Il-Kappella tal-Kunċizzjoni
- Bengħajsa, limiti ta’ Birżebbuġa -
Magħluqa qalb l-irżieżet tar-raħal pittoresk ta’ Bengħajsa, ftit il-bogħod mit-triq li tieħu għal Għar Ħasan, insibu kappella verament ħelwa ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Biex tasal għaliha, int u nieżel mit-triq li minn Ħal Far tagħti lejn il-Freeport u Birżebbuġa, fuq il-lemin issib kisra li tagħti lejn ftit djar li jagħmlu l-irħajjel ta' Bengħajsa u f'nofshom ssib din il-kappella.

Oriġini
Il-kappella nbniet fl-1823 minn Dun Ġakbu Gauci miż-Żurrieq fuq biċċa art tiegħu wara talba lill-Isqof Ferdinando Mattei fit-8 ta’ Marzu u milqugħa b’digriet fil-25 ta’ April. Fit-talba lill-Isqof, Dun Giacomo talab li jkun jista’ jqaddes fiha fil-Ħdud u festi u għamel fondazzjoni ta’ Quddiesa u l-ewwel Għasar nhar it-8 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Il-benefiċċju kien jitħallas mill-art magħrufa bħala “ta’ Hlarliche”. Wara talba ta’ l-istess fundatur fl-10 ta’ Settembru tal-1823, l-Isqof Mons. Mattei għamilha ġuspatronat tal-familja b’digriet iffirmat minnu nhar it-22 t’Ottubru tal-1823. Fl-1993, il-ġuspatronat lajkali kien irrinunzjat mill-eredi tal-fundatur u mgħoddi lill-Awtoritajiet Ekkleżjatiċi li min-naħa tagħhom għaddew il-kappella lill-parroċċa ta’ Birżebbuġa. Il-kappella nbniet minn mastru Frenċ Callus u tħallset mill-fundatur stess.
Il-Kappella tinbena mill-ġdid
Il-kappella reġgħat inbniet mill-ġdid u mkabbra bejn is-snin 1861-1862. Il-kappella tbierket b’mod sollenni mill-Isqof Mons. Gaetano Pace Forno fil-15 ta’ Jannar tal-1862 fit-tieni Vista Pastorali tiegħu, meta Dun Ġużepp Gauci, neputi tal-fundatur, kien rettur tagħha. Ix-xogħol tar-rikostruzzjoni tmexxa taħt id-direzzjoni ta’ mastru Ġużeppi Callus.
Il-Kappella ssir sagramentali
Fis-16 t’Ottubru tal-1953, l-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi MBE, wara approvazzjoni minn Ruma, laqa’ t-talba tar-rettur ta’ din il-knisja sabiex fiha jibda’ jinżamm is-Sagrament fix-xahar ta’ Ottubru, fit-tmien t’ijiem tal-eżerċizzi spiritwali u f’jiem il-festa u t-tridu.
Rabta mal-Professur Monsinjur Pietru Pawl Saydon
Din il-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħajsa għandha marbut magħha isem li jfisser ħafna, dak tal-Professur Monsinjur Pietru Pawl Saydon, traduttur tal-Bibbja mill-ilsna oriġinali għall-Malti. Ta’ min jgħid hawnhekk li ħafna mix-xogħol (tul ta’ 30 sena sħaħ) sar fil-kappella kif ukoll fid-dar bl-isem ta’ “Dar is-Sliem” li Saydon kellu tefgħa ta’ ġebla bogħod. Il-pjazza li ffurmat quddiem il-kappella nfisha wara li nfetħet it-triq issemmiet appuntu għal dan il-professur, benefattur kemm tal-kappella kif ukoll tan-nies tal-inħawi.
Retturi ohra ta’ din il-kappella
Barra Mons Pietru Pawl Saydon li ssemma’ aktar ‘l fuq fil-bidu tal-kitba, retturi oħra tal-kappella jinkludu lil Dun Pawl Saydon, iz-ziju tal-professur, Patri Raymond Formosa, Dumnikan, li kien rettur matul iż-żmien kiefer tal-gwerra (f’dan iż-żmien il-kappella għal ftit ma nqerditx u ħelsitha bi żbrixx meta bomba waqgħet fl-għalqa ta’ warajha) u Dun Franġisk Callus miż-Żurrieq li miet ta’ eta’ żgħira fl-1916.
Il-Kappella minn barra u minn ġewwa
Il-kappella għandha pjanta rettangolari b'saqaf troll li jistrieħ fuq ħames arkati li jitilgħu minn fuq ċinta għolja fil-ħitan tal-ġenb. Hemm altar wieħed tal-ġebel u li fuqu hemm il-kwadru titulari li ma tantx għandu xi preġju artistiku kbir. Dan jinsab imdawwar minn reredos magħmul minn żewġ pilastri ta' stil Toskan, entablatura u pediment triangolari maqsum li f'nofsu hemm tieqa ovali. Fil-ġenb tal-altar hemm żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija żgħira. Fuq dawn il-bibien hemm żewġ kwadri, wieħed tad-Duluri u l-ieħor ta' San Ġużepp. Fil-kappella hemm ukoll il-kwadri tal-Via Sagra.
Il-faċċata tal-kappella għandha żewġ pilastri ta' stil Toskan fil-ġenb iżda m'hemmx entablatura. Fuq nett fin-nofs hemm kampnar eleganti bi ħnejja żgħira fuqu.

Fuq il-kampnar nsibu qanpiena magħmula mid-ditta ‘Taylor’ fl-1947 u fuq hemm minquxa l-ittri kbar l-isem ‘Concetta’. Din il-qanpiena nxtrat minn Michele Schembri. Fit-23 t’April tal-1948, Schembri ppreżenta rikors fil-Kurja sabiex ikun jista’ jinbni kampnar flok dak li kien hemm. Dan intlaqa’ fis-16 ta’ Ġunju wara l-pjanta tiegħu kienet approvata mill-‘Giunta Diocesana’.
Fil-ġnub il-kappella għanda żewġ pilastri ta' stil Toskan li jerfgħu l-entablatura u li fuqha għandha pediment triangolari maqsum li f'nofsu hemm tieqa rettangolari wieqfa bi gwarniċa maħduma eżatt fuq il-bieb. Din hi magħluqa minn grada tal-ħadid li fiha hemm il-monogramma Marjana. Din it-tieqa tagħti d-dawl lil din il-knisja. Fil-ġnub tal-bieb naraw is-soliti żewġ twieqi baxxi li fl-antik kienu jippermettu lid-devoti li jinvistaw il-knisja anki meta kienet tkun magħluqa. Il-kappella quddiemha għandha zuntier żgħir magħluq bil-balavostri. Din il-kappella għandha faċċata pjuttost sempliċi.
Attivitajiet f’din il-Kappella
Fuq l-inizjattiva ta’ diversi Bengħajsin, il-kappella tal-Kunċizzjoni kienet irrinovata u fuq disinn ta’ Dun Gino Gauci żżanzan altar-mejda flimkien ma’ konfessinarju. Il-vara antika tal-Kunċizzjoni li titqiegħed fuq in-naħa tal-lemin f’jiem il-festa, saritilha niċċa fis-sagristija.
Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u fiha jsir il-quddies kull nhar ta' Ħadd.
Kitba © Michael Balzia. Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti © Anthony M. Brincat u mill-Internet.

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

