F’parti mill-isbaħ ta’ l-Imġarr f'Malta, kollha ħdura, bis-siġar tal-frott u b’raba mill-aqwa, bi ftit irziezet qodma għad-dell tal-għolja tan-Nadur u mxabbta magħha, fin-naħa tax-xlokk, hemm iż-żona msejħa ta’ Binġemma.
Fit-tarf ta’ l-irdum insibu kappella ħelwa, pittoreska bl-isem stramb tal-Madonna ta’ Itria. Xi wħud isejħulha bħala "Il-Madonna ta’ l-Ittra", imma mhux il-każ għaliex propjament din il-kappella hija ddedikata lill-Madonna ta’ Hodegitria.

Binġemma
Binġemma huwa post pittoresk ħafna u l-parti fejn hemm din il-kappella hija wkoll sit storiku u arkeoloġiku. Fil-wied ta’ Binġemma li hemm jaqsam dan il-lokal, insibu diversi oqbra Puniċi Rumani, u għerien fejn kienu jgħixu n-nies primittivi. Iktar 'il fuq insibu l-fortizza Binġemma, li kienet mibnija fil-bidu ta’ żmien l-Ingliżi. Taħt l-għelieqi ta’ faċċata tal-kappella huwa maħsub li hemm xi fdalijiet Rumani għaliex fil-ħamrija għammiela ta’ dawn l-għelieqi wieħed jista' faċilment isib biċċiet tal-fuħħar.
Minbarra dawn, f’dan il-lokal jeżistu fdalijiet aktar antiki, li huma l-kanali fil-blat magħrufin bħala l-“cart ruts”. Dawn imorru lura għal żmien preistoriku u għalkemm jeżistu diversi teoriji ta' kif setgħu saru u għal xiex kienu jservu, xejn mhu ppruvat.
L-Istorja tal-Kappella
L-ewwel kappella li kien hemm f’dan il-lokal inbniet fl-1600 min-nobbli Giovanni Maria Xara f’ waħda mill-artijiet tiegħu. Din il-knisja, li kienet iddedikata lill-Beata Verġni Marija ta’ Itria (Hodegitria), kellha ċimiterju żgħir quddiemha u kienet miżmuma kif jixraq.

F'din il-kappella kien hemm artal wieħed tal-ġebel, u fuqu kien hemm kwadru tal-Madonna ta’ Kostantinopli. Kellha qanpiena tal-bronż, imma kienet nieqsa minn kull ħaġa oħra. Kienet issir il-festa tal-Madonna fit-tielet Ħadd wara l-Pentekoste. L-Isqof ordna li jsirilha bieb u li tiġi mgħammra b’ kulma kien meħtieġ biex fiha jkun jista' jsir il-quddies għall-bdiewa u r-raħħala li kienu jgħixu f’dak il-lokal. Il-werrieta ġew imwissija biex ikomplu l-obbligi li kellhom fil-wirt.
Din il-knisja ġiet xi ftit ittraskurata u qdiemet għal kollox u kienet ser taqa’ u fl-1658, l-Isqof Molina ipprofanaha. Iżda fl-1680, in-neputi ta’ Giovanni, il-Baruni Stanislaw Xara, li kien il-kaptan tal-Virga ta’ l-Imdina bejn 1671 u l-1673, iddeċieda li minn butu jħott din il-knisja ċkejkna u bl-istess ġebel u xi ġebel ieħor jibni oħra ikbar; u hekk inbniet din il-kappella ħelwa li hemm illum ftit akbar mill-oħra, u ftit il-bogħod minfejn kienet il-knisja ta’ qabel.
Il-Baruni Stanislaw Xara ntrabat u waqqaf benefizzju ta’ ġuspatronat, marbut mal-knisja l-qadima, u rabat il-ġid kollu tiegħu f’Malta u Għawdex biex jagħmel tajjeb għal dan. Huwa ntrabat li jekk il-knisja taqa’ u tinbena oħra minflokha bl-istess titolu u qrib l-istess post, il-benefizzju u t-tagħmir kollu jgħaddi għal din il-knisja l-ġdida. Huwa żamm biss il-kundizzjoni li din il-knisja u kull waħda oħra minflokha tkun meħlusa minn taħt idejn il-Kappillan u l-parroċċa u tkun soġġetta biss għall-Isqof tad-djoċesi.
Din il-kappella ġiet iddedikata lill-Madonna ta’ Itria, jew kif tfisser bil-Malti, il-Madonna tat-Triq (“li turina t-Triq”), titlu li f’dawk iż-żmenijiet kien popolari ħafna. Fil-fatt kien hawn diversi kappelli ddedikati hekk, fosthom il-kappella tal-Griegi li kienet tinsab ħdejn il-bieb tal-Griegi fl-Imdina. Maż-żmien, din id-devozzjoni ntilfet, u llum kulma baqa' hawn Malta hija biss din il-kappella li ġġib dan it-titolu.
Fl-1722 l-Isqof Gori Mancini sab il-knisja l-ġdida mgħammra tajjeb ħafna bl-istess kwadru li kien hemm qabel u bil-lampier jixgħel quddiemu. Il-fundazzjoni tal-quddies magħmula mill-Baruni Stanislaw Xara kienet qegħda ssir regolarment. Wara din il-knisja huwa mar jara l-fdalijiet tal-knisja l-qadima li skont il-liġi kanonika, kellhom ikunu mdawrin b’ħajt tal-ġebel b’salib tal-injam f’nofsha.
Il-kappella baqgħet dejjem tinżamm tajjeb mis-sinjuri Xara u l-werrieta tagħhom u baqgħet tiġi moqdija minn saċerdot għall-quddiesa fil-Ħdud u l-festi. L-Isqfijiet kienu jagħmlu żjara lil din il-knisja fil-viżti Pastorali minħabba li kienet knisja marbuta ma' benefiċċju. Dejjem sabu miżmuma tajbin l-affarijiet meħtieġa għall-quddiesa u r-reġistri tal-quddies, kif ordnat mill-Isqof Cocco Palmieri, miżmuma tajbin.
Fl-1870, il-Kontessa Marija Antonia Sant waqqfet l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bl-approvazzjoni tal-Papa, mogħtija b’digriet tat-28 ta’ Diċembru 1870.
Il-Kappella
Il-Kappella tikkonsisti fil-knisja, sagristija żgħira mibnija mal-ġenb tal-knisja, u li għandha bieb għal barra, u kamra żgħira fuq is-sagristija, li kienet isservi bħala post fejn jistrieħ il-qassis li kien imur iqaddes f’din il-kappella. Tidher ċar li s-sagristija u l-kamra li hemm fuqha nbnew wara, għax it-travi tas-soqfa huma tal-ħadid.
Din il-Kappella qegħda mibnija fuq xifer il-blat, fejn taħtha hemm għaddej il-Wied ta’ Binġemma. Eżatt taħt din il-kappella hemm qabar Puniku mħaffer fil-blat, li l-parti ta’ barra tiegħu, xi żmien ilu, ġiet imċarrta min-nies ta’ l-inħawi biex saret forma ta’ għar. Dan l-għar kien iservi biex il-qassis li kien jitla' mill-Mosta fuq il-ħmar mis-Sibt filgħaxija, ikollu fejn iserraħ din il-bhima għal matul il-lejl. Fil-fatt, fl-għar tidher ukoll fejn kien jorbot il-ħmar.
Il-knisja għandha zuntier żgħir ħelu ħafna, b’ erba’ tarġiet fin-nofs, li minnhom tidħol fil-knisja. Fil-bieb prinċipali tal-kappella hemm żewġ twieqi waħda f'kull bieba. Il-faċċata hija sempliċi, bit-tarf imqabbeż ftit 'il barra forma ta’ disinn. Fuq il-bieb hemm tieqa tonda, u fuq din it-tieqa hemm arma ġentilizja bi tliet siġriet tal-Baruni Stanislaw Xara, li bena din il-knisja. Fuq il-knisja hemm kampnar forma ta’ arkata b’salib fuqu. Fil-kampnar hemm qanpiena tal-bronż.
Il-Kappella minn ġewwa hija sempliċi ħafna f’dik li hi arti sagra, bħall-knejjes l-oħra ta’ qalb il-kampanja, iżda hija ħelwa ħafna. Għandha artal wieħed tal-ġebel, u quddiemu hemm artal żgħir f’forma ta’ mejda ta’ l-injam. Hemm ukoll il-Via Sagra u hemm ukoll pittura ex-voto. Fuq it-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb insibu lapida li fuqha hemm miktub bil-Latin: “Aedem in honorem bvm de Itria Gio Maria Xara Alibi Aedificatam 1600 Baro. Stanislaus Xara nepos dotavit 1680 ed ad hvnc transtulit locum ac amplioriem formam a fudamentio erexit”. Il-Knisja għandha saqaf troll u ħdejn il-gwarniċun tal-kwadru titulari hemm żewġ twieqi żgħar ħafna, biex ikomplu jagħtu d-dawl lil din il-kappella.

Il-kwadru titulari li jinsab fil-kappella llum huwa sempliċiment ritratt, kopja stampata ta’ dak oriġinali li kien tpitter minn Stefano Erardi fl-1681. Dan il-kwadru jirrappreżenta lill-Madonna u Ġesł Bambin li qegħdin fuq tron li qiegħed miżmum fil-parti t'isfel mill-qaddisin San Pawl, San Franġisk t’Assisi, San Ġakbu, San Duminku, Sant Antnin ta’ Padova u Santa Roża li huma qaddisin kbar li mxew wara Ġesł fit-triq it-tajba. Il-pittura oriġinali tinsab fil-mużew ta’ Sant Agata. Jidher li dan il-kwadru tneħħa minn din il-kappella minħabba l-biża’ li dan jista' jinsteraq, kif sfortunatament ġara lill-pitturi oħra f’kappelli oħrajn tal-kampanja.
Attivitajiet fil-Kappella
Fis-sena 2000 fl-okkażżjoni tal-bidu ta’ millenju l-ġdid, fl-għalqa ta’ quddiem il-knisja tpoġġiet statwa tal-Madonna b’Ġesł Bambin f’dirgħajha, imlaqqma l-Istatwa tal-Millenju. Din saret b’wegħda.
Il-Festa titulari ta’ din il-kappella għadha tiġi ċċelebrata bil-kbir fl-aħħar Ħadd t’Ottubru. Il-festi jinkludu anki tlett ijiem ta’ tridu, biex imbagħad is-Sibt lejlet il-festa, issir ħuġġieġa tradizzjonali quddiem il-kappella. F’nhar il-festa l-kappella tkun miftuħa l-ġurnata kollha, biex imbagħad wara nofs in-nhar issir purċissjoni żgħira akkumpanjata minn banda fejn jitkantaw Innjiet Marjani u tingħad it-talba tar-rużarju. Wara hemm tradizzjoni fejn kulħadd iġib xi ħaġa ta’ l-ikel miegħu biex imbagħad isir festin żgħir li jagħlaq il-festa.
Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u llum qiegħda f’idejn is-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl. Ir-Rettur preżenti tagħha huwa Fr. Gerald Bonello MSSP. Fiha jsir quddies kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati fis-7.00 ta’ filgħodu għall-bdiewa u raħħala li għadhom joqogħdu f’dawn l-inħawi.
Ħajr lil Fr. Victor Zammit MSSP talli tana ħafna informazzjoni u qagħad idawwarna mal-kappella.

Il-Kappella tal-Madonna ta’ Itria
- Binġemma -
Kitba © Joe Brincat; Ritratti © Roderick Busuttil

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

