għoxrin biex tieħu post oħra antika ta’ oriġini medjevali.
F’din il-kappella hemm xi siggijiet fi gruppi ta’ tlieta tlieta. Fuq barra, din il-knisja għandha zuntier żgħir tul il-faċċata tagħha kollu. Fil-faċċata fil-għoli insibu żewġt twieqi li qed jagħtu d-dawl ġewwa dan il-maqdes. Fin-naħa ta’ fuq tal-faċċata nsibu kampnar ħelu, bi tlett ħnejjiet, u fuq il-ħnejja tan-nofs hemm salib tal-ġebel. Dan it-tip ta’ kampnar tista' tgħid li hu uniku fil-forma tiegħu f'Malta.
Il-bieb tal-knisja mhuwiex faċċata tal-altar kif imdorrijien naraw f’ħafna mill-knejjes tagħna. Jiġifieri kif tidħol trid iddur fuq ix-xellug biex issib l-altar. Kif tidħol fil-knisja trid tinżel tlett tarġiet biex tiġi għall-livell tal-art. Dan ukoll hu stil li jinsab fil-kappelli tal-epoka.
Leġġendi
Ma' dan it-tempju nsibu leġġenda ħelwa marbuta miegħu. Din il-leġġenda tgħid li ċertu eremita San Kurraw telaq minn għar fil-Mosta segwit minn xi nies Mostin jinsulentawħ. Hu qasam il-baħar fuq il-mantar tiegħu għal Kemmuna, fi trieqtu lejn il-Qala, Għawdex. Hemm sab eremita ieħor magħruf għall-qdusija tiegħu. Skont din il-leġġenda, dawn iż-żewġ eremiti kienu jżuru lil xulxin billi jaqsmu l-fliegu fuq il-mantar tagħhom.
Leġġenda oħra ħelwa kienet tgħid li meta kien ikun il-maltemp u l-qassis ma kienx ikun jista' jmur iqaqddes Kemmuna, in-nies t’hemmhekk kienu jinġabru fil-bajja ta’ Santa Marija biex jisimgħu l-quddiesa li kienet issir fil-knisja tal-Kunċizzjoni tal-Qala, imsejħa “ta’ fuq il-blat”. Din mhix dik ta’ San Kerrew, iżda oħra żgħira li tinsab fil-għoli fuq Ħondoq ir-Rummien, u li tiġi sewwasew faċċata ta' Kemmuna.
Opri f’din il-knisja
It-titular huwa biċċa xogħol mill-isbaħ li juri lis-Sagra Familja tirritorna Nazaret mill-Eġittu. Fil-kwadru tidher il-Verġni Imbierka tidderiġi lit-tfajjel Ġesu’ minn idu, waqt li San Ġużepp jidher wara, maġenb il-ħmar li qed jiġi miġbud minn anġlu. Naraw ukoll anġli oħrajn li jidhru li qed josservaw kollox, u żewġ titfal iħarsu mistgħaġba. Dan huwa xogħol mil-isbaħ attrbwit lill-pittur Senglean Francesco Zahra jew inkella ta’ xi ħadd mill-iskola tiegħu. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1928 mill-Kav. Vincenzo Bonello.
Ta’ preġju wkoll huwa kalċi antik li hemm f’din il-kappella. Dan il-kalċi ġej minn żmien il-kavallieri. F’dan it-tempju hemm ukoll tlett statwi, waħda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesł, statwa oħra tal-Madonna, u statwa oħra ta’ San Ġużepp u t-tfajjel Ġesł.
|
Ritratti © Roderick Busuttil
|
|

|

|
|

|

|
|
|
Ritratti © Roderick Busuttil
|
|

|

|
|

|

|
|
Festi li jsiru f’din il-knisja
Il-festa titulari ta’ din il-knisja tiġi ċċelebrata fis-7 ta’ Jannar, l-għada tal-Epifanija, iżda m’għadiex tiġi ċċelebrata. Minflokha, fiha tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb Mqaddsa ta’ Ġesł fl-24 ta’ Lulju.
Fl-antik il-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesł kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir, u kien jinħaraq anki n-nar. Dan baqa jseħħ biss sal-1949, meta saret traġedja kbira. Wieħed mill-murtali li kienu qegħdin jinħarqu dak inhar, ħa fl-art u ħalla liż-żagħżugħ Salvu Said mejjet. Minn dak inhar l-hawn, ma baqgħux isiru aktar festi ta’ barra f’din il-gżira ċkejkna.
Din il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba grazzi għan-nies tal-lokal. Hi tkun miftuha għall-quddies is-Sibt fil-għaxija fis-6pm u l-Ħadd fil-għodu fil-5.45am. Fis-sajf issir quddiesa oħra is-Sibt fis-7.15pm.
Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Roderick Busuttil u Google Maps
Il-Kappella tar-Ritorn tal-Verġni Marija mill-Eġittu - Kemmuna -
L-aħħar tibdil sar
Mon, 02 April 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011